12 ta’ Ottubru: San Serafin minn Montegranaro

Verżjoni Vidjo: San Serafin minn Montegranaro

“Omm Qaddisa, isma’ talbi, dawk il-pjagi qegħedli f’qalbi, t’Ibnek Ġesù  Msallab” – Talba lill-Madonna li San Serafin kien iħobb jitlob ta’ spiss.

seraphin_de_montegranaro_1SAN SERAFIN TA’ MONTEGRANARO
Reliġjuż
1540 – 1604

Tagħrif: Dan il-qaddis kien iben bennej fqajjar minn Montegranaro, fil-Marche ta’ Ancona. Hu nnifsu kien qed jistenna li jikber biex bħal ħuh akbar minnu jieħu s-sengħa ta’ missieru, imma sadanittant kien jaqla’ xi ħaġa tal-flus jirgħa n-ngħaġ f’raħal fil-qrib.

Mal-mewt ta’ missieru, hu kien imsejjaħ lura d-dar; u ħuh ikbar minnu, li allura issa kien beda jaħdem miegħu jgħinu fil-bini bħala assistent, kien jiddieħak bih minħabba t-tjubija tiegħu, kien jumiljah u jheddu, u kien ukoll isawtu u jittrattah ħażin ħafna.

Huwa kellu l-ħsieb li jmur eremit iżda meta sema’ bil-Kappuċċini applika biex jidħol ajk magħhom f’Tolentino. Wara li ġie rrifjutat kemm-il darba, il-provinċjal daħħlu ta’ 16-il sena. Serafin għamel progress kbir fil-ħajja spiritwali iżda ma tantx kien tajjeb għax-xogħol ordinarju li jagħmlu l-ajkijiet u kien isir ħafna tgergir dwar li Serafin kien bla grazzja f’għemilu.

Il-fedeltà tiegħu lejn ir-regola, id-devozzjoni lejn is-Santissmu Sagrament, il-karità lejn kulħadd u l-mirakli tiegħu għamluh maħbub mill-poplu. Għadda żmien twil mill-ħajja tiegħu monastika f’deżolazzjoni interna, spiss kien anki jiddubita mis-salvazzjoni ta’ ruħu. Huwa miet f’Ascoli fl-età ta’ 64 sena u sitt snin wara Pawlu V ppermetta li jinxtegħlu l-lampi fuq il-qabar tiegħu.

Ħsieb: Il-qdusija ta’ San Serafin kienet rikonoxxuta minn ħafna. Xi drabi, kien skoraġġut minħabba li sħabu l-patrijiet kienu jirredikolawh. Serafin kien jerġa’ jikseb il-paċi ta’ qalbu u l-perspettiva tiegħu permezz tat-talb. Huwa spjega,

“Meta dħalt fil-ħajja reliġjuża kont ħaddiem fqir imsejken, nieqes minn kull talent u bla potenzjal. Bqajt kif kont, u dan ikkawżali tant umiljazzjonijiet u ċanfir li x-xitan kien juża dawn bħala opportunità biex iħajjarni nħalli l-ħajja reliġjuża u nirtira f’xi deżert, u ningħalaq fija nnifsi. Jiena ntlaqt f’idejn il-Mulej, u lejl minnhom smajt vuċi ġejja mit-tabernaklu tgħid, “Biex isservi lil Alla trid tmut għalik innifsek u taċċetta d-diffikultajiet, ta’ kwalunkwe tip.” Allura jien aċċettajthom u daħħalt f’rasi li nitlob ir-rużarju għal kull min ikkawżali l-problemi. Imbagħad smajt l-istess vuċi mit-tabernaklu tgħidli, “It-talb tiegħek għal dawk li jimmortifikawk lili jogħġobni ħafna. Bi tpattija għal dan, jiena lest li nagħtik ħafna grazzji.”

Tassew li l-għeġubijiet li għamel b’idejh kienu abbundanti. Fil-fatt, in-nies bdew jikkonsidrawh bħala qaddis, wieħed li jaf ifejjaq u jipprofetizza.

Ħafna mill-patrijiet taw xhieda li, wara li kulħadd kien imur fis-sodda, kienu spiss jisimgħu lil Serafin miexi lejn il-knisja biex iqatta’ l-lejl f’adorazzjoni quddiem is-Sagrament Imqaddes. Serafin darba stqarr li r-raġuni li kien iqatta’ ħafna mil-lejl fil-knisja kien minħabba li, fil-kamra tiegħu, kien ikun imħajjar biex jaqa’ fid-dnub kontra l-kastità, anki fix-xjuħija tiegħu.

Ir-reputazzjoni ta’ Serafin waslet ukoll għand id-Duka tal-Bavarja u ta’ Parma, għand il-Popli Nobbli ta’ Bologna, u l-Kardinal Bandini. Biex jiġi evitat li n-nies ibusulu jdejh jew il-libsa tiegħu bħala turija tar-rispett tagħhom, Serafin kien iġorr kurċifiss miegħu, u joffrilhom lilu biex ibusuh.

Għalkemm kien kważi analfabeta, Serafin kien jitkellem dwar Alla b’mod aktar eloċenti minn kwalunkwe teologu. Anki l-isqof ta’ Ascoli, it-teologu eminenti, il-Kardinal Girolamo Bernerio, talab il-pariri ta’ Serafin.

Serafin kien awster fil-persuna tiegħu. Darba biss f’ħajtu aċċetta libsa reliġjuża ġdida, u għax kien taħt ubbidjenza. Għal 40 sena kontinwi, huwa kiel biss soppa jew insalata. B’konformità mal-ispiritwalità prevalenti ta’ dak iż-żmien, Serafin kellu devozzjoni personali li jqaddes l-akbar ammont ta’ quddies possibbli.

F’qalbu kien spiss jikkontempla t-tbatijiet ta’ Kristu. Imħeġġeġ kif kien bl-imħabba ta’ Alla, xtaq anki jxerred demmu għall-imħabba ta’ Dak li xerred Demmu għal kulħadd. Peress li x-xewqa tiegħu li jmut martri ma seħħitx, huwa għamilha d-drawwa tiegħu li jitlob lill-Madonna ta’ spiss bil-kliem: “Omm Qaddisa, isma’ talbi, dawk il-pjagi qegħedli f’qalbi, t’Ibnek Ġesu Msallab.”

Serafin kellu wkoll sens kbir ta’ umoriżmu. Darba, mara staqsietu jekk hi kinetx se twelled tifel jew tifla. Serafin ipprova jevita li jwieġeb. Imma l-mara insistiet, u qaltlu, “Kif inkun naf liema isem nagħżel?” Daħkan, Serafin weġibha, “L-aħjar li tagħżel Ursula u sħabha,” biex jindika li matul ħajjitha, il-mara kienet se twelled diversi bniet waħda wara l-oħra.

Min dan kollu li issa sirna nafu dwar dan il-patri sempliċi, nistgħu ngħidu li tispikka fih l-umanità fl-aqwa tagħha:

  • Kien bullied minn ħuh,
  • imbagħad mill-patrijiet,
  • kien jiftaħ qalbu ma’ Ġesù,
  • iżomm lilu nnifsu fil-knisja tul il-lejl għax fiċ-ċella kien jesperjenza tentazzjonijiet kontra s-sitt kmandament,
  • u kien iħobb jiċċajta u jnissel tbissima fuq fomm ta’ madwaru.

Kien propju t-TALB u l-kuntatt frekwenti tiegħu ma’ Alla, li BIDEL lil dan il-bniedem:

  • imweġġa’,
  • umiljat,
  • forsi b’nuqqas ta’ maħfra u bi ħsibijiet ta’ vendetta
  • u b’ħajra għaż-żina,

f’wieħed QADDIS.

Mhux talli ma kien baqalu l-ebda xewqa kontra dawk li għaddewh minn tant tbatija, talli ħareġ minnu karattru umoristiku li jferraħ lil ħaddieħor! X’bidla kapaċi jagħmel Alla fil-ħajja ta’ dawk li jfittxuh b’sinċerità  u b’ħerqa!!

  • U inti, tfittex lil Alla bil-ħerqa u bis-sinċerità biex taqsam miegħu il-ferħ u n-niket tiegħek?
  • Tħallih jibdillek qalbek u ħajtek hekk li jfejjaqlek il-ġrieħi li sarulek u jgħinnek taħfer u titlob għal min weġġgħek?
  • Tagħmel kull ma hu possibbli biex tevita li taqa’ fid-dnub kontra s-sitt kmandament jew kontra xi kmandament ieħor?
  • Tipprova tinsa ftit lilek innifsek u tkun kawża ta’ ferħ fil-ħajja tal-oħrajn li forsi għadhom m’għarfux li l-ferħ veru jinsab biss fi Kristu?

Talba: Mulej, il-qaddej tiegħek San Serafin għadda ħajtu fl-ubbidjenza, fis-sempliċità, fis-sawm, fil-penitenza u fil-karità; u kellu wkoll devozzjoni speċjali lejn is-Sagrament tal-Ewkaristija u lejn il-Verġni Marija, agħtina li nimitaw l-eżempji sbieħ li tana f’ħajtu, hekk li naslu ngawduk miegħu fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/seraphin-of-montegranaro.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-seraphin-of-montegranaro/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Seraphin_of_Montegranaro

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.