20 ta’ Ottubru: Santa Bertilla Boscardin

Verżjoni Vidjo: Santa Bertilla Boscardin

“Ma jien kapaċi nagħmel xejn. Jiena msejkna – qisni wiżż. Għallimni. Irrid insir qaddisa … Hawn jiena, Mulej, biex ngħix skont ir-rieda tiegħek, taħt kull aspett li tippreżenta ruħha, kemm jekk hi l-ħajja, il-mewt jew it-terrur.” Santa Bertilla Boscardin

maria_bertilla_boscardinSANTA BERTILLA BOSCARDIN
Reliġjuża
1888 – 1922

Tagħrif: Kienet bint familja fqira ta’ bdiewa u twieldet fir-raħal ta’ Brendola, qrib Vicenza fl-Italja ta’ Fuq fl-1888 u semmewha Anna-Franġiska. Kellha missier alkoħoliku u vjolenti. In-nies laqqmuha “wiżż” minħabba li kienet tagħmel kollox bil-lajma.

Il-qassis Dun Capovilla għaraf li kellha vokazzjoni reliġjuża, imma l-arċipriet ta’ Brendola qal li kienet tajba biss biex tqaxxar il-patata. Infatti, ma ġietx aċċettata mill-ewwel ordni reliġjuża li applikat għaliha.

Imma minkejja dan, aktar tard ġiet aċċettata mis-sorijiet ta’ Santa Dorotea ta’ Vicenza fl-1904, meta kienet għadha ta’ 16-il sena u semmewha Bertilla għall-Badessa qaddisa ta’ Chelles.

Għamlet tliet snin fil-kċina u wara ħadmet ta’ ħassiela, taħsel il-ħwejjeġ, sakemm bagħtuha fl-isptar tat-tfal ta’ Treviso.

Tul l-ewwel gwerra dinjija (1914-1918), kienet infermiera fl-isptar militari qrib Como, fejn uriet ruħha l-veru anġlu tal-faraġ, il-vera omm ħanina tal-morda u tal-feruti.

Fl-1919 wara t-tmiem tal-gwerra rritornat fl-isptar tat-tfal ta’ Treviso, imma ma damitx ma mardet gravament. Għamlulha operazzjoni biex neħħewlha tumur, imma kien kollu għalxejn. Lit-tabib qaltlu: “Jiddispjaċini li kellek toqgħod titħabat għalxejn minħabba fija.”

Din il-mara mill-iktar sempliċi, li kellha l-ħila ssir qaddisa qalb il-borom u l-platti, mietet ta’ 34 sena, fl-20 t’Ottubru 1922.

Il-qaddis Papa Ġwanni XXIII ikkanonizzaha fil-11 ta’ Mejju 1961. Il-fdal tagħha jinsab meqjum fil-knisja tas-sorijiet ta’ Santa Dorotea Vicenza.

Ħsieb: Jekk hemm xi ħadd li kien jaf x’jiġifieri tkun irifjut/a, irredikolat/a u ddiżappuntat/a, kienet din il-qaddisa tal-lum. Dan il-qaddisa pjuttost riċenti, kienet taf xi jfisser li tgħix fit-tbatija ta’ sitwazzjoni abbużiva. Tajjeb li nitolbuha biex tgħin lil dawk kollha li qed isofru minn kwalunkwe forma ta’ abbuż: spiritwali, mentali jew fiżiku. Bertilla kienet magħrufa minn kulħadd bħala dik li tagħmel kollox bil-lajma, tant li laqqmuha “wiżż”. Huwa probabbli li kienet għal din ir-raġuni illi hija ġiet irrifjutata mill-ewwel ordni reliġjuża li hi applikat għaliha. Imma għal Bertilla, dawn il-provi li għaddiet minnhom, resquha eqreb ta’ Alla u aktar determinata li sservih.

Il-qaddisa tal-lum turina bil-provi li li tkun qaddis/a mhuwiex dwar kemm wieħed ikun intelliġenti jew dwar is-suċċess, imma dwar l-intensità li biha wieħed jagħmel kollox b’imħabba kbira u b’ġenerożita’. Kien b’din l-attitudni li Bertilla daħlet għal kull ħidma li ġiet offruta lilha. Imma l-aktar li spikkat, kien għall-karita’, li sħabha s-sorijiet kienu jarawha “esaġerata”, li wriet mat-tfal morda u anki mas-suldati tal-ewwel gwerra dinjija.

Tabib fl-isptar ta’ Treviso, fejn Bertilla saret l-infermiera favorita fost il-ħafna pazjenti tagħha, jixhed hekk dwarha:

“It-tfal jiġu ammessi fis-swali t’hawn bid-difterite; huma jkunu ttieħdu minn mal-familji tagħhom u jsibu ruħhom fi stat ta’ aġitazzjoni, ta’ dipressjoni, tant li ma jkunx faċli li tikkalmahom; għal jumejn jew tliet ijiem, huma jkunu bħal slavaġġ żgħar, jagħtu bil-ponn, jirrumblaw fuq is-sodda, jirrifjutaw l-ikel. Imma Suor Bertilla kien jirnexxielha malajr issir ommhom ilkoll; wara tnejn jew tliet sigħat it-tfal, li kienu ddisprati, jigranfaw magħha bil-kalma bħalma kieku jagħmlu ma’ ommhom u jsegwuha kull fejn kienet tmur. Is-sala, taħt il-kura tagħha, kienet tippreżenta spettaklu kommoventi: gruppi ta’ tfal igranfati magħha. Is-sala kienet tassew waħda eżemplari”.

Imma s-sempliċita’ ta’ din il-mara dedikata, bdiet issir dejjem iżjed magħrufa aktar ma bdiet tavvanza l-marda tagħha u Bertilla kienet qed toqrob lejn il-mewt. Ta’ madwarha bdew jagħrfu li filfatt kienet qed tmut qaddisa li għexet l-imħabba lejn il-morda b’mod erojku. Fir-realta’, dak li kien straordinarju fl-ordinarju kienet l-imħabba kbira li biha ingħatat lil Alla u l-għotja totali tagħha nnfisha biex tkun duwa għall-pazjenti li ngħatawlha.

Minkejja li Bertilla waslet għall-glorja tal-altari, il-kariżma tagħha, mhix xi waħda sigrieta, ma għandha l-ebda formula kkumplikata, anzi tistaħba fin-normalita’, fid-dimostrazzjoni ċara li permezz ta’ opri tajba fil-ħajja ta’ kuljum, huwa possibbli li wieħed jilħaq il-milja tal-eżistenza tiegħu, li tikkonsisti minn eżerċizzju kostanti li fih wieħed imur lil hinn minnu nnifsu u b’hekk javvanza lejn Alla u lejn il-karità tiegħu.

Din il-mara sempliċi li tqaddset

  • f’sitwazzjoni abbużiva fi tfulitha minħabba l-vjolenza ta’ missierha u l-bullying li esperjenzat minn dawk li laqqmuha “wiżż”,
  • fl-uġigħ tar-rifjut meta ma ġietx aċċettata mill-ewwel ordni reliġjuża li applikat għaliha,
  • bl-umiljazzjoni għall-fatt li kważi ma kellha l-ebda kapaċita’,
  • b’xogħol qalb il-borom, il-platti u l-ħasil tal-ħwejjeġ,
  • b’ħidma ma’ tfal konfużi u s-suldati feruti
  • u bit-tbatijiet fiżiċi li damet tbati bihom għal snin twal minħabba l-marda tal-kankru li ħatfitilha ħajjitha f’eta żgħira,

għandha tagħmlilna kuraġġ. L-eżempju ta’ ħajjitha għandu jqawwina biex aħna wkoll, għad li ngħaddu minn tbatijiet simili bħal tagħha, nistgħu bħalha nimlew qalbna bl-imħabba ġeneruża li biha jħobbna Alla, u b’ħajja ta’ servizz mill-qalb, inkunu ta’ komfort għal dawk kollha li jiġu f’kuntatt magħna.

Talba: Mulej, ħafna drabi aħna ma nifhmux u ma nagħrfux it-triqat imbierka tiegħek. Ħa tkun il-qaddejja tiegħek, Santa Bertilla Boscardin, li tgħallimna triqatek sabiex aħna wkoll, inkunu nistgħu nsiru qaddisin u naslu fil-hena ta’ dejjem fis-sema. Bi Kristu Sidna.  Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-bertilla-boscardin-630

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-maria-bertilla-boscardin/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Bertilla_Boscardin

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements