3 ta’ Novembru: San Martin De Porres

Verżjoni Vidjo: San Martin De Porres

“Infaħħru l-kobor tal-Mulej, għax għolla bid-doni tas-sema lill-qaddej umli tiegħu Martin.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat

smdp-2SAN MARTIN DE PORRES
Reliġjuż
1579 – 1639

Tagħrif: San Martin twieled fid-9 ta’ Novembru 1579, f’Lima, il-Perù, fl-istess belt u l-istess żmien ta’ Santa Roża ta’ Lima. It-tnejn kienu ħbieb ħafna u t-tnejn saru reliġjużi Dumnikani.

Martin kien it-tifel ta’ sinjur kbir Spanjol u ta’ mara fqira sewda. Meta twieled, missieru ma riedx jaf bih, għalhekk kellu jaqsam il-faqar ta’ ommu sakemm tmien snin wara missieru aċċettah.

Ta’ tnax-il sena daħal jaħdem ma’ wieħed tabib li kien ukoll parrukkier, għalhekk tgħallem is-sena ta’ parrukkier, u wkoll kif jagħmel xi mediċini, jamministrahom, u jdewwi l-ġrieħi.

Meta kellu sittax-il sena, talab lill-Patrijiet Dumnikani biex iħalluh jgħinhom fix-xogħol tagħhom. Il-Patrijiet ħallewh, u wara disa’ snin, meta raw kemm kien żagħżugħ bil-għaqal, aċċettawh ukoll bħala fratell magħhom, fl-1603.

Bil-għajnuna ta’ xi nies li ssieħbu miegħu, waqqaf orfanatrofju, u ġabar flus biżżejjed għall-fondi permanenti ħalli xebbiet fil-bżonn tingħatalhom dota biex biha jkunu jistgħu jiżżewġu. Barra minn hekk, kien jgħin ħafna lill-ilsiera suwed li kienu jinġiebu fil-Perù mill-Afrika.

Għex ħajtu jgħin lill-foqra u lill-morda, u jittrattahom bid-dinjità ta’ bnedmin, u kien ifakkarahom f’Alla li jħobb bl-istess mod lill-bnedmin kollha ta’ kull ġens u ta’ kull kulur.

Miet meta kellu sittin sena, fil-kunvent tar-Rużarju Mqaddes ta’ Lima, fit-3 ta’ Novembru, 1639. Lima kollha bkietu, u l-kelmiet “Miet l-ikbar ħabib tal-fqar,” kienu fuq fomm kulħadd.

Ġie bbeatifikat mill-Papa Girgor XVI fl-1837 u kkanonizzat fl-1962 mill-Papa Ġwanni XXIII.

Ħsieb: Alla jħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu u jagħmel magħhom ħwejjeġ kbar. Hekk għamel ma’ Marija Santissima, kif ukoll ma’ ħafna qaddisin oħra fosthom San Martin de Porres. Meta Martin kien tfajjel ċkejken kien abbandunat minn missieru għax kien ta’ kulur, trabba u għex fil-faqar, imma kien għani f’qalbu tant li kien dejjem lest li jagħti kollox lil kulħadd speċjalment il-morda, il-foqra u l-abbandunati… Kien imżejjen b’fidi, bi mħabba, b’sempliċità u b’innoċenza kbira, u kellu devozzjoni kbira lejn Ġesù Sagramentat u lejn il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Hu kien ifittex li jgħin lil kulħadd u għalhekk in-nies kienet tmur għandu bi ħġarha, għax kien iħobbhom bi mħabba kbira. Kien jagħmel ħafna sawm u penitenzi u jgħaddi ħinijiet twal fit-talb. Bl-umiltà u l-ħlewwa tiegħu, hu ġibed il-qlub ta’ ħafna u bl-għerf spiritwali tiegħu għaġġeb saħansitra lill-għorrief. Fl-1945, il-Papa Piju XII iddikjarah Patrun tal-Ħidmiet tal-ġustizzja soċjali fil-Perù, u fl-1962 Papa Ġwanni XXIII iddikjarah qaddis minħabba li bil-ħajja u l-ħidma tiegħu ġab ‘il quddiem l-emanċipazzjoni tas-suwed, għeleb kull differenza razzjali u ta’ klassi u ġab il-vera fraternità fost il-bnedmin.

Fra Martin kien imżejjen minn Alla b’kariżmi straoridinarji bħal profezija, mirakli, estasi… li kien iwettaqhom għas-servizz tal-proxxmu tiegħu. Hu kellu d-don tal-għerf u x-xjenza tant li ħutu r-reliġjużi midħla tat-teoloġija kienu jisimgħuh jikkwota testi sħaħ mill-Iskrittura u mis-Summa Teoloġika ta’ San Tumas t’Aquino. Mhux biss, imma nies minn kull kategorija saħansitra fil-poter ekkleżjastiku u ċivili kienu jmorru għandu biex jieħdu l-pariri. Kien jagħti l-għajnuna tiegħu lil kulħadd bla distinzjoni ta’ kulur jew klassi.

Kellu wkoll imħabba kbira lejn l-annimali għax fihom kien jara s-sbuħija t’Alla u kien jipprovdilhom l-ikel u jfejjaqhom mill-ġrieħi tagħhom.

Hu jgħallimna l-valur tax-xogħol bħala kontinwazzjoni tal-ħidma kreattiva ta’ Alla għas-servizz ta’ ħutna l-bnedmin. Waqt li għandna naħdmu biex naqilgħu l-għajxien tagħna għandna noffru ħidmietna bħala talba lil Alla u għall-bini aħjar ta’ soċjetà aktar ħanina u umana.

Probabilment hu diffiċli għalina li nwaqqfu xi fondi, kif għamel San Martin, ħalli nies bi bżonn partikulari jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom! Iżda żgur li nistgħu, għall-inqas b’mod żgħir, nikkontribwixxu għal xi fondi ta’ karità li nisimgħu li qed jitwaqqfu minn żmien għal żmien, biex jgħinu lil min hu fil-bżonn. Aħna, kemm tassew nikkontribwixxu?

Dawn li ġejjin huma siltiet mill-Omelija tal-Beatu Papa Ġwanni XXIII, nhar il-Kanonizzazzjoni ta’ San Martin de Porres:

  • San Martin de Porres, bl-eżempju ta’ ħajtu, jurina liema hi t-triