17 ta’ Ottubru: San Injazju ta’ Antjokja

Verżjoni Vidjo: San Injazju ta’ Antjokja

“Kunu qaddisin, biex tkunu tempju ta’ Alla, u hekk Alla jgħammar fikom. Ħobbu l-għaqda u evitaw il-firda. Imitaw lil Kristu.” San Injazju ta’ Antjokja

729-ignatius-of-antioch-16-800SAN INJAZJU TA’ ANTJOKJA
Isqof u Martri
? – 107

Tagħrif: San Injazju kien ikkonvertit aktarx mill-appostlu San Ġwann, u sar dixxiplu tiegħu.

San Pietru ħatru Isqof suċċessur tiegħu, bħala t-tieni Isqof ta’ Antjokja, f’dik il-belt fejn l-“Insara” ngħatalhom dan l-isem għall-ewwel darba. Dam Isqof ta’ dik is-Sede għal madwar 40 sena, sakemm kellu mat-62 sena meta l-Imperatur Trajanu qanqal it-tielet persekuzzjoni u kkundannah għall-mewt. Ħaduh mgħasses Ruma biex jiġi mitfugħ lill-iljuni.

Fi triqtu lejn Ruma għadda mill-Asja Minuri (Turkija) u mill-Greċja. Fi Smirna, fost-il ħafna li marru jilqgħuh kien hemm il-ħabib kbir tiegħu San Polikarpu li wara hu wkoll miet martri. Minn kull fejn kien jgħaddi, l-Insara kienu jmorru jilqgħuh bi ħġarhom u jitolbuh iberikhom. Sakemm wasal, laħaq kiteb seba’ ittri lil diversi Knejjes, ittri mimlijin bil-għerf u bit-tagħlim kbir fuq Kristu, fuq it-twaqqif tal-Knisja u fuq il-ħajja Nisranija.

Hu mar b’kuraġġ kbir jiltaqa’ mal-martirju li kien hemm lest għalih. Fl-ittra li kiteb lir-Rumani qalilhom: “Jiena l-qamħ ta’ Alla u ser niġi misħuq minn snien l-annimali selvaġġi biex niġi magħġun f’ħobż safi.” Dan il-kliem, il-Knisja tużah fit-“Talba fuq l-offerti” tal-quddiesa tiegħu.

Miet f’Ruma fl-20 ta’ Diċembru 107, meta tqatta’ bċejjeċ u ttiekel minn żewġ iljuni, fl-anfiteatru.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mill-Ittra lir-Rumani, ta’ San Injazju ta’ Antjokja, isqof u martri:

“Jiena qiegħed nikteb lill-knejjes kollha u lil kollha qiegħed ngħidilhom li jiena, minn rajja, riesaq lejn il-mewt għal Kristu, jekk intom ma tfixklunix. Għalhekk jien nitlobkom bil-ħrara kollha: Turux miegħi tjieba mhux flokha. Ħalluni nkun ikel għall-bhejjem selvaġġi: bihom inkun nista’ nikseb ‘l Alla. Jiena qamħ ta’ Kristu, is-snien tal-bhejjem jitħnuni, biex inkun ħobż safi ta’ Kristu.”

Xejn ma swieli l-ġid kollu tad-dinja u s-saltniet kollha tal-art. Aktar jaqbilli mmut fi Kristu Ġesù milli naħkem sa truf l-art. Jien lil dak li miet għalina lkoll infittex; jien, lil Dak li qam għalina mill-imwiet irrid. Wasal żmien il-ħlas tiegħi. Aħfruli, ħuti: tfixklux it-twelid tiegħi għas-sema; tħallux ma jmutx għad-dinja lil min hu hekk imxennaq li jkun ma’ Alla; tagħtunix lid-dinja, tħajjrunix bil-frugħat tagħha. Ħalluni nkun xebħ ma’ Kristu, Alla tiegħi, fil-passjoni tiegħu. Min għandu lil Kristu fih, jifhem x’irrid, u jagħdirni għax naf x’qed idejjaqni.

Il-prinċep ta’ din id-dinja jrid jaħtafni taħt idejh, biex jeqred fija r-rieda li ningħaqad ma’ Alla. Fittxu mela li ħadd minnkom, minn dawk li jkun hemm, ma jgħinu f’xejn; iżda żommu miegħi, biex tkunu żżommu ma’ Alla. Tħallux qalbkom tibqa’ marbuta mad-dinja, meta għandkom lil Kristu f’fommkom. Tħallux l-għira tbejjet f’qalbkom. U jekk niġi fostkom, nitlobkom taqbżu għalija, tagħtux widen għal kliemi, iżda agħtu widen għal dak li qed niktbilkom issa.

Qed niktbilkom meta għadni ħaj, iżda b’xewqa kbira li mmut. Kristu, l-imħabba tiegħi, issallab għalija; u fija ma hemmx nar iħeġġeġ bi mħabba għad-dinja, iżda biss ilma ħaj li bla heda jgħidli: “Ejja għand il-Missier.” Ma jħajjarnix aktar l-ikel li jgħaddi, u lanqas iħajjruni l-pjaċiri tad-dinja. Irrid niekol il-ħobż ta’ Alla, jiġifieri l-ġisem ta’ Ġesù Kristu, li sar bniedem min nisel ta’ David; irrid nixrob id-demm tiegħu, jiġifieri l-imħabba li qatt ma tintemm.

Ma rridx ngħix aktar bħall-bqija tal-bnedmin; u, jekk intom triduh, dan iseħħ. Nitlobkom, f’ġieħ Alla, ħa tkun din ir-rieda tagħkom, biex intom ukoll tiksbu kull ma tixtiequ. Dan nitlobkom b’dawn iż-żewġ kelmiet li qiegħed niktbilkom: emmnuni. Ġesù Kristu stess jurikom li qed ngħid is-sewwa: ħu l-fomm veru li bih il-Missier jgħid is-sewwa. Itolbu għalija biex nikseb dak li rrid: qed niktbilkom mhux skont ix-xewqat tal-ġisem imma skont il-fehma ta’ Alla. Jekk jien insofri l-martirju, intom tkunu wrejtuni mħabbitkom; jekk ma nsofrix il-martirju, intom tkunu wrejtuni li għandkom mibegħda għalija.”

It-tħassib kbir ta’ Injazju kien għall-unità u l-ordni tal-Knisja. Imma akbar kienet ir-rieda tiegħu li jsofri l-martirju għal Sidna Ġesù Kristu milli jasal jiċħdu. Hu ma ġibedx l-attenzjoni għal fuqu minħabba t-tbatija, iżda fuq l-imħabba ta’ Alla li kienet se ssaħħu fil-martirju. Hu kien jaf x’kien il-prezz tal-impenn tiegħu u ma ċaħadx lil Kristu, lanqas biex isalva l-ħajja tiegħu stess.

  • U int, li kellek tiġi f’sitwazzjoni fejn tintalab tiċħad lil Kristu nkella tingħata il-martirju, x’kont tagħmel? 
  • Qawwija xejn l-imħabba tiegħek lejn Kristu hekk li tippreferi l-martirju miċ-ċaħda?

Forsi qed neseġera? Jew forsi possibli? Min jaf? L-aħjar hu li nkomplu nkabbru u nħeġġu l-fjamma ta’ mħabbitna lejn Kristu li għażel il-martirju għalina biex isalvana, ħalli jekk tiġina l-opportunità li niksbu l-kuruna u l-glorja tal-martirju, nieħduha mhux hekk? U kif nagħmlu dan? Billi nilqgħu il-martirji żgħar tal-ħajja tagħna ta’ kuljum bi mħabba kbira għaliH:

  • il-ħidma li jkolli naffaċċja kuljum
  • tbatijiet li jkolli ngħaddi minnhom
  • paċenzja b’xi nies li mhux faċli nħobbhom
  • kuntrarju u persekuzzjonijiet għax ngħix ta’ Nisrani/Nisranija vera.

Jekk inrawwem lil qalbi biex tilqa’ bil-ferħ dawn it-tip ta’ martirji żgħar ta’ kuljum, il-Malti jgħid “bil-qatra l-qatra, timtela l-ġarra,” quddiem il-Mulej ma jiġux tal-istess valur daqs wieħed kbir? Qatt ħsibt dwar dan? Ħaġa waħda hi ċerta, min jiddeċiedi li jħobb lil Alla b’dan il-mod, jirċievi mingħandu l-qawwa u l-grazzji kollha meħtieġa biex iwettaq dan u jikseb fiċ-ċert il-kuruna tal-glorja fis-sema. Il-qaddisin kollha huma xhieda ta’ dan.

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti żżejjen il-ġisem qaddis tal-Knisja tiegħek bl-istqarrija tal-qaddisin martri; agħtina li l-martirju glorjuż li qegħdin infakkru llum ikun għalina ta’ għajnuna qawwija, kif kabbar għal dejjem fis-sema lil San Injazju ta’ Antjokja. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-ignatius-of-antioch-396

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-ignatius-of-antioch/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Ignatius_of_Antioch

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.