26 ta’ Ottubru: Beatu Bonaventura minn Potenza

Verżjoni Vidjo: Beatu Bonaventura minn Potenza

“Ġesù, għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.” Filippin 2:4-8

Blessed-Bonaventure-of-Potenza-Conventual-FranciscanIL-BEATU BONAVENTURA MINN POTENZA
1651 – 1711

Tagħrif: Twieled fl-4 ta’ Jannar 1651, ġewwa Potenza fil-limiti ta’ Napli, l-Italja ġo familja fqira, iżda għanja fil-virtujiet. Ta’ 15-il sena daħal mal-Patrijiet Konventwali Minuri, f’Noceva. Huwa kompla bl-istudji tiegħu. Is-superjuri tiegħu bagħtuh Amalfi u hemm taħt direttur spiritwali kompla jikber fil-virtujiet tal-umiltà, safa u ubbidjenza, fost oħrajn.

Kien ta’ eżempju kbir għal kulħadd. Kellu ubbidjenza għamja għas-superjuri tiegħu. Kien jagħti l-għajnuna tiegħu fil-parroċċa speċjalment lill-batuti, lill-fqar u lill-morda. Meta f’pajjiżu faqqgħet epidemija, lejl u nhar intefa’ b’ruħu u ġismu jdur bil-morda u jassistihom. Kien jaħdem ħafna mal-priġunieri speċjalment dawk li kienu qed jistennew il-piena tal-mewt, iqararhom u jassistihom.

Bħala saċerdot kien jipprietka u jipprattika d-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u l-importanza tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Kien iqatta’ ħin twil fil-konfessinarju tant li ħa l-fama tal-appostlu tal-konfessinarju u tal-ubbidjenza.

B’ubbidjenza lejn is-superjuri aċċetta l-kariga ta’ majistru tan-novizzi. Kien irawwem fl-istudenti tiegħu l-prattika tal-virtujiet tal-umiltà u l-ubbidjenza.

Wara 45 sena ta’ servizz impekkabbli, mogħni b’kull virtù Patri Bonaventura mar jingħaqad mal-Mulej. Fl-aħħar nifs ta’ ħajtu kien imdawwar minn sħabu l-patrijiet kollha, u talabhom skuża għal kull darba li naqashom. Kien is-26 ta’ Ottubru, 1711. Fis-26 ta’ Novembru, 1775, il-Papa Piju VI bbeatifikah.

Ħsieb: Dan il-qaddis tal-lum jispikka l-aktar għall-umiltà u għall-ubbidjenza għamja lejn is-Superjuri tiegħu. Jingħad li ġurnata waħda, Bonaventura qal lis-Superjur tiegħu li kienet intilfet iċ-ċavetta tas-sagristija. “Tajjeb,” qallu s-Superjur bi tbissima, “mela jkollok tfittixha fil-bir; aqbad qasba u stad għaliha.” Malajr, Bonaventura mar fejn il-bir u bil-qasba u x-xlief stad għaċ-ċavetta. Ma damx wisq qabel ma rnexxielu jtellagħha. Ovvjament, is-Superjur tiegħu baqa’ mistgħaġeb għax hu kien qallu hekk biex jiċċajta! Alla kien ippremjah b’mod mirakoluż għall-ubbidjenza għamja tiegħu.

Ġesù Kristu, il-Ħaruf bla tebgħa, huwa l-eżempju perfett għalina lkoll fejn tidħol l-umiltà u l-ubbidjenza, kif jgħallem San Pawl fl-Ittra lil Filippin 2:4-8.

“Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor. Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.”

Kristu sar għalina ubbidjenti sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. U fl-aħħar nifsijiet tiegħu, Hu jikkonferma din l-ubbidjenza totali tiegħu bil-kliem: “Kollox hu mitmum!” (Ġwanni 19:30) – fi kliem ieħor, Ġesù juri li qagħad għal kollox u għamel kollox hekk kif kien mitlub minnu mill-Missier sal-aħħar.’ San Ġwann ikompli: “Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu” (Ġwanni 19:30) Ta’ min jinnota f’dan l-aħħar vers li Ġwanni jikteb li l-ewwel mejjel rasu, imbagħad radd ruħu. Is-soltu r-ras titmejjel wara li l-persuna tkun għadha kif mietet. Fil-każ ta’ Ġesù, probabli li San Ġwann ried jagħmel enfasi fuq dak il-ġest ta’ meta wieħed ibaxxi rasu b’sinjal ta’ ubbidjenza.

Kien propju dan l-għatx li mmotiva l-ħajja ta’ Ġesù, l-għatx li jwettaq il-pjan tal-Missier kif qal lil Pietru: “Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?” (Ġwanni 18:11) Xi mkien ieħor jgħid: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu” (Ġwanni 4:34) u post ieħor: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’dieqa għandi sa ma dan iseħħ!” (Luqa 12:49-50)

X’nitgħallmu minn dan?

L-ubbidjenza u l-umiltà huma tnejn minn ħafna virtujiet: għerf, sempliċità, faqar evanġeliku, karità, ħniena, fidi, tama, ġenerożità, rażan, ħlewwa, kompassjoni, hena, sliem, sabar, tjubija, fedeltà, żelu u oħrajn. Il-virtujiet huma l-kwalitajiet tal-karattru ta’ Ġesù l-Mulej. L-Ispirtu s-Santu jaħdem fina sabiex aħna nsiru bħal Ġesù, mimlijin, anzi nfuru b’dawn il-qawwiet u saħħiet interjuri.

L-UMILTÀ

Ġesù l-umli  (Filippin 2:5-11): “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù…” L-umli hu dak li “jqis lill-ieħor aħjar minnu”, li m’għandu qatt “ifittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.” Ġesù “ma qgħadx ifittex tiegħu,” “xejjen lilu nnifsu.” “Ċekken lilu nnifsu” Ġesù kif wera l-umiltà? “Ħa n-natura ta’ lsir” (Ġwanni 13:1-17) “sar jixbah lill-bnedmin u deher minn barra bħala bniedem” (Lhud 2:14-18) Għalhekk, l-umiltà mhix sentiment imma għażla li tħobb tant li toqrob kemm tista’ lejn min trid tgħin, issir ħaġa waħda mas-sofferenza tagħhom, tieħu fuqek il-madmad tagħhom, tidentifika ruħek magħhom, “għalhekk Ġesù ma jistħix isejħilhom ħutu” (Lhud 2:11).

Servizz umli hu dak li jissorprendi. Hu servizz li ma jfittixx dak li hu tiegħu (id-drittijiet)! Hu dak li ma jippretendihiex imma jfittex il-post tal-aħħar. Id-dixxiplu umli ta’ Ġesù jaf li hu l-werriet tas-Saltna ta’ Alla u bħall-Mulej tas-Saltna jagħti ħajtu fis-servizz tal-aħwa bla ma jfittex il-glorja, il-kumplimenti u l-unuri.

L-UBBIDJENZA

“Ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt” (Filippin 2:8) Min hu l-ubbidjenti? “Min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet.” (Mattew 7:21; Luqa 6:46) Alla jkellimna mhux biex jikkmandana (għalkemm għandu s-setgħa biex jagħmel dan). Alla jkellimna biex jiggwidana, biex jgħinna ninbidlu f’Ibnu.

  • Obdi sabiex tifforma ħajtek.
  • Obdi biex tegħleb it-tentazzjoni.
  • Obdi biex tkun taf il-moħħ ta’ Missierek.
  • Obdi biex isservi lil ħutek.

Ġesù hu l-Mulej! Mulej, Sinjur, Sid. Aħna hekk insejħulu. Is-Sid hu propjetarju. Ġesù hu l-Kyrios. Aħna d-doulos (qaddejja f’sens evanġeliku). Aħna tiegħu, propjetà tiegħu! X’jimplika dan? Nisimgħu sew lilna nfusna meta nkantaw: “dil-qalb, dal-moħħ, dal-ġisem, dir-ruħ, irrid nagħtik o Mulej.” Il-ħin, it-talenti, l-inkwiet, il-ferħ, il-mard, is-saħħa, ir-rebħiet, is-suċċessi, it-telfiet, il-fallimenti, ix-xogħol, id-divertiment, il-ġid materjali, il-familja, il-ħbieb, il-passatemp, l-imgħoddi, il-mument preżenti u l-ġejjieni. Aħna kollna tiegħu!

L-ubbidjenza tagħna lejn Ġesù hi kompleta meta mmorru l-ġenna. Sa dakinhar, misjuqa mill-Ispirtu s-Santu, nimxu b’ħilitna kollha u bid-dgħjufija tagħna fuq il-passi tiegħu biex inħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’moħħna kollu, b’saħħitna kollha u b’ruħna kollha.

X’tip ta’ ubbidjenza? Mhux ta’ skjav! Ta’ wlied maħbuba, ta’ wlied ħielsa li jagħżlu li jridu jobdu. Aħna lil min se naqdu u nobdu? Lil Alla ta’ Ġesù Kristu jew xi alla ieħor? : partit politiku, każin, passatemp, drawwa, ġid materjali, rabta ma’ xi mexxej … ? Liema hu t-teżor tiegħek li fih issib is-sigurtà, il-faraġ, it-tama? L-attitudni ubbidjenti tan-Nisrani hi l-fedeltà lejn is-Saltna ta’ Alla! L-ubbidjenza tad-dixxiplu lejn Ġesù hi s-sottomissjoni totali tal-persuna sħiħa għall-Mulej u l-pjanijiet tiegħu. L-ubbidjenza ta’ Ġesù hi l-mudell tagħna: “Jiena dejjem nagħmel dak li joġgħob lilu” (Ġwanni 8:29).

Fi Ġwanni 14:21.23, Ġesù jgħidilna: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni, u min iħobb lili jħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi … Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu u ngħammru għandu.”

  • U int kemm tirsisti biex tgħix fl-umiltà?
  • Qiegħed tpoġġi l-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor qabel tiegħek?
  • Tagħraf li inti midneb/midinba u li mingħajr Ġesù f’ħajtek ma tista’ tagħmel xejn tajjeb?
  • F’hiex int fl-ubbidjenza tiegħek lejn il-kmandamenti ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja mwaqqfa minn Kristu?
  • Ir-rieda ta’ Alla hi l-għan ta’ ħajtek? Kemm int lest/a li tilħaq dak il-livell ta’ qdusija li Alla jixtieq jara fik?

Talba: O Alla li tista’ kollox, Inti għamilt lill-Beatu Bonaventura magħruf għall-virtù tal-umiltà u tal-ubbidjenza, u għall-imħabba tiegħu lejn il-proxxmu. Permezz tat-talb u l-eżempju tiegħu, agħtina li nimxu skont il-preċetti tiegħek, biex nifirħu fl-ispirtu, u navvanzaw fit-triq tal-perfezzjoni. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/blessed-bonaventure-of-potenza.html

Alternative Reading: http://thefranciscanfamily.blogspot.com/

Wikipedia: https://it.wikipedia.org/wiki/Bonaventura_da_Potenza

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.