14 ta’ Ottubru: San Kallistu I

Verżjoni Vidjo: San Kallistu I

“Fi żmien ta’ persekuzzjoni l-battalja trebbħek il-kuruna, iżda fi żmien ta’ paċi hija x-xhieda ta’ kuxjenza safja.” ~ minn trattat ta’ San Ċiprijanu li  tapplika sew għal San Kallistu I li rebaħ il-kuruna tal-martirju msaħħaħ minn kuxjenza safja ffurmata skont ir-rieda ta’ Alla.

5080579818_8a38769a52_bSAN KALLISTU I
Papa u Martri
? – 222

Tagħrif: Jingħad li San Kallistu kien Nisrani Ruman. F’żogħżitu kien ilsir ta’ Karpoforu, nisrani impjegat fil-qorti imperjali.

Karpoforu ħatar lil Kallistu ”Manager” ta’ bank. Għal xi raġuni, il-bank falla. Biex isewwi kif seta’ t-telfa, Kallistu mar jitlob lura minn min kellu jagħtih. Fosthom kien hemm xi Lhud li xlewh bħala nisrani. Il-maġistrat bagħtu jaħdem fil-minjieri ta’ Sardinja bħala kastig.

Inħeles minn ilsir wara talba għall-ħelsien tiegħu li Marcia għamlet lill-Imperatur Kommodu li kien ħabib tagħha.

Għal għaxar snin ma nafux x’sar minn Kallistu ħlief li mar jgħammar f’Anzio.

Fis-sena 199, il-Papa San Żeferinu sejjaħlu Ruma, ordnah djaknu, u ħatru amministratur tal-ħwejjeġ temporali tal-knisja. F’din il-kariga, Kallistu ħa ħsieb iċ-Ċimiterju ta’ l-Insara, li kien jinsab fi Triq Appja, probabbilment l-ewwel biċċa art li l-Knisja kellha tagħha. Dan iċ-ċimiterju għadu jeżisti sal-lum u hu magħruf bħala ċ-”Ċimiterju ta’ San Kallistu” għalkemm il-Qaddis mhux midfun fih.

Kallistu żamm sħiħ mal-Papa San Żeferinu, kontra r-rigoruż Ippolitu li wara ħalla lilu nnifsu jsir l-ewwel antipapa fl-istorja tal-Knisja.

Wara l-mewt ta’ San Żeferinu, Kallistu nħatar Papa, fis-sena 217. Matul il-papat tiegħu li dam ħames snin u xahrejn, wera li kien Ragħaj għaqli, kuraġġuż u fl-istess ħin ħanin. Huwa żamm it-tagħlim Kattoliku fuq it-Trinita’, u kkundanna lil Sabellju li ċaħad it-Tliet Persuni fit-Trinita’ Mqaddsa. Żamm ukoll li kull dnub, kbir kemm ikun kbir, jista’ jinħafer bl-indiema, u kkundanna t-tagħlim kuntrarju li kienu qed ixerrdu Ippolitu u Tertuljanu. Żamm ukoll iż-żwieġ tal-ilsiera ma’ dawk li ma kinux ilsiera kien validu avolja l-liġi Rumana kienet tipprojbih.

Miet martri fis-sena 222, fi rvell li qam fi Trastevere u difnuh fiċ-Ċimiterju ta’ Kalepodju, fi Trastevere, fit-Triq Aurelia. Il-leġġenda tgħid li nqatel billi ntefa’ ġo bir b’ġebla marbuta ma’ għonqu. Jgħidu wkoll li kien hemm saċerdot li mar itella’ l-ġisem tiegħu u ġie maqtul hu wkoll talli għamel dan, iżda m’hemm l-ebda evidenza soda dwar dawn ir-rakkonti.

Uħud huma tal-opinjoni li wkoll mill-ftit li nafu dwaru, San Kallistu jista’ jitniżżel fost il-papiet il-kbar.

Ħsieb: Il-ħajja ta’ San Kallistu turina li bħala żagħżugħ, kien skjav. Huwa kompla jservi lill-Knisja, u kien id-djaknu tal-Papa Żeferinu. Il-ħajja tiegħu turina t-tiġrib tal-Knisja Nisranija tal-bidu, u kemm kellhom ħajja iebsa. Il-Papa Żeferinu fdah bil-kmamar tad-dfin tul il-Mogħdija Appian, fejn disa’ Isqfijiet ta’ Ruma ġew midfuna u skoperti aktar tard – u b’hekk għamluh il-patrun ta’ dawk li jaħdmu fiċ-ċimiterji.

Biex tassew inkunu nistgħu napprezzaw is-sabiħ kollu li ngawdu fil-Knisja llum, ma rridux ninsew it-tiġrib kbir li għaddew minnu l-mexxejja tal-Knisja tal-bidu. Imma x’inhi l-enfasi li l-Knisja trid tagħmlilna kull darba li tippreżentalna dawn it-tifkiriet tal-martri u l-martirju tagħhom? X’importanza hemm f’li wieħed joqgħod jistudja propju dwar dan is-suġġett?

1) Il-martirju tal-insara jfakkarna dwar x’inhu l-prezz li wieħed irid iħallas biex ikun dixxiplu ta’ Kristu. X’kien il-prezz fl-imgħoddi u x’għadu llum għal ħafna. (Luqa 14:27) Niftakru fl-Iskrittura, bħal fi Ġwanni 16:33 fejn Ġesù jwissi lid-dixxipli tiegħu li se jkollhom tribulazzjoni f’din id-dinja, u f’Atti 14:22 fejn Pawlu jgħid li d-dixxipli li għandhom jgħaddu minn ħafna tribulazzjonijiet biex jidħlu fis-Saltna ta’ Alla. Imma dawn ma jagħmlux l-istess impressjoni fuqna daqs kemm kien jagħmlu fuq l-Insara tal-bidu li għexu taħt persekuzzjonijiet kontinwi u li ħajjithom kienet dejjem mhedda. Iżda dawn il-versi mill-Iskrittura, u oħrajn bħalhom (Luqa 9: 23-25; Atti 20:24; 21:13), juruna li l-persekuzzjoni kienet, hija u għada realtà. Passaġġi ta’ dan it-tip ifakkru lin-nisrani ppersegwitat li jeħtieġ ikun paċenzjuż fid-diffikultajiet, jirringrazzja ‘l Alla fi żmien ta’ prosperità, u jkun kunfidenti li fil-futur xejn mhu se jifirdu mill-imħabba ta’ Alla.

2) Meta nitgħallmu dwar il-kobor tat-tbatijiet li għaddew minnhom, aħna nitgħallmu wkoll is-sosten estiż li Alla lest li jagħti lill-qaddisin tiegħu f’dawn il-mumenti hekk iebsa u ta’ tbatija. Irrispettivament mill-età jew mis-sess, Alla kien aktar minn kapaċi biex isaħħaħ lill-martri tiegħu. Irġiel fi xjuħithom, żgħażagħ u subien, u l-martri kollha kemm huma, ġew sostnuti lkoll minn Alla permezz tal-qawwa li ngħatatilhom fl-Ispirtu s-Santu u li huma rċevew fil-mument tal-martirju tagħhom.

3) Jista’ jservi biex isaħħaħna. Wara kollox huwa għalhekk li dawn l-istejjer ġew imniżżla fl-ewwel post. Fl-introduzzjoni ta’ wieħed mill-Atti tal-Martri, il-kittieb jgħid li huma (l-Atti tal-Martri) iservu biex jixhdu l-grazzja t’Alla u jedukaw lill-bniedem. Huma jonoraw lil Alla u jsaħħu lill-bniedem. Il-persuna li kitbet dan tidher li kellha l-1Korintin 10:11 f’moħħha fejn insibu miktub li l-Iskrittura kienet miktuba għall-benefiċċju tagħna. L-intenzjoni tal-awtur, bil-kitba ta’ wieħed mill-Atti tal-Martri, kienet li jippreserva l-istorja tal-martirju għall-istruzzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri.

4) Aħna aktar minn rebbieħa, bis-saħħa ta’ Dak li ħabbna – dan jgħallimna li minkejja li aħna dgħajfa, aħna qawwija. Pawlu jgħid li tgħallem, li meta kien l-iktar dgħajjef, li kien l-aktar b’saħħtu, għaliex induna li huwa meta aħna fil-punt l-iktar dgħajjef li aħna niddependu aktar fuq grazzja t’Alla, u l-grazzja tiegħu hija aktar minn biżżejjed biex isostnina. Hu jasal jistqarr: “Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-debbulizzi tiegħi, bit-tagħjir, bl-għaks, il-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu; għax meta nkun dgħajjef, nkun qawwi.” (2Korintin 12:10)

  • U inti iddur fuq il-Mulej bħala l-ewwel sors li jista’ jagħtik l-għajnuna u l-qawwa tiegħu f’mumenti iebsa?
  • Temmen li hekk kif qalilna f’Rumani 8:28, Huwa kapaċi jdawwar anki avveniment li jidher ikrah, f’wieħed li jista’ anki jagħmillek il-ġid jekk int tkompli tittama u tafda Fih?
  • Kemm inti lest/a biex ma tiċħadx it-twemmin tiegħek u lil Kristu fil-mumenti meta n-nies tagħmilielek diffiċli billi tirredikulak, tinsultak, tippersegwitak u timmaltrattak?

TalbaFil-ħniena tiegħek, Mulej, isma’ t-talb tal-poplu tiegħek u agħtina l-għajnuna, għall-merti tal-Papa San Kallistu, li llum qegħdin infakkru l-martirju tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas PDF fuq  jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-callistus-i/

Alternative Reading: http://www.newworldencyclopedia.org/entry/Pope_Callixtus_I

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Callixtus_I

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements