24 ta’ Ottubru: San Anton Marija Claret

Verżjoni Vidjo: San Anton Marija Claret

“Il-perfezzjoni Nisranija tikkonsisti fi tliet affarijiet: titlob b’mod erojiku, taħdem b’mod erojiku, u tbati b’mod erojiku.” – San Anton Marija Claret

57808701SAN ANTON MARIJA CLARET
Isqof
1807 – 1870

Tagħrif: San Anton twieled f’Sallent, Spanja, fl-1807. Kien il-ħames wieħed minn ħdax-il wild. Missieru kellu fabbrika tal-insiġ, u Anton intefa’ jaħdem miegħu. Iżda beda jħoss li din ma kinetx il-vokazzjoni tiegħu. Xtaq isir saċerdot.

Fl-1835, ġie ordnat qassis meta kellu 28 sena. Sentejn wara nħatar Kappillan ta’ Sallent, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu għall-prietki, u xerred kemm felaħ id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u lejn il-Madonna. Jgħidu li kien iżomm il-kuruna tar-rużarju dejjem f’idejh.

Ftit snin wara ġietu l-ħajra jsir missjunarju, u mar Ruma biex jingħaqad mal-kongregazzjoni tat-Tixrid tal-Fidi. Hemm għamel irtir għand il-Ġiżwiti u billi ħaseb li jekk ikun Ġiżwita jkun iktar faċli għalih li jmur il-missjoni, daħal magħhom. Iżda sentejn wara kellu jħalli minħabba saħħtu, u mar lura lejn Spanja.

Meta kellu 42 sena, fl-1849, flimkien ma’ ħames saċerdoti oħra ta bidu għal Kongregazzjoni ġdida. Ħadu l-isem ta’ ”Ulied Missjunarji tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija,” iżda n-nies bdiet issibhom bħala l-laretjani.

San Anton sar l-ewwel Superjur tal-Ordni, iżda xahrejn biss wara ġie maħtur Arċisqof ta’ Santiago, f’Kuba.

F’Kuba ħadem bis-sħiħ biex itejjeb il-ħajja tan-nies tal-post speċjalment tal-ilsiera u biex jeqred il-konkubinaġġ. Dan qajjem l-għedewwa kontrih u bdew isiru attentati fuq ħajtu. Darba minnhom, ħelisha b’farrett kbir fuq wiċċu li baqa’ jidher ħajtu kollha. Ir-raġel li ried joqtlu nqabad, u ħeles mis-sentenza tal-mewt meta l-Arċisqof stess indaħal għalih.

Fl-1858, San Anton ġie msejjaħ biex jaħdem fi Spanja, u biex fl-istess waqt ikun il-Kappillan tar-Reġina Iżabella II.

Biċċa xogħol kbira li għamel kienet li waqqaf stamperija b’librerija Kattolika li bdiet tforni eluf ta’ kotba bi prezzijiet l-iktar baxxi biex isaħħaħ il-fidi tal-poplu Spanjol.

Fir-rivoluzzjoni Spanjola tal-1868, ir-Reġina Iżabella kellha taħrab lejn Pariġi. Il-Qaddis kellu jmur magħha.

Fl-1869, mar Ruma biex jgħin fit-tħejjija tal-Konċilju Vatikan I, u jieħu sehem fis-sezzjonijiet tiegħu.

Fil-Konċilju huwa kien difensur qawwi tal-Infallibiltà tal-Papa. F’waħda mis-sezzjonijiet ħassu ħażin, u minn dakinhar saħħtu baqgħet sejra lura.

Fl-1870, hu rritorna fi Franza fejn miet f’monasteru taċ-Ċisterċensi, qrib Norbonne, fl-24 ta’ Ottubru, 1870, fl-età ta’ 63 sena. Il-Papa Piju XII ikkanonizzah fis-7 ta’ Mejju tas-Sena Mqaddsa tal-1950.

ĦsiebClaret kien wieħed mill-akbar missjunarji taż-żminijiet kollha li ġab tiġdid spiritwali kbir fi Spanja, fil-Gżejjer Kanarji u f’Kuba fis-Seklu 19. Huwa jispikka bħala eżempju eċċellenti għaż-żelu missjunarju mħallat mal-intensità spiritwali ta’ mistiku. Essenzjalment huwa kien mistiku fl-azzjoni. Tajjeb li nagħmlu enfasi kif huwa kiseb dan l-ideal biex nuru kif aħna nistgħu nkunu kemm attivi, kif ukoll kontemplattivi fl-istess ħin. Kull Nisrani hu msejjaħ biex jevanġelizza. In-nisrani huwa RIKLAM GĦAL KRISTU. U int, x’tip ta’ riklam int?

1. Il-qalba ta’ kull ħidma fil-Parroċċa hi l-Evanġelizzazzjoni ħierġa mill-qalb ta’ min daq l-imħabba t’Alla u ma jistax iżommha għalih. Jekk int fost dawn, agħraf li l-aqwa għodda li tista’ tuża fix-xandir hi: INT INNIFSEK – ħsibijietek, kliemek u għemilek.

