1 ta’ Novembru: Il-Qaddisin Kollha

Verżjoni Vidjo: Il-Qaddisin Kollha

“Alla hu gglorifikat fil-laqgħa tal-qaddisin: ejjew nadurawh.” – Antifona tad-dħul mil-Liturġija tas-Sigħat

legiao-de-maria-todos-os-santos.jpgIL-QADDISIN KOLLHA

Tagħrif: Illum il-Knisja tagħmel festa lill-Qaddisin kollha – lil dawk kollha li jinsabu fil-ġenna; ikkanonizzati jew mhumiex; qrabatna, ħbiebna u ġemgħa kbira ta’ oħrajn li ma nafuhomx; Maltin, Ingliżi, Taljani, nies ta’ kull sura u ta’ kull xorta, nies ta’ kull ġens u ta’ kull ilsien; dawk li għadhom kemm daħlu l-ġenna u dawk li ilhom hemm.

Il-Knisja tifraħ – tifraħ magħhom u tifraħ bihom. Fl-istess ħin tfakkarna li huma kienu bnedmin bħalna jgħixu fuq din l-art. Illum jinsabu fl-isbaħ, fl-ikbar, fl-aqwa stat li jista’ jakkwista l-bniedem – il-ġenna, fejn ma hemmx sadid, kamla jew taħsir; hemm il-paċi, l-hena, u l-għaqda l-iktar intima ma’ Alla. San Pawl qalilna: “L-erwieħ fil-ġenna qed jaraw dak il-ġmiel li ebda bniedem qatt ma ra f’din id-dinja; qed jisimgħu dak li ħadd minna qatt ma sema’; u qed igawdu dik il-hena li ħadd qatt ma gawda fuq din l-art.” (1 Korintin 2:9)

Il-Qaddisin mhux biss ifakkruna fit-tgawdija li qiegħda tistenniena, imma wkoll isejħulna biex ningħaqdu magħhom bħala wlied tal-istess Missier fid-dar tiegħu tas-sema.

Din il-festa tgħollilna għajnejna lejn dik ‘is-sħaba kbira ta’ xhieda,’ u tħeġġiġna biex naħdmu u nirsistu ħalli aħna wkoll ikun jistħoqqilna li wara din il-ħajja nidħlu f’dik is-sħaba ta’ kobor enormi.

Li jkollok pożizzjoni għolja fis-soċjetà hija ħaġa sabiħa tassew – tabib, avukat, perit qassis – imma niftakru li dawn jgħaddu u jintemmu fix-xejn. Mhux hekk li tkun qaddis. Jaqblilna tassew mela li nkunu qaddisin f’din il-ħajja biex nibqgħu qaddisin għal dejjem fil-ġenna.

Ħsieb: Nistgħu ngħidu li l-qaddisin kienu bnedmin bħalna f’kollox imma li għażlu li jkunu għaqlin u għorrief tant li dawn l-erbat ijiem li għandna fid-dinja, għażlu li jgħixuhom SKOMDI biex ipoġġu f’qagħda inqas skomda lil ħaddieħor. X’qanqalhom jagħżlu dan f’dinja fejn l-aktar li jsaltan hu l-egoiżmu? X’aktarx li l-PAĊI vera li d-dinja mhux kapaċi tipproduċi u li sabu fi KRISTU, wasslithom biex iwarrbu l-pjaċiri tal-mument u jimlew qalbhom biss b’dak il-FERĦ li jibda minn hawn u jisplodi f’ammonti infiniti fl-eternità. Dan il-ferħ, kawża tal-IMĦABBA ta’ Alla li esperjenzaw f’ħajjithom, għażlu li jaqsmuh mal-proxxmu f’kull bżonn tiegħu. Wieħed BISS jista’ jagħtina dan u l-qaddisin huma kollha xhieda ta’ dan!

Il-qaddisin iservu ta’ mudelli għalina, li għadna qed nitħabtu mad-dnub u nippruvaw ngħixu ħajja tajba. Huma rnexxielhom! Kienu midinbin u mġarrba bit-tentazzjonijiet bħalna. It-talb tagħhom huwa qawwi quddiem il-Mulej għax ippruvaw jagħmlu dak kollu li Alla talab minnhom waqt li kienu għadhom hawn. Dan huwa ta’ inkuraġġiment kbir għalina li għadna fil-vjaġġ tal-fidi tagħna.

L-aktar ħaġa importanti li wieħed għandu jżomm f’moħħu hi li, Dak li qaddishom huwa l-Ispirtu s-Santu li lkoll irċevejna fil-Magħmudija u kkonfermajna fil-Griżma tal-Isqof. Jekk il-qaddisin ħallew lill-Ispirtu t’Alla joħroġ l-aħjar verżjoni tagħhom infushom, għaliex ma għandniex aħna lkoll nagħmlu l-istess? Ma hemm l-ebda skuża għalina jekk ma nilħqux livell ogħla ta’ qdusija. Aħna nimxu biss pass pass kuljum u jwassalna l-Mulej fejn irid Hu … biex imbagħad inkunu nistgħu nissieħbu mal-korijiet tal-anġli u nsiru l-qaddisin tal-lum.

Mela żomm f’moħħok li l-istess Spirtu li qaddes lilhom, JGĦIX FIK. Iż-żmien tal-qaddisin biex ikunu kuraġġużi matul ħajjithom għadda u ntemm, … issa qegħdin jaħsdu dak li żergħu fil-Ġenna. IŻ-ŻMIEN TIEGĦEK HUWA BĦALISSA. Ma tistax terġa’ tgħix kull minuta li tgħaddi. Għadek ħaj/ja fil-ġisem tiegħek u għaldaqstant għad għandek l-opportunità li tħalli lill-Ispirtu ta’ Alla jitrasformak u jagħmlek togħġob kemm lil Alla, kif ukoll xi kultant, anki lill-bniedem. L-għażla f’idejk u f’idejn ħadd iżjed. Kun għalhekk għaqli/ja fl-għażliet tiegħek f’din id-dinja għax dawn se jkollhom l-eku tagħhom għall-eternità.

Talba: O Alla, qawwi u etern, li xgħelt dik il-fjamma ta’ mħabba fil-qalb tal-qaddisin, agħmel li aħna jkollna wkoll dik l-istess fidi u qawwa ta’ mħabba li kellhom huma, u waqt li nifirħu bir-rebħa li kisbu agħmel li aħna nimxu fuq l-eżempju tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/all-saints-day.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/category/holy-days/all-saints-day/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/All_Saints%27_Day

Nota: It-Tagħrif dwar din it-Tifkira Solenni tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.