30 ta’ Novembru: San Andrija

Verżjoni Vidjo: San Andrija

“Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh”. ~ Ġesu’ f’Mattew 4:18-20

img-Saint-Andrew-the-Apostle2SAN ANDRIJA
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Andrija, bħal missieru Ġona, u ħuh San Pietru, kien sajjied, minn Betsajda. Il-familja tiegħu kellha dar f’Kafarnahum, fejn Ġesù ġieli mar.

Għall-ewwel kien dixxiplu ta’ San Ġwann il-Battista, u l-ewwel darba li ra ‘l Ġesù kien f’Bedsajda, meta kien ma’ San Ġwann li kien qiegħed jgħammed. Dak il-ħin li kien għaddej Ġesù, San Ġwann qal: “Hekk hu l-Ħaruf t’Alla”.

San Andrija flimkien ma’ dixxiplu ieħor, mar ħdejn Ġesù, u Ġesù staqsieh x’kellu bżonn. Hu wieġbu li xtaq ikun jaf fejn joqgħod, u Ġesù qallu: “Ejja, u ara”. Imbagħad, San Andrija u sieħbu qattgħu l-kumplament tal-jum ma’ Ġesù.

L-għada mar sab lil ħuh, Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija”, u ġabu għand Ġesù li bidillu ismu f’Pietru.

Hekk iż-żewġ aħwa saru dixxipli ta’ Ġesù, iżda ma qagħdux kontinwament miegħu, għax ġieli marru d-dar.

Darba waħda Ġesù ltaqa’ magħhom it-tnejn waqt li kienu qed jistadu u qalilhom: “Ejjew, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”. Marru, u minn dakinhar baqgħu dejjem ma’ Ġesù.

Ftit qabel il-Passjoni, meta Ġesù kien f’Betanja fid-dar ta’ Lażżru, xi Griegi ltaqgħu ma’ Filippu u qalulu li xtaqu jaraw lil Ġesù. Filippu qal b’dan lil Indri u flimkien marru jgħidu lil Ġesù. (Ġwanni 12:20)

Darb’oħra meta Ġesù xabba’ bl-ikel ħamest elef ruħ, kien San Andrija li qal lil Ġesù li kien hemm tifel li kellu ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. (Ġwanni 6:9)

Wara l-mewt ta’ Ġesù, San Andrija mar jippriedka l-Vanġelu fil-Ġreċja, u fit-Turkija, u x’aktarx fil-Polonja u fir-Russja.

Sofra l-martirju f’Akajja, fiż-żmien il-persekuzzjoni ta’ Neruni. Ġie marbut ma’ salib forma ta’ X biex idum iktar ma jmut. Infatti miet wara jumejn.

Ġismu ttieħed f’Kostantinopli fis-sena 357, u mqiegħed fil-knisja tal-Appostli, mibnija minn Kostantinu l-Kbir.

Ħsieb: Dan li ġej hu qari mill-Omeliji tal-Isqof San Ġwann Kriżostmu dwar San Andrija:

“Indrì baqa’ ma’ Ġesù u tgħallem ħafna ħwejjeġ mingħandu. Huwa ma marx jaħbi dan it-teżor, iżda ħaffef u ġera lejn ħuh biex dan jaqsam miegħu fil-ġid. Qisu tajjeb x’qallu lil ħuh: Sibna l-Messija, jiġifieri ‘l Kristu. Qegħdin taraw kif urieh dak li laħaq tgħallem f’qasir żmien? B’hekk l-Evanġelista ried ifissrilna x’qawwa kellu l-Imgħallem biex ġagħalhom jifhmu min kien, u x’ħerqa u ħrara kellhom huma biex minnufih taw widen għal li kien qalilhom. Il-kliem ta’ Indrì jixhed ix-xewqa kbira tiegħu biex ifittex ixandar ġrajja bħal din. Jurina wkoll kemm kien iridlu ġid lil ħuh, x’rabta ta’ mħabba u ġibda mill-qalb kellu għalih, u kemm kienu jfittxu jgħinu lil xulxin fil-ħajja tar-ruħ.

Innutaw ukoll kif Pietru mill-ewwel jurina kemm kien jadatta ruħu u joqgħod malajr għal dak li jisma’. Ma qagħadx jitnikker, iżda mar minnufih ma’ ħuh. Dan ħadu għand Ġesù, qalilna l-Evanġelista. B’danakollu ma għandniex nikkundannawh talli qagħad hekk malajr għall-kliem ta’ ħuh bħallikieku bela’ kollox bla ma qagħad jistħarreġ xejn. Għax jista’ jkun li ħuh bosta drabi kien qagħad ifissirlu kollox bir-reqqa; tabilħaqq, l-Evanġelisti dejjem jiġbru fil-qosor ir-rakkonti tagħhom kollha. Terġa’ mbagħad Ġwanni ma qalx li Pietru emmen minnufih, iżda li Indrì ħadu għand Ġesù biex jitilqu f’idejh ħalli jikseb it-tagħrif kollu mingħandu stess. U għandu mnejn li Indrì kellu wkoll min jgħinu f’din il-ħaġa, għax diġa’ kien hemm dixxiplu ieħor miegħu.

Meta Ġwanni l-Battista qal Dan hu l-Ħaruf, u, Dan hu li jgħammed bl-Ispirtu, huwa ħalla f’idejn Kristu biex ifisser dan it-tagħlim b’mod aktar ċar. Iżjed u iżjed għamel hekk Indrì, għax ra li l-ħila dgħajfa tiegħu ma kinitx biżżejjed biex ifisser kollox lil ħuh, u għalhekk ħadu għand l-istess għajn tad-dawl, u Pietru tant feraħ u ħaffef biex imur miegħu li anqas minuta waħda ma qagħad jitnikker.

Wara li San Andrija kien iltaqa’ ma’ Ġesù, mar ġab lil ħuh ukoll, (u wara, min jaf kemm nies saru jafu, u jħobbu lil Ġesù permezz tiegħu).

  • X’qed nagħmlu aħna biex l-ewwelnett aħna stess insiru nafu aħjar u nħobbu iktar lil Ġesù, u biex ukoll narawh iktar magħruf u maħbub mill-oħrajn?”

Talba: Miċ-ċokon tagħna, Mulej, nitolbu l-kobor tiegħek biex l-appostlu Sant’Andrija, li fil-Knisja tiegħek kien predikatur u mexxej, jidħol dejjem għalina quddiemek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-andrew-apostle.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-andrew-apostle-403

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Andrew_the_Apostle

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements

29 ta’ Novembru: Beatu Dionisju tan-Natività u Beatu Redent tas-Salib

Verżjoni Vidjo: Beatu Dionisju tan-Natività u Beatu Redent tas-Salib

“Il-Mulej hu s-sultan tal-martri: ejjew nadurawh”. ~ Antifona tad-dħul mill-Komun tal-Martri fil-Liturġija tas-Sigħat

Denis_of_the_Nativity_and_Redemptus_of_the_Cross_uncroppedIL-BEATI DJONISJU TAN-NATIVITÀ U REDENT TAS-SALIB
Martri
† 1638

Tagħrif: Il-Beatu Djonisju kien saċerdot u l-Beatu Redent kien ajk, it-tnejn Karmelitani Skalzi (Tereżjani) u sofrew il-martirju f’Sumatra.

Djonisju kellu 37 sena, kien għadu kif ġie ordnat saċerdot u kien ilu biss 4 snin Karmelitan. Qabel huwa kien navigatur professjonali u jagħmel il-mapep. Xi mapep tiegħu jinsabu ppreservati fil-Mużew Brittaniku.

Hu kien jismu Pierre Berthelot u twieled fin-Normandija, beda jaħdem fuq il-baħar u nqabad mill-pirati Olandiżi fl-ewwel vjaġġ tiegħu lejn l-Indji. Wara li nħeles mill-ħabs f’Ġava huwa mar f’Malacca, innegozja xi ftit għal rasu u ħa l-kmand ta’ vapur Portugiż.

Kien f’Goa meta ġie f’kuntatt mal-Karmelitani Tereżjani.

Il-Beatu Djonisju nħatar kappillan ta’ spedizzjoni Portugiża f’Sumatra u l-Beatu Redent, li qabel serva bħala suldat fl-Indja qabel ma daħal ajk, ingħażel bħala assistent tiegħu.

Huma nqabdu priġunieri kważi mill-ewwel malli waslu u nqatlu għax ma ridux li jħaddnu l-Islam.

Ħsieb: L-Ordni Karmelitana ġiet imbierka matul l-istorja tagħha minn tant irġiel u nisa li kienu mimlija ħeġġa u entużjażmu għal Alla u għat-tixrid tal-Kelma Tiegħu kull fejn sabu ruħhom. Xi wħud minn dawn ġew imtella’ minn Omm il-Knisja għall-grad ta’ Beati  u Qaddisin. Imma min fejn jiġi dan iż-żelu għal Alla u x-xandir għall-Kelma tiegħu, tant li bla biża’, ħadu l-martirju biex ikunu ta’ xhieda għalih? Kif nistgħu nimitaw lil dawn il-mudelli li l-Knisja tpoġġilna quddiemna billi tiċċelebra t-tifkira tagħhom? Imnejn sabuh is-sabar biex jissaportu l-għawġ u l-persekuzzjonijiet? U aħna? Għandna sabar fit-tribulazzjonijiet tagħna tal-ħajja ta’ kuljum jew ingergru u nniżlu l-gdiedem?

Dan li ġej huwa rapport ta’ dan li qal il-Papa Franġisku f’Omelija tiegħu bl-isem ‘Ferħ fis-sabar’ (It-Tlieta, 7 ta’ Mejju 2013):

ll-Papa jipproponi l-ispirtu ta’ sabar mwettaq mill-ewwel martri nsara. Dawn kienu ferħana għaliex batew xi ħaġa f’isem Ġesù. Kienu trankwilli. Kienu jkantaw, jitolbu u jbatu. Huma, f’dak il-waqt, kienu f’dak l-istat ta’ qalb tant nisrani: l-istat tas-sabar. Meta Ġesù jibda t-triq tal-Passjoni tiegħu, wara ċ-ċena, ‘jidħol fis-sabar’.”

Tidħol fis-sabar: din hija “t-triq li Ġesù jgħallem lilna l-insara. Tidħol fis-sabar.” Imma dan “ma jfissirx li nkunu mdejqa. Le, le, hija xi ħaġa oħra! Dan ifisser tissaporti, iġġorr fuq spallejk il-piż tad-diffikultajiet, il-piż tal-kontradizzjonijiet, il-piż tat-tribulazzjonijiet.”

Is-sabar nisrani mixhud mill-martri, huwa proċess ta’ maturità nisranija – spjega l-Papa – għal għonq it-triq tas-sabar;” li sabiex jitwettaq huwa meħtieġ iż-żmien. “Huwa bħall-inbid tajjeb” qal b’espressjoni effikaċi, li tistenna bis-sabar “tistenna l-waqt li fih ikun propjament matur.”

Imbagħad reġà ppropona l-eżempju tal-martri li “kienu mimlija ferħ” li jmorru jagħtu xhieda ta’ Ġesù. Quddiem it-tribulazzjonijiet, m’għandniex inċedu għat-tentazzjoni tat-tgergir, għaliex “nisrani li jgerger kontinwament” jieqaf li jkun nisrani tajjeb u jsir “is-sinjur jew is-sinjura gergirhielu.”

In-nisrani tajjeb jiskopri, għall-kuntrarju, “is-silenzju fis-sabar. Dak is-silenzju ta’ Ġesù” li waqt il-Passjoni esprima biss “tnejn jew tliet kelmiet meħtieġa.” Madankollu dan ma kienx silenzju mdejjaq, bħal ma ma kienx imdejjaq is-silenzju ta’ Ġesù li ssaporta s-Salib: “Huwa doloruż, bosta drabi iktar doloruż, imma mhux imdejjaq,” għaliex il-qalb tinsab fis-sliem. Mela li ġġarrab bħal Ġesù, bil-qalb fil-paċi, jirrendina kuntenti”. 

Ejjew nitolbu lil Missier tagħna tas-Sema jkabbar fina l-istess sabar li kellu Ġesu’, filwaqt li aħna nagħmlu ħilitna biex nipprattikaw din il-virtu’ filwaqt li miexja wara s-Salvatur tagħna bis-salib fuq spallejna.

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti żżejjen il-ġisem qaddis tal-Knisja tiegħek bl-istqarrija tal-qaddisin martri; agħtina li l-martirju glorjuż li qegħdin infakkru llum ikun għalina ta’ għajnuna qawwija, kif kabbar għal dejjem fis-sema lill-Beatu Dionisju tan-Natività u Beatu Redent tas-Salib. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-denis-of-the-nativity-and-blessed-redemptorus-of-the-cross-402

Alternative Reading: http://ocarm.org/en/content/liturgy/bl-denis-nativity-ocd-priest-and-martyr-bl-redemptus-cross-ocd-religious-and-martyr-

Wikipedia for Denis of the Nativity: https://www.olrl.org/lives/laboure.shtml

Wikipedia for Redemptus of the Cross: https://en.wikipedia.org/wiki/Redemptus_of_the_Cross

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Novembru: Santa Katerina Labourè u l-Midalja Mirakuluża

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina Labourè u l-Midalja Mirakuluża

“Wieħed għandu jara lil Alla f’kuħadd”. ~Santa Katerina Labourè

SANTA CATALINA LABOURÉSANTA KATERINA LABOURÈ
Verġni
1806 – 1875

Tagħrif: Zoe (għax dan kien l-isem tagħha qabel daħlet reliġjuża) kienet id-disa’ tarbija fost ħdax-il wild ta’ familja ta’ bdiewa mir-raħal żgħir ta’ Fain-les-Moutiers, fil-Cote d’Or, Franza. Twieldet fit-2 ta’ Mejju 1806 minn Pierre Laboure’, bidwi tat-tajjeb, u Louise Gontard, mara tar-ruħ u omm mill-aħjar. Hi ġiet mgħammda l-għada li twieldet.

Ta’ erbatax daħlet mas-sorijiet tal-karità Chatillon-sur-Seine, ħdejn Pariġi (1830), fejn għaddiet ħajjitha ddur bil-morda fil-kunvent ta’ Rue de Bac.

Fl-1832, fil-kappella tal-kunvent, il-Madonna dehritilha għal tliet darbiet, u rrikmandatilha li tħabrek biex jagħmlulha midalja f’ġieħ il-ħniena tagħha bħala omm Alla – dik il-midalja magħrufa bl-isem tal-“Midalja Mirakuluża”. Dik is-sena stess (fl-1832) saru 1,500 midalja, fit-tifkira tagħha.

Bis-saħħa tal-Midalja Mirakoluża, fil-knisja ta’ “Sant’Andrea delle Fratte”, tal-Patrijiet Minimi ġewwa Ruma, quddiem l-altar tal-“Madonna tal-Mirakli”, il-Lhudi Alfons Ratisbonne, fit-18 ta’ Jannar, 1842, ikkonverta u sar kattoliku u anki saċerdot u fundatur tal-patrijiet u s-sorijiet tal-Madonna ta’ Sijon għall-konverżjoni tal-Lhud.

Mietet ta’ 70 sena fil-kunvent ta’ Enghien-Reuilly, fejn kienet għaddiet l-aħħar 46 sena ta’ ħajjitha bħala infermiera mal-morda u x-xjuħ, kif ukoll bħala purtinara. Hi kienet qalet minn qabel li ma tarax is-sena 1877, għax fil-fatt mietet fil-31 ta’ Diċembru, 1876.

Il-funeral kien popolari ħafna. Iżjed tard, ftit snin wara li difnuha, tifel ta’ tnax-il sena, magħtub minn twelidu, fieq b’miraklu fuq qabarha.

Il-ġisem tagħha kien għadu sħiħ 56 sena wara mewtha, meta fil-21 ta’ Marzu 1933, ittieħed Pariġi bl-akbar solennità għas-santwarju tal-Madonna Mirakoluża, f’Rue du Bac, fejn, (flimkien ma’ dak tal-fundatriċi, Santa Louisa de Marillac), għadu meqjum sal-lum.

Ibbeatifikata mill-Papa Piju XI, fl-1933 u l-Papa Piju XII ikkanonizzaha fis-27 ta’ Lulju 1947.

San Massimiljanu Marija Kolbe, martri Franġiskan Konventwali u fundatur tal-Milizzja tal-Immakulata, mhux biss qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu fl-altar tal-“Miraklu” li diġà semmejna, imma xerred kemm felaħ fil-Polonja u fil-Ġappun il-Midalja Mirakoluża, kif għamel ukoll f’Malta San Ġorġ Preca.

Ħsieb: Il-Madonna dehret diversi drabi lil Santa Katerina Labouré, soru tal-Karità ta’ San Vinċenz, fil-monasteru ta’ Rue du Bac, Pariġi, meta Katerina kienet għadha novizza. Dawn id-dehriet bdew f’Novembru tal-1830 u komplew sa kważi sena wara.

L-aktar dehra importanti minn dawn kienet dik tas-27 ta’ Novembru, li fiha l-Verġni Marija talbitha biex tagħmel medalja f’għamla ovali skont id-dettalji li wrietha. Jiġifieri: fuq naħa kien hemm ix-xbiha tal-Madonna fuq globu, b’riġlejha tgħaffeġ ras is-serpent, b’idejha miftuħin li minnhom ħerġin ir-raġġi, li aktar tard il-qaddisa fissret bħala l-grazzji li l-Madonna lesta tagħti lil min jitlobhomlha u mad-dawra ovali kien hemm il-kelmiet: O Marija, imnissla mingħajr dnub oriġinali, idħol għalina li nirrikorru lejk. Fuq in-naħa ta’ wara kien hemm l-ittra M, li minn ġo fiha kienet għaddejja strixxa u li fuq din l-istrixxa kien hemm salib. Madwar dawn is-simboli kien hemm tnax-il kewkba, waqt li taħt l-ittra M kien hemm żewġt iqlub, waħda inkurunata bix-xewk u l-oħra minfuda bis-sejf.

Katerina ma għarrfet lil ħadd dwar dawn id-dehriet ħlief lill-konfessur tagħha M. Aladel, li f’Ġunju tal-1832 għamel l-ewwel domni skont kif xtaqet il-Madonna. Bdew jiġu rrapportati, tista’ tgħid mill-ewwel, każijiet ta’ fejqan tal-għaġeb, konverżjonijiet kbar u favuri spiritwali, marbutin ma’ din il-medalja, tant li popolarment bdiet tissejjaħ il-Medalja Mirakoluża.

Fl-1836, tribunal f’Pariġi approva l-medalja bħala waħda ta’ oriġini sopranaturali. Imma l-medalja kisbet prestiġju kbir bil-konverżjoni f’daqqa waħda u bla mistennija għall-fidi kattolika tal-Lhudi Alfonsu Ratisbonne, bniedem ateu u antikattoliku, waqt li kien imlibbes biha meta żar knisja f’Ruma biex jirranġa għall-funeral ta’ xi ħadd. Ratisbonne aktar tard waqqaf il-kongregazzjoni reliġjuża ta’ Sidtna Marija ta’ Sijon, biex taħdem għall-ftehim bejn il-Lhud u l-insara.

Fl-umiltà kbira tagħha Katerina Labouré rnexxielha żżomm is-sigriet dwar dawn id-dehriet tagħha sa mewtha 40 sena wara.

F’Malta, id-devozzjoni lejn il-Midalja Mirakoluża kienet imxerrda ħafna minn San Ġorġ Preca, u llum il-fdal tiegħu jinsab midfun fil-Blata l-Bajda taħt l-unika knisja f’Malta li hi ddedikata lill-Madonna taħt dan it-titolu.

San Ġorġ Preca jgħidilna:

“Nissel kunfidenza kbira fl-omm divina ta’ Ġesù Kristu għax hi setgħana wisq fuq il-qalb ta’ Alla, li xejn ma jiċħdilha minn dak li titolbu. Il-predestinati huma kollha marbutin magħha bi spirtu ta’ vera devozzjoni. Hija ssaltan ma’ Ġesù Kristu fis-sema bħala reġina, bħala padruna u bħala omm”. 

Jekk għad m’għandekx, tajjeb li jkollok u anki żżomm fuqek il-Midalja Mirakuluża (li tidher fl-istampa t’hawn fuq) li talbitna l-Madonna permezz ta’ Santa Katerina Labourè. Tinsiex wkoll li l-aktar talba li tagħti unur lill-Madonna u dik li hi tkun qed tistenniena nitolbu bil-ħerqa għall-bżonnijiet tagħna u tad-dinja, tibqa’ dejjem it-talba sabiħa tar-Rużarju Mqaddes. Tassew li kulħadd jafu dan, imma kulħadd jitolbu? Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjos kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Talba: Ftakar, ja l-iżjed ħanina verġni Marija, li qatt ma nstema’, li xi ħadd intefa’ taħt il-patroċinju tiegħek, talbek l-għajnuna jew fittex li inti tidħol għalih u inti ma smajtux. Imqanqal minn dan il-ħsieb jien għal għandek niġi ja verġni omm tiegħi, għal għandek niġi, quddiemek noqgħod, midneb u niedem, ja omm l-iben t’Alla, magħmul bniedem. La tistmerrx it-talb tiegħi iżda ismagħni u weġibni. Ammen. (Talba ta’ San Bernard ta’ Clairvaux)

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/st-catherine-laboure-and-miraculous.html

Alternative Reading: https://www.olrl.org/lives/laboure.shtml

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_Labour%C3%A9

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif u l-Ħsieb dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ Novembru: San Franġisk Anton Fasani

Verżjoni Vidjo: San Franġisk Anton Fasani

“O Mulej, jien ngħanni lill-ħniena tiegħek għal dejjem u l-ħniena tiegħek tfaħħrek, għat-tifħir u r-radd ta’ ħajr li jien nagħtik għal dejjem.” ~ San Franġisk Anton Fasani 

d93af702005fb3b631025e1b8fa929a8SAN FRANĠISK ANTON FASANI
Presbiteru
1681 – 1742

Tagħrif: Kien jismu Giovaniello u twieled fil-belt ċkejkna imma tant ħelwa ta’ Lucera, qrib Foggia, fil-Puglie, fl-Italja t’Isfel, fl-1681.

Daħal mal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, u studja f’Monte Sant’Angelo, qrib is-Santwarju famuż ta’ San Mikiel, f’San Lorenzo Maggiore ta’ Napli u fil-Collegio Sistino ta’ Ruma, imwaqqaf mill-Papa Franġiskan Konventwali Sistu V, u ġie ordnat saċerdot Assisi flimkien ma’ sieħbu, il-Beatu Antonju-Marija Lucci, li wara laħaq isqof ta Bovino. Il-Papa Klement XI ħatru provinċjal tal-Puglie u rnexxielu jirriforma l-provinċja. Il-“Patri Majjistru” kif kien u għadu magħruf sal-lum f’Lucera, devotissimu tal-Immakulata, kiseb minn Napli, għall-knisja tiegħu, statwa mill-isbaħ tal-injam, tal-Kunċizzjoni, u daħħal l-użu tan-Novena Sollenni tagħha.

Magħruf bħala kittieb, predikatur, konfessur, direttur spiritwali, mistiku, kif ukoll għall-estasi u għall-mirakli, kienu jsejħulu San Franġisk t’Assisi ieħor.

Miet fl-ewwel jum tan-Novena tal-Immakulata, festa tal-Qaddisin Kollha, tal-Ordni Franġiskan, fid-29 ta’ Novembru, 1742, ta’ 61 sena. Il-fdal tiegħu jinsab meqjum b’għożża kbira taħt l-altar maġġur tal-knisja ta’ San Franġisk ta’ Lucera, tal-patrijiet ħutu Franġiskani Minuri Konventwali. Il-Papa Ġwanni Pawlu II, ikkanonizzah fit-13 ta’ April 1986.

Ħsieb: Dan li ġej huwa parti minn kummentarju għat-talba tal-“Missierna” ta’ San Franġisk Anton Fasani fuq il-vers ‘Aħfrilna dnubietna, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina’:

“O Mulej, jien ngħanni lill-ħniena tiegħek għal dejjem u l-ħniena tiegħek tfaħħrek, għat-tifħir u r-radd ta’ ħajr li jien nagħtik għal dejjem.

Mulej Alla l-Aktar Għoli, jiena rgħextek f’ħafna postijiet u b’ħafna modi, ħafna drabi u bil-kbir, tant li jien stess ninsab imħawwad u ma nistax ngħodd kemm-il darba nqastek jew nagħraf il-gravità ta’ dnubieti. U int, imriegħex, tagħmel lil min riegħxek jitlob maħfra u jgħid: aħfrilna, għax int trid tħassar ħtijietna.

Min hu dak li ma jifhimx il-ħniena tiegħek, Mulej? Min hu dak li sa jintilef fid-disperazzjoni? Min hu dak li ma jridx maħfra? Jekk il-midinbin l-oħra jridu jibqgħu midjunin, jien ma rridx. Quddiem il-ħniena divina tiegħek jiena nferragħ dnubieti kollha u b’leħen għoli nlissen: aħfrilna. Ngħolli leħni mill-qiegħ ta’ qalbi u ngħajjat quddiemek: aħfrilna.

Nistqarr li ħtijieti huma kbar fil-għadd u fil-qjies, iżda x’inhuma dawn ħdejn il-ħniena tiegħek bla tarf? In-nuqqasijiet tiegħi, għalkemm bla għadd, ma jistgħux jidhru quddiem daqstant ħniena u ma jitħassrux. Forsi n-nuqqasijiet tiegħi qegħdin hemm biex joħorġu rebbieħa fuq il-ħniena tiegħek? Dan ma jkun qatt!

Alla tiegħi, ħniena u sabar bla tarf tiegħi, aħfirli u aħfer id-dejn kollu ta’ dnubieti. Aħfirli kemm il-ħtija u kemm il-piena. Aħfirli l-ħtija għax din titħallas bil-mewt ta’ dejjem. Aħfirli l-piena għax din titħallas bi tbatija temporali jew f’din il-ħajja jew fil-Purgatorju.

Aħfrilna, mela, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina. Jekk hemm min hu ħati għalija naħfirlu u naħfirlu bil-qalb. U mhux lilu biss, jekk hemm, imma ‘l dawk ukoll li għad ikun hemm. U nitlob mingħandek, int li tqassam kull ġid, il-kotra ta’ kull grazzja u ta’ kull ġid għar-ruħ u għall-ġisem, fil-qasam temporali, spiritwali u etern. Naħfer mhux biss bil-qalb, imma fejn nista’ bil-fatti wkoll.

Mulej Ġesù Kristu, kemm jiżbaljaw dawk li ma jridux jaħfru lill-għedewwa! Inroddlok ħajr għal dejjem għax int għarraftni u fehemtni dawn il-ħwejjeġ.

X’nista’ ngħid aktar? Int li taħtaf il-qlub, int Tama waħdanija ta’ dawk li jeħtieġu s-salvazzjoni! Aħfer, Mulej, għax jien min-naħa tiegħi diġà ħfirt, u jekk hemm oħrajn ħatjin għalija jien ninsab lest li naħfrilhom. U jekk fil-ġejjieni jkun hemm, minn issa stess naħfrilhom b’qalbi kollha.

Eventwalment aħna nsiru skont l-għażliet li nagħżlu. Jekk aħna nagħżlu x-xewk, insiru nnigżu. Jekk nagħżlu t-tjieba, insiru tajba. Il-qdusija ta’ San Franġisk Anton Fasani kienet riżultat tal-ħafna deċiżjonijiet żgħar li għamel biex jikkopera mal-grazzja ta’ Alla. U int?

Talba: O San Franġisk Anton Fasani, li kont diliġenti fl-istudju, ferventi fil-karita’ u l-meditazzjoni, perfett fil-qadi ta’ dmirijietek u dejjem ubbidjenti lejn is-superjuri tiegħek, itlob għalina ħalli aħna nwettqu b’imħabba u dedikazzjoni kbira d-dmirijiet kollha tal-istat tagħna ħa jistħoqqilna l-premju tas-Sema miegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.archbishopcurley.org/about/article/franciscan-reflection-st.-francis-anthony-fasani

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-francesco-antonio-fasani-66

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_19860413_fasani_en.html#top

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_Fasani

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei u l-Ħsieb hi kitba tal-qaddis maqluba għal Malti minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

26 ta’ Novembru: San Leonardu minn Portomaurizio

Verżjoni Vidjo: San Leonardu minn Portomaurizio

“Min jimmedita l-Passjoni ta’ Kristu jasal għall-indiema mill-qalb”. ~ San Leonardu minn Portomaurizio

fileSAN LEONARDO TA’ PORTOMAURIZIO
Reliġjuż
1676 – 1751

Tagħrif: Kien jismu Pietru Ġirolamo Casanova, u jissejjaħ hekk għax twieled f’Portomaurizio, fuq il-Golf ta’ Ġenova (l-Italja). Ta’ 13-il sena ntbagħat fil-kulleġġ tal-Ġiżwiti f’Ruma. Zijuh Wistin, li kien jgħix miegħu riedu jsir tabib, imma billi ma riedx, qatgħu mill-wirt.

Ta’ 21 sena (1697) ngħaqad mal-Franġiskani tal-Osservanza stretta f’Ponticelli u ħa l-isem ta’ Leonardu. Kompla jistudja fil-Kulleġġ San Bonaventura f’Ruma u kien ordnat saċerdot fl-1703 meta kellu 27 sena.

Emorraġija gastrika qawwija żammitu invalidu għal erba’ snin, imma ħa saħħtu kompletament meta għamel wegħda li jiddedika ħajtu kollha għall-konverżjoni tal-midinbin. Mar fil-monasteru ta’ San Francesco del Monte, Firenze, fl-1709, u minn hemm beda l-missjonijiet tiegħu li kellhom suċċess kbir. Għal 44 sena ta missjonijiet mal-Italja kollha tan-nofs u t’isfel, u kien jippriedka lil eluf fil-pjazez.

Mhux biss irnexxielu jikkonverti midinbin kbar, imma wkoll jirrikonċilja partiti li kienu spiss fi ġlied bejniethom, u jerġa’ jqajjem il-ħeġġa reliġjuża tal-poplu kollu. Hu xerred id-devozzjoni lejn it-Tnissil bla Tebgħa ta’ Marija, l-adorazzjoni lis-Sagrament tal-Artal, il-qima lejn il-Qalb ta’ Ġesù, u b’mod speċjali d-devozzjoni tal-Via Sagra.

Huwa waqqaf mhux inqas minn 571 stazzjonijiet tal-Via Sagra fl-Italja, fosthom sett fil-Kolossew Ruman. Darba ta missjoni ta’ ġimagħtejn fi Pjazza Navona, Ruma, li għaliha attenda l-Papa bil-kulleġġ tal-kardinali. Fl-1744 Papa Benedittu XIV bagħtu jippriedka missjoni u jġib il-paċi f’Korsika, imma l-ħidma tiegħu hemmhekk ma kellhiex suċċess għax in-nies ta’ Korsika ħarsu lejh aktar bħala għodda politika f’idejn il-Ġenoviżi li kienu jokkupaw il-gżira milli bħala missjunarju.

San Leonard ħalla għadd kbir ta’ kitbiet spiritwali bħala gwida għall-missjunarji u għal-lajċi, li jimlew 13-il volum u li ġew stampati diversi drabi u tradotti b’ilsna oħra. Miet ta’ 75 sena fis-26 ta’ Novembru 1751 u ġie ddikjarat qaddis fl-1867. Hu patrun tal-missjonijiet parrokkjali.

Ħsieb: Din li ġejja hija silta mid-diskors ta’ San Leonardu dwar il-meditazzjoni tal-Passjoni ta’ Kristu li jgħid li twassalna għall-indiema mill-qalb:

“Il-ħażen jiġi mill-fatt li ħadd ma jaħseb fir-realtajiet li għandna dejjem nimmeditaw dwarhom. Għalhekk ma għandux għalfejn wieħed jistagħġeb meta jara diżordni morali sħiħa. L-ewwelnett, insejna l-veritajiet eskatoloġiċi; imbagħad ħadd ma jaħseb la dwar il-ħwejjeġ ta’ Alla u lanqas dwar il-passjoni doloruża li għadda minnha Ġesu’ Kristu għalina. L-impenji u d-dmirijiet tagħna jsiru bla qalb, u m’aħniex naħarbu kif imiss mill-perikli spiritwali li jinsabu kullimkien. Waqt li d-dinja tinsab f’qagħda morali mwiegħra ħafna, jinstemgħu f’waqthom il-kelmiet ta’ Ġeremija: “Il-pajjiż jinsab kollu mħarbat u ħadd ma jagħti kas.” Hemm xi rimedju għal dal-ħażen? Bl-umilta’ kollha, nixteħet għarkobbtejja quddiem il-prelati, il-kappillani, il-qassisin u l-ministri kollha ta’ Alla biex nurihom li d-duwa tant mixtieqa jista’ jilħaqha kulħadd: it-taħriġ imqaddes tal-Via Crucis.

Jekk bil-ħeġġa u l-ħidma tal-kleru dat-taħriġ qaddis jibda jsir fil-parroċċi u fil-knejjes kollha, huwa jsir difiża f’waqtha u qawwija kontra t-tixrid tal-vizzju u jrodd benefiċċji kbar lil kull min jibda jimmedita ta’ sikwit fuq it-tbatijiet u l-imħabba ta’ Kristu l-Mulej. Il-meditazzjoni ta’ sikwit fuq il-passjoni ta’ Kristu ddawwal il-moħħ, tħeġġeġ ir-rieda, u ġġib indiema sinċiera fil-qalb. Jien ta’ kuljum innutajt, u qisni messejt b’idejja, li t-titjieb fid-drawwiet tal-Insara jistrieħ fuq it-taħriġ imqaddes tal-Via Crucis.

Dan it-taħriġ huwa duwa kontra l-vizzji, waqfa kontra l-passjonijiet, tħeġġiġ f’waqtu għal ħajja qaddisa u virtuża. Jekk il-passjoni ħarxa ta’ Kristu nżommuha ħajja quddiem għajnejna, daqslikieku mnaqqxa fil-għuda, imdawlin b’dawl hekk qawwi, aħna ma nkunux nistgħu ma nobogħdux il-għajb u d-dgħufija ta’ ħajjitna. Nibdew inħossu ġo fina li għandna nwieġbu b’imħabba kbira għall-imħabba ta’ Kristu u li għandna nilqgħu bil-ferħ it-toqol ta’ dil-ħajja li minnu ma nistgħux naħarbu”.

U dan kliem li qal il-Papa Franġisku liż-żgħażagħ (29 ta’ Lulju 2016) dwar it-Triq tas-Salib (Via Crucis):

“It-Triq tas-salib hija t-triq tal-hena f’li timxi wara Kristu dejjem u sal-aħħar, f’ċirkustanzi sikwit drammatiċi tal-ħajja ta’ kuljum; hija t-triq li ma tibżax mill-insuċċessi, mit-twarrib jew mis-solitudini, għaliex timla l-qalb tal-bniedem bil-milja ta’ Ġesù. It-Triq tas-salib hija t-triq tal-ħajja u tal-istil ta’ Alla, li Ġesù jmexxina fiha ukoll f’mogħdijiet ta’ soċjeta’ xi kultant maqsuma, inġusta u korrotta.

It-Triq tas-salib mhijiex drawwa sadomażokistika; biss it-Triq tas-salib tegħleb id-dnub, il-ħażen u l-mewt, għaliex twassal għad-dawl jiddi tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu u tiftaħ il-bibien għal ħajja ġdida u mimlija. Hija t-Triq tat-tama u tal-futur. Min jimxiha b’ġenerożita u bil-fidi, jagħti tama lill-futur u lill-umanita’. Min jimxiha b’ġenerożita’ u bil-fidi jiżra’ t-tama. U jien irrid li intom tiżirgħu t-tama”.

Tajjeb li nitolbu din it-talba wisq prezzjuża u ta’ benefiċċji kbar għar-ruħ tagħna ta’ spiss, forsi fil-jum tal-Ġimgħa fejn l-aktar li nfakkru l-Passjoni ta’ Ġesu’. Jeżistu diversi vidjos bil-Malti wkoll. Fost oħrajn, hemm:

VIA SAGRA – ma’ Fr Hayden Williams OFM Cap u Mona Borg: https://www.youtube.com/watch?v=bf84pTDgclU

It-Triq tas-Salib għall-bżonnijiet tas-Saċerdoti: https://www.youtube.com/watch?v=pAOg-KfFGF8&list=PLE39BD106F62C6BAA

‘Ikun li trid Int’ playlisthttps://www.youtube.com/watch?v=VAKvQzKfmKs&list=PLPAbF-_bN4riwGHKdRM4e-YjDCWny1eZE

Talba: Isma’ t-talb, Mulej, setgħani, tal-Qaddej tiegħek San Leonardu minn Portomaurizio u agħtina li ngħixu fuq l-eżempji sbieħ tal-ħajja tiegħu hekk li naslu biex infaħħruk miegħu fis-sema għall-ġid kollu li tagħmel magħna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Sermon by St. Leonard of Port Maurice: https://www.olrl.org/snt_docs/fewness.shtml

The Hidden Treasure Or The Immense Excellence Of The Holy Sacrifice of The Mass’ by St. Leonard: https://trcatholics.org/images/TheHiddenTreasure.pdf

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/saint-leonard-of-port-maurice.html

Alternative Reading: https://theblackcordelias.wordpress.com/2009/11/26/saint-leonardo-de-porto-maurizio-november-26/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Leonard_of_Port_Maurice

Film: La vita di San Leonardo da Porto Maurizio:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb meħud minn tagħrif miġbur minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

25 ta’ Novembru: Santa Katerina ta’ Lixandra

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina ta’ Lixandra

“Dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmluha, dawk huma ommi u ħuti”. ~ Ġesu’ f’Luqa 8:21

maxresdefaultSANTA KATERINA MINN LIXANDRA
Verġni u martri
? – 305

Tagħrif: Ma għandna ebda aħbar ta’ din il-qaddisa, la fil-letteratura u lanqas fil-liturġija, ħlief minn żewġ dokumenti tardivi, il-Passio u l-Conversio, ta’ madwar is-seklu tmienja. Skont dawn l-Atti tagħha, Katerina kienet ta’ nisel irjali ta’ Lixandra, kienet studjuża ħafna, u kienet semgħet bil-Kristjaneżmu.

Il-ktieb tal-Iskrittura kien il-Vade Mecum ta’ ħajjitha li fiha ltaqgħet ma’ Alla. L-ewwel lejl wara l-magħmudija kellha viżjoni, fejn saret għarusa mistika ta’ Ġesù quddiem il-Madonna.

Fil-persekuzzjoni ta’ Massenzju (Massiminu), Imperatur ta’ Lixandra, Katerina, ta’ 18, marret iċċanfru għat-tiranija tiegħu. L-imperatur ma kellux il-ħila jweġibha, u sejjaħ 50 għaref biex iweġbuha. Dawn ikkonvinċew ruħhom bl-argumenti tagħha u l-imperatur inkurlat, ħaraqhom għax saru nsara.

Katerina ħarġet rebbieħa, u Massenzju, wara li sawwatha, qafilha ġo ħabs. Wara dan telaq; iżda meta reġa’ ġie lura, sab li martu Fawstina marret iżżur lil Katerina fil-ħabs, u saret nisranija flimkien ma’ 200 suldat tal-għassa. Ġew kollha maqtulin, u lill-qaddisa kkundannawha biex tiġi maqtula b’rota mdawra bl-imsiemer.

Meta ġew biex joqtluha, il-ktajjen tagħha nħallu u r-rota nkisret, waqt li l-imsiemer taru fl-arja u qatlu xi wħud li kienu preżenti. Fl-aħħar qatgħulha rasha.

Kienu l-monaċi li ġarrew il-ġisem tagħha fil-knisja li l-Imperatur Ġustinjanu kien bena għad unur tagħha, u minn dak iż-żmien il-monasteru beda jissejjaħ ta’ Santa Katerina.

Ħsieb: Minn omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna (25 ta’ Novembru 2016) fil-festa ta’ Santa Katerina, fiż-Żejtun:

“Twieldet minn demm nobbli u l-għorrief u l-antiki jgħidulna li hi għażlet li titgħammed, ma tgħammditx ta’ tarbija imma d-deċiżjoni tagħha li tħaddan il-fidi Nisranija kienet deċiżjoni adulta, kienet frott riflessjoni profonda ta’ bniedma intelletwali u għarfa li ddeċidiet li fost tant proposti ta’ għerf, u sapjenza. Il-kelma ta’ Ġesù tagħmel ħafna sens. Ma tikkalpestax l-għerf tal-bniedem imma twasslu għall-milja tiegħu u mhux biss, l-għerf tal-bniedem tibdlu għall-perspettiva tal-eternita’. Mhux biss l-għerf ta’ Ġesù Kristu jagħżel risposta għall-ħajja ta’ din id-dinja, imma l-ħajja ta’ din id-dinja jilluminaha u jdawwalha mhux biss fil-wegħda imma bir-realtà tal-ħajja li ma tintemmx.

F’din il-belt hija tagħżel li titgħammed u l-isem tagħha jieħu sinifikat iżjed profond, għax l-isem tagħha jfisser ‘mara msoffija’, mara safja, mara pura, Katerina, huwa isem Grieg li jkompli jurina li Katerina twieldet u trabbiet fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran fl-Eġittu, imma f’belt Ellenika. Bil-Magħmudija Katerina twieldet mill-ġdid, issaffiet mid-dnub oriġinali, minn dnubietha kollha u bdiet dik il-ħajja li lil Kristu titgħarras miegħu fil-profond. Il-verġinità ta’ Katerina, qabel hija verġinità fiżika, hija verġinità spiritwali. Bil-Magħmudija hija ssir totalment ta’ Ġesù. L-esperjenza mistika tat-tieġ mal-Għarus tagħha hija esperjenza qawwija li tagħtiha sinjal profond, kważi karattru fir-ruħ tagħha.

Katerina hija dik li quddiem l-aggressjoni ta’ Massiminu l-Gvernatur ma tibżax. Ta’ tmintax-il sena bl-għerf tagħha, bir-rieda soda tagħha, taf tieqaf il-praspar, id-delużjonijiet, is-superstizzonijiet ta’ min irid ibegħdha minn Ġesù. Mhux hekk, tipperswadi, u tant tirrabja lit-tirann, li r-rebħa tagħha li hija rebħa ġwejda, rebħa li d-djalogu twassalha għas-saħħa tar-raġuni, ma jibqagħliex iżjed armi ħlief il-vjolenza.

Kemm-il darba aħna l-Insara quddiem il-loġika tal-Evanġelju, is-sabar li jgħallimna Ġesù l-istil ġwejjed tiegħu, niltaqgħu ma’ min għax m’għandux argumenti jitfa’ biss it-tajn, il-kalunnja u l-insulti. Imma l-Mulej fl-Evanġelju avżana: “Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabilkom. Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha iżda billi intom m’intomx tad-dinja għax jiena ħriġtkom mid-dinja, għalhekk id-dinja tobgħodkom” (Ġwanni 15:18-19). Mhux għal daqshekk se nibżgħu, mhux għalhekk se nibżgħu jew se niddejqu mill-fenomenu tal-blogs jew mit-tgħajjir, jew mill-minaċċi. Aħna nafdaw bħalma afdat Katerina fis-saħħa tal-kelma ta’ Ġesù, fid-djalogu rispettuż u profond. Ir-risposta tagħna la hija t-tgħajjir, ir-risposta tagħna la hija l-kalunnja, ir-risposta tagħna la hi vjolenza, ir-risposta tagħna hija l-għerf tas-Salib Imqaddes.

Allura l-martirju ta’ Santa Katerina għad-dinja, għal Massiminu li mbagħad spiċċa suiċida fis-sena 316, spiċċa ħażin, u ngħidlu miskin, imma kien magħruf li kien feroċi. Qalb Katerina it-trijonf għan-nies tad-dinja ta’ żmienha kien falliment, bħalma jgħid Ktieb il-Għerf: “il-mewt għat-tajbin qisha falliment imma huma jikbru fil-glorja”. Il-martirju tagħha f’dan il-falliment tad-dinja, li min m’għandux iżjed argumenti, joqtlok l-ewwel bl-ilsien, imbagħad bis-sejf – hija rebħa – ir-rebħa ta’ min jagħti ħajtu għal Ġesù, ta’ min jixhed li r-rebħa hi tal-Mulej imsallab u rxuxtat.

Dan ukoll huwa, skont it-tradizzjoni, il-jum tal-martirju tagħha. Il-jum tal-25 ta’ Novembru tas-sena 305. Avveniment storiku – jista’ jkun imżewwaq bit-tradizzjoni – imma fatt storiku. M’aħniex qed nitkellmu fuq ħlejjaq jew ħrejjef tal-bnedmin, qegħdin nitkellmu fuq persuna storika, qegħdin nitkellmu fuq devozzjoni antika li l-providenza riedet li tkun marbuta wkoll mal-iżjed għolja qaddisa li hawn fid-dinja, fuq is-Sinaj, fejn hemm ukoll il-ġebel Katerin, fejn hemm il-monasteru ddedikat lilha. Huwa monument protett minn dejjem mill-umanità. Ħaġa interessanti, qrajt m’ilux li tant kienet qawwija d-devozzjoni lejn Santa Katerina fuq il-monasteru tas-Sinaj li l-istess Mohammed, il-fundatur tal-Islam, ta privileġġ ta’ protezzjoni lill-monasteru.

Hemm bżonn tbiddel il-qalb tagħna, hemm bżonn tbiddel il-mod kif naġixxu, kif nitkellmu, kif inħobbu u din hija t-talba tiegħi li intom tħarsu lejn Katerina titolbuha li tnissel fikom dak l-għerf li ġej mis-salib ta’ Ġesù għax min m’għandux salib għandu domna. Għandna bżonn nitgħallmu minnha d-don tal-paċenzja, id-don tal-għerf, id-don tax-xhieda li hija wkoll il-martirju”.

Talba: Maħbuba Santa Katerina, nitolbuk tinterċedi għalina u żżommna taħt il-ħarsien tiegħek, fil-ferħ u n-niket tagħna, fil-mard, fl-istudju u fil-ħidma tagħna. La tħallina qatt nitbieghdu minn Ġesu’, għax nixtiequ nħobbuh bħalma ħabbejtu int. Ammen. (Addattata minn talba ta’ Alexander Tanti)

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-catherine-of-alexandria.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-catherine-of-alexandria-398

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_of_Alexandria

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa meħud minn Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna (25 ta’ Novembru 2016) fil-festa ta’ Santa Katerina, fiż-Żejtun.

24 ta’ Novembru: San Andrija Dung-Lac u Sħabu

Verżjoni Vidjo: San Andrija Dung-Lac u Sħabu

“Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”. ~ Ġesu’ f’Mattew 5:10

web-saint-november-24-andrew-dung-lac-and-the-martyrs-of-vietnam-nheyob-ccSAN ANDRIJA DUNG-LAC
Saċerdot, u sħabu Martri
1839 – 1867

Tagħrif: Il-kanonizzazzjoni ta’ 117-il martri tal-Vietnam saret mill-Papa Ġwanni Pawlu II fid-19 ta’ Ġunju 1988. Kienet waħda mhix tas-soltu fl-istorja tal-kanonizzazzjoni tal-Qaddisin.

In-numru 117 kien l-ikbar għadd ta’ qaddisin martri li qatt ġew ikkanonizzati f’daqqa. Fosthom kien hemm tmien isqfijiet, ħamsin saċerdot, seminarista, u lajċi. Minnhom, 96 kienu Vietnamiżi, 11 Spanjoli u 10 Franċiżi. Kien hemm 35 patri mill-Ordni Dumnikan, 10 kienu saċerdoti tas-Soċjeta’ tal-Missjoni Estera ta’ Pariġi, oħrajn kienu minn fost il-kleru indiġenu, u seminarista. Barra minn hekk fost il-lajċi kien hemm missirijiet ta’ familji, omm, 16-il katekist, sitt suldati, erba’ tobba, ħajjat, bdiewa, sajjieda u kapijiet ta’ komunitajiet insara.

Sitta minnhom mietu bil-qtugħ tar-ras, oħrajn mgħallqin, oħrajn maħruqin ħajjin, oħrajn qattgħulhom ġisimhom biċċa biċċa, oħrajn mietu minħabba t-turmenti kbar li sofrew.

Ngħidu xi ħaġa fil-qosor fuq xi wħud minnhom:

  • San Andrija Dung Lac twieled fit-tramuntana tal-Vietnam fl-1795, minn ġenituri fqar pagani li fdawh f’idejn wieħed katekista. Meta kiber sar katekista, imbagħad sar saċerdot fl-1823, u ħadem f’bosta nħawi tal-pajjiż. Tefgħuh il-ħabs iktar minn darba. Miet martri fl-1839, fl-eta’ ta’ 44 sena.
  • San Vinċens Liem miet martri fl-1773. Kien l-ewwel wieħed fost il-Vietnamiżi li ta ħajtu għal Kristu.
  • San Tumas Tran Van twieled fl-1820 fin-nofs tal-Vietnam. Arrestawh meta kien seminarista, u qatluh fl-1838, ta’ 18-il sena.
  • San Manwel de Van Phung twieled fin-nofsinhar tal-Vietnam, sar katekista, u kien missier ta’ familja. Miet martri fl-1859.
  • San Valentin Berrio Ochoa, patri Dumnikan Spanjol mar il-Vietnam fl-1858, sar Isqof u miet martri fl-1861 fl-eta’ ta’ 34 sena.
  • San Jean-Theophane Venard, Franċiż mis-Soċjeta’ tal-Missjoni Estera ta’ Pariġi, mar fil-Vietnam fl-1854 u sofra l-martirju fl-1861 fl-eta’ ta’ 32 sena.