2. Dak li jidher fina quddiem in-nies, għandu jkun bħal dak li jidher minn blokka silġ li tkun qed tifflowtja fil-baħar. Il-maġġoranza tas-silġa li tinsab moħbija taħt l-ilma, għandu jkun il-ħajja moħbija tagħna ta’ talb, sagrifiċċji u karità ma taqta’ xejn. F’kelma waħda, għandna nkunu qed nirsistu bla heda biex nikbru fil-qdusija.

3. Għandna naħdmu bla heda u b’servizz ħiereġ minn qalb ferrieħa, (2 Korintin 9:7) imma wara li nkunu għamilna dan id-dmir, għandna nafdaw ir-riżultati f’idejn l-Imgħallem. L-uniku suċċess li dan s-Sid twajjeb ifittex hu li naħdmu bi mħabba u li nagħmlu dan b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, u b’moħħna kollu. (Mattew 22;37)

4. L-IMĦABBA li hi l-qofol ta’ kolloxĠesù ma kkmandaniex biex insolvu l-problemi tan-nies, imma biex inħobbuhom bħalma ħabbna Hu. (Ġwanni 13:34) Dan ifisser li rridu nagħtu ħajjitna għan-nies, billi nagħtuhom l-aqwa rigal – lilna nfusna, it-tbissima tagħna, il-ħin, l-attenzjoni, is-servizz eċċ… (Ġwanni 15:13) Aħna lilna nfusna biss għandna fil-kontroll tagħna, mela aħna riklam għal Kristu. M’għandix nistaqsi dwar x’inhu jagħmel l-isqof, il-kappillan, il-mexxejja tal-gruppi jew xi nies oħra, imma X’NISTA’ NAGĦMEL JIEN? Int tista’ tagħmel effett kbir anki jekk xi drabi tħossok waħdek, bħal meta wieħed jixgħel xemgħa f’post mudlam. Aħdem b’dak li għandek u offri kollox bi mħabba lill-Imgħallem u int ukoll bħal dak iż-żagħżugħ li offra l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, tara l-għeġubijiet li kapaċi jagħmel Alla bil-ftit li tkun tajtu int. (Ġwanni 6:9)

5. Qatt m’għandna nieqfu jew naqtgħu qalbna f’din il-ħidma. Jekk individwu jurina biċ-ċar li ma jridx jaf b’Alla u jitlobna biex ma nkellmuhx iżjed fuq dan is-suġġett, l-aħjar hu li ngħaddulu lil Alla b’mod aktar fin – billi nippruvaw inħobbuh kif iħobb Alla. Barmil ilma miftugħ fuqna jista’ biss ixarrabna għax hekk hi n-natura tal-istess ilma. Mela Alla jista’ biss iħobbna, għax in-natura tiegħu hi propju l-Imħabba. (1 Ġwanni 4:7-8) Mela meta nibqgħu nħobbu anki lil dawk li jirreżistuna, inkunu qed ngħaddulhom lil Alla nnifsu. Ħafna drabi, irridu ndewqu l-esperjenza ta’ Alla mħabba lin-nies, billi nħobbu f’isem Alla bla ma nsemmulhom lil Alla. Mhux hekk tagħmel omm ma’ wliedha meta dawn jirrifjutaw xi ikel sustanzjuż u ta’ ġid għalihom – mhux tinkludih f’riċetti oħra? Eżempju l-bajd minflok isservih mgħolli, taħbih fit-taħlita tal-kejk u x’aktarx li lit-tfal jogħġobhom u ma joġġezjonaw xejn. Lanqas hemm bżonn għall-omm li togħqod issemmilhom li fil-kejk tefgħet l-istess bajd li għalih kienu qalulha: ‘Jaqq, ma rridx!’

6. Fl-aħħar nett, il-ferħ li għandu jimla l-qalb ta’ kull ħaddiem, hu propju l-kliem li jgħid Sidna Ġesù lid-dixxipli meta marru ferħana jirrakkuntawlu minn xiex kienu għaddew meta kien bagħathom ixandru l-bxara t-tajba: “Ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet.” (Luqa 10:20) Hawn il-kelma ‘smewwiet’ hi b’referenza għal Alla nnifsu li jgħammar fis-smewwiet. Mela, isimna huma miktub f’Alla, minqux fil-Qalb tiegħu. Hu għad iħallasna għal mitt darba iżjed u jagħtina dak li ħaqqna f’ħajja eterna. (Mark 10:29-30) Ħsibijietna, kliemna u għemilna se jkunu mbagħad ta’ xhieda sabiħa għalina quddiem is-Sid li se jgħid fil-preżenza ta’ kulħadd li aħna ma stħajniex nistqarruh bla biża’ quddiem il-bnedmin. (Mattew 10:32)

Talba: O Alla, int qawwejt lill-isqof San Anton Marija Claret bi mħabba u sabar bla tarf biex ixandar il-Bxara t-tajba lill-popli; bit-talb tiegħu, agħtina li nfittxu biss dak li huwa tiegħek, u li nagħtu ruħna bil-ħeġġa kollha ħalli nirbħu aħwa oħra fi Kristu Ġesu’ Sidna, li hu Alla. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://olrl.org/lives/claret.shtml

Alternative Reading: http://www.shrineofstjude.org/site/PageServer?pagename=ssj_living_hope_anthony_claret&s_locale=es_US&AddInterest=1046&RemoveInterest=1047

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anthony_Mary_Claret

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.