2 ta’ Novembru: Il-Fidili Mejtin Kollha

Verżjoni Vidjo: Il-Fidili Mejtin Kollha

“Int sawwartni mit-trab u libbistni bil-ġisem; Mulej, Feddej tiegħi, erġa’ qajjimni għall-ħajja fl-aħħar jum.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat

all-soulsIL-FIDILI MEJTIN KOLLHA

Tagħrif: Fit-2 ta’ Novembru, il-Knisja turi b’mod speċjali s-simpatija tagħha ma’ wliedha li qed jiġu ppurifikati fil-Purgatorju. Dan il-jum huwa magħruf ukoll bħala l-Għid tal-imwiet.

Il-Knisja fuq l-art tunura b’rispett kbir lill-mejtin tagħha, u billi huwa ħsieb qaddis u siewi li titlob għall-mejtin biex jinħelsu minn dnubiethom, (2 Makkabin 12:46) toffri suffraġi għalihom.

Sa mill-bidu nett, l-Insara kellhom ġranet fis-sena li fihom kienu jiftakru b’mod iktar mis-soltu fil-mejtin tagħhom. Fis-sena 800, kien sar ftehim bejn il-monasteri ta’ San Gall u ta’ Reichenaw li fl-14 ta’ Novembru ta’ kull sena ssir tifkira tar-reliġjużi mejtin taż-żewġ komunitajiet, u kull saċerdot iqaddes tliet quddisiet.

Fis-sena 998, San Odilo, abbati tal-monasteru ta’ Cluny, ordna li l-membri tiegħu josservaw it-2 ta’ Novembru bħala Jum it-Tifkira tal-Insara mejtin kollha. Dan il-Jum ta’ Tifkira daħal f’monasteri oħra. Fl-1008, Lieġi, Belġju, kienet l-ewwel djoċesi li addottat dan l-użu. Minn hemm baqa’ dejjem jixtered bla ma qatt ġie impost uffiċjalment mill-Knisja.

Fil-gwerra l-kbira, il-Papa Benedittu XV, fl-10 ta’ Awwissu 1915, estenda dan l-użu mal-Knisja tal-Punent, u ddikjara li kull saċerdot jista’ joffri tliet quddisiet – waħda għall-Erwieħ tal-Purgatorju, oħra għall-intenzjoni tal-Papa, u oħra skont l-intenzjoni tas-saċerdot, li għal din tal-aħħar biss is-saċerdot jista’ jieħu l-elemożina.

Santu Wistin jgħid li l-Knisja turi li hi omm billi titlob għall-Insara kollha mejtin, sabiex dawk li ma jkollhomx ġenituri, tfal, qraba jew ħbieb li jagħtuhom dan is-servizz, allura jirċevuh mill-Knisja, l-omm devota u komuni ta’ kulħadd.

Il-Papa San Ġwanni XXIII jiddiskrivi din it-tifkira tal-mejtin kollha li niċċelebraw illum bħala “meditazzjoni fuq veritajiet eterni li turina x’inhu dak li jgħaddi u x’inhu dak li jibqa’ jeżisti.” Fil-Liturġija tal-Mejtin, il-Knisja tgħidilna li għal dawk li jemmnu f’Alla l-ħajja ma tintemmx imma tinbidel, u fi tmiem iż-żmien tagħna fuq l-art darna tinbidel f’waħda għal dejjem. Dan il-kliem il-Knisja temmnu fuq kliem Kristu li qal: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja; min jemmen fija anki jekk imut jgħix, u min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.” (Ġwanni 11:23-26)

It-talb tagħna għal ħutna l-mejtin isaħħilna wkoll it-tama li aħna għad nieħdu sehem fir-Reżurrezzjoni ta’ Kristu.

Agħtihom O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. Id-Dawl ta’ dejjem jiddi lilhom. Jistrieħu fis-sliem. Ammen.

Ħsieb: Qari mill-Ktieb tal-Isqof San Ambroġ fuq il-mewt ta’ ħuh Satiru:

“Imissna nintebħu li l-mewt hi qligħ u l-ħajja kastig, għax għalhekk San Pawl jgħid: ‘Għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ.’ X’inhu Kristu hawn, jekk mhux il-mewt tal-ġisem u l-ħajja tar-ruħ? Mela, ħa mmutu miegħu, biex ngħixu miegħu. Għandna nidraw immutu kuljum, u nħobbu drawwa bħal din, għaliex b’hekk ir-ruħ tagħna tidra tinqata’ minn kull ma jħajjarna f’din id-dinja, u qisha togħla ‘l fuq fejn ma jilħquhiex ix-xewqat tad-dinja biex jorbtuha magħhom: b’hekk ruħna tilbes is-sura tal-mewt biex teħles mill-kastig tal-mewt ta’ dejjem. Il-liġi tal-ġisem hi kontra l-liġi tal-moħħ u twassalna għall-liġi tad-dnub. Kif se neħilsu dan? ‘Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt? Niżżi ħajr lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna.’

Għandna tabib! Ħa nagħmlu dak li jgħidilna. Il-grazzja ta’ Kristu hi l-fejqan tagħna u l-ġisem tal-mewt hu ġisimna. Nitbiegħdu mill-ġisem, biex ma nibqgħux ‘il bogħod minn Kristu; għalkemm għadna fil-ġisem, ma nfitxxux dak li hu tal-ġisem, u għalkemm ma nwarrbux minna dak li hu tal-ġisem, u għalkemm ma nwarrbux minna dak li titlob minna n-natura tagħna, infittxu aktar dak li tagħtina l-grazzja.

U x’ngħid aktar? Bil-mewt ta’ bniedem wieħed ġiet mifdija d-dinja. Kieku ried, Kristu seta’ ma jmutx, iżda deherlu li ma għandux jaħrab mewt mistkerrha, u qies li ma setax isalvana b’mod aħjar milli jmut għalina. Għalhekk il-mewt tiegħu hi l-ħajja tal-bnedmin kollha. Aħna mmarkati bil-mewt tiegħu; meta nitolbu, inħabbru l-mewt tiegħu; meta nqaddsu, inxandru l-mewt tiegħu; il-mewt tiegħu hi rebħ, il-mewt tiegħu hi misteru, il-mewt tiegħu hi l-festa kbira tad-dinja ta’ kull sena.

X’nistgħu ngħidu aktar fuq il-mewt ta’ Kristu? Minn dak li wriena l-Mulej, kienet il-mewt biss li fittxet l-immortalità, kienet l-istess mewt li fdiet il-mewt. Ma għandniex, mela nitnikktu għall-mewt, li biha ġiet is-salvazzjoni ta’ kulħadd, ma għandniex naħarbu l-mewt, li l-Iben ta’ Alla ma stmerrx u ma warrabx minnha.

Il-mewt ma kinitx mill-bidu fin-natura, imma daħlet wara; fil-bidu Alla ma għamilx il-mewt, imma mbagħad tahielna bħala fejqan. Dan għaliex, minħabba d-dnub, il-ħajja tal-bniedem ittaqqlet bix-xogħol ta’ kuljum u b’tiġrib li ma jinfelaħx, u hekk il-ħajja saret tassew imsejkna. Kien meħtieġ li dan id-deni kollu jasal fit-tmiem tiegħu, u ngħatat il-mewt biex tagħti lura dak li l-ħajja kienet tilfet. L-immortalità hi toqol u mhux barka, jekk ma jkunx hemm il-grazzja ta’ Alla.

Ruħna trid teħles minn din il-ħajja ta’ taħbit u minn dan il-ġisem imħassar bid-dnub u titħabat biex tasal għas-saltna tas-sema, biex tfaħħar lil Alla. Hemm, Ġesù, jaraw it-tieġ tiegħek, hemm fejn l-għarusa tiegħek, fost il-ferħ ta’ kulħadd, tittieħed mill-art għas-sema, mhux aktar imjassra mid-dinja imma mgħarrsa għal dejjem mal-Ispirtu għax quddiemek jersaq kull bniedem. Il-qaddis David, dan xtaq l-aktar li jara u jagħraf dan l-hena, għalhekk qal: “Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, ħaġa waħda nfittex: li ngħammar f’dar il-Mulej tul il-jiem kollha ta’ ħajti biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej.”

Jien lill-Mulej inqastu kemm-il darba. Ċħadt imħabbtu u ksirtha miegħu. Imma hu antiċipa d-dgħufija tiegħi u tani l-Qrar, is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni biex jerġa’ jħabbibni miegħu. Hu qiegħed jagħmilli stedina speċjali biex nersaq iktar lejh. Għax kif nista’ ngawdi l-ħajja meta jien miġġieled ma’ min tani l-ħajja…? U kif nista’ ngawdi l-ħajja u nkun ferħan meta m’għandix il-paċi tiegħu f’qalbi? Fuq kollox, jista’ jkun li m’għandix żmien daqskemm qed naħseb. Il-musbieħ jista’ jintfieli bla mistenni. Għax kif jgħid San Pawl, “Jum il-Mulej jasal bħal ħalliel bil-lejl.” (1 Tessalonikin 5:2) U jekk ma nkunx ippreparat … ikun tard wisq!

  • U int, il-bagalji tiegħek lesti għat-tluq li jista’ jiġi ħabta u sabta, bla avviż u bla età?

Talba: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, agħti widen għat-talb li qegħdin nagħmlulek, biex kif jissaħħaħ it-twemmin tagħna fil-qawmien ta’ Ibnek mill-imwiet, hekk titqawwa t-tama tagħna fil-qawmien mixtieq tal-qaddejja kollha tiegħek għall-ħajja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/all-souls-day.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/category/holy-days/all-souls-day/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/All_Souls%27_Day

Nota: It-Tagħrif dwar din it-Tifkira Solenni tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.