Ħsieb: Mill-ittri li bagħat fis-sena 1843 San Pawl Le-Bao-Tinh, student fis-Seminarju ta’ Ke-Vinh dwar ‘Is-sehem tal-martri fir-rebħa ta’ Kristu r-Ras’:

“Jien, Pawlu, fil-ktajjen minħabba l-isem ta’ Kristu, nixtieq ngħarrafkom bit-tiġrib kollu li qiegħed kuljum jagħfas fuqi biex, kollkom ħeġġa ta’ mħabba għal Alla, flimkien miegħi tfaħħru lil Alla, għax għal dejjem il-ħniena tiegħu. Dan il-ħabs hu tassew xbieha tal-infern ta’ dejjem: mat-tiġrib kiefer ta’ kull xorta, imxekkel kif jien u marbut bi ktajjen tal-ħadid, irrid inżid il-mibegħda, il-vendetti, il-kalunji, il-kliem ħażin, it-tgergir, l-azzjonijiet ħżiena, il-ħalf bil-qerq, il-kliem ta’ saħta, u fl-aħħarnett id-dwejjaq u n-niket. Alla, li fl-imgħoddi ħeles it-tliet żgħażagħ mill-forn tan-nar, hu dejjem miegħi, u ħelisni minn dan it-tiġrib kollu, u biddilhuli f’hena, għaliex għal dejjem hi l-ħniena tiegħu.

Fost dan it-tiġrib kollu, li soltu jimla bil-biża’ lil ħaddieħor, għall-grazzja ta’ Alla, jien mimli ferħ u hena, għax m’iniex waħdi imma jien ta’ Kristu. Hu, l-imgħallem tagħna, qiegħed jerfa’ t-toqol kollu tas-salib, u lili għabbieni biss bl-iċken u l-aħħar biċċa minnu. Hu mhux biss qiegħed iħares lejn il-ġlieda tiegħi, imma qiegħed jitqabad miegħi u huwa se jkun ir-rebbieħ tal-ġlieda kollha. Għalhekk fuq rasu se titqiegħed il-kuruna tar-rebħa, u f’din il-glorja għandhom sehem il-membri kollha tiegħu.

Kif kont se nissaporti dehra bħal din, nara kuljum il-kmandanti, il-mandarini u l-qaddejja tagħhom jidgħu bl-isem qaddis tiegħek, Mulej, li qiegħed fuq il-Kerubini u s-Serafini? Ara, Mulej, salibek qed jiġi mgħaffeġ taħt saqajn il-pagani! Fejn hi l-glorja tiegħek? Jien u nara dan kollu, imkebbes b’imħabbtek, nixtieq ikolli ġismi mqatta’ biċċiet ħa mmut u nagħti xhieda tal-imħabba tiegħek…….Uri, Mulej, il-qawwa tiegħek, salvani u wettaqni, biex il-qawwa tiegħek tidher f’dak li hu dgħajjef fija, u tkun igglorfikata fost il-ġnus, biex ma naqtax qalbi f’din it-triq u l-għedewwa tiegħek jerfgħu rashom kollhom imkabbrin.

Ħuti għeżież, intom u tisimgħu dan kollu, roddu ħajr għal dejjem bil-ferħ lil Alla, li minnu jiġi kull ġid, u bierku l-Mulej miegħi għax għal dejjem hi l-ħniena tiegħu. Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddej tiegħu; iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hieni: għax għal dejjem hi l-ħniena tiegħu.

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, sebbħuh, popli kollha għaliex Alla għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn dawk li huma xi ħaġa.

B’fommi u b’fehemti ħawwadt il-filosofi li huma dixxipli tal-għorrief ta’ din id-dinja, għax għal dejjem hi l-ħniena tiegħu.

Qiegħed niktbilkom dan kollu biex il-fidi tiegħi u tagħkom ikunu ħaġa waħda. F’nofs din it-tempesta kollha, inniżżel l-ankra tiegħi sat-tron ta’ Alla: it-tama ħajja li hemm f’qalbi.

U intom għeżież ħuti, hekk iġru biex tiksbu l-kuruna tal-glorja, ilbsu l-armatura tal-fidi u ħudu f’idejkom l-armi ta’ Kristu fuq il-lemin u fuq ix-xellug, kif għallem San Pawl, il-qaddis tiegħi. Jaħbtilkom aħjar li tidħlu b’għajn waħda u dgħajfa fil-ħajja, milli tinxteħtu ‘l barra bil-membri kollha ta’ ġisimkom sħaħ.

Għinuni bit-talb tagħkom, biex nitqabad skont il-liġi, nitqabad it-taqbida tajba tiegħi u nitqabad sa l-aħħar u hekk intemm bis-sliem il-ġirja tiegħi; jekk mhux se naraw aktar lilna nfusna f’din id-dinja, dan għad ikun l-hena tagħna fid-dinja l-oħra, meta nkunu qegħdin quddiem it-tron tal-Ħaruf bla tebgħa, inkantaw flimkien it-tifħir tiegħu, ferħanin għal dejjem u henjin bir-rebħa tiegħu. Ammen”.

“Meta Alla jiġi għalihom, huma jiddu, bħal xrar tan-nar li jżiġġ f’għalqa bil-qasab”. (Għerf 3:7) ~ Il-Papa applika dan il-vers għall-martri tal-Vietnam fl-Omelija tal-Quddiesa tal-kanonizzazzjoni tagħhom.

Dan kollu jixhed kemm hu minnu li:

  • In-nisrani ma jista’ jiġi distrutt minn ħadd u minn xejn … ladarba ħlasu mill-Mulej. Jekk iġgħeluh ibati, ikunu jżidulu l-mertu, il-glorja u l-unuri.
  • Bl-offerta ta’ tbatijietu, li tagħmlu għani ta’ vera, in-nisrani jibbenifika hu u dawk kollha li għalihom jagħmel din l-offerta.
  • In-nisrani diġa’ rebbieħ u daħal fid-dimensjoni eterna ma Kristu Rxoxt. It-tieni mewt ma tista’ tagħmillu l-ebda ħsara ladarba diġa miet għad-dnub u qed jgħix bi Kristu.
  • In-nisrani ma jistax jiġi megħlub bl-ebda mod għax għażel li jgħix fuq in-naħa tar-rebbiħin fi Kristu. Il-mewt għalih hi rebħ.

Talba: O Alla, int l-għajn u l-bidu tas-setgħa li għandu kull min hu missier; int żammejt sħaħ, sat-tixrid tad-demm, fil-fedeltà lejn is-salib ta’ Ibnek Ġesù, lill-qaddisin martri Andrija u sħabu; bit-talb tagħhom għalina, agħmel li nissejjħu u nkunu tassew uliedek, aħna u nxandru l-imħabba tiegħek għal kulħadd. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat) 

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/st-andrew-dung-lac-and-his-116.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-andrew-dung-lac-and-companions/ or https://catholicexchange.com/st-andrew-dung-lac-and-companions

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Andrew_D%C5%A9ng-L%E1%BA%A1c

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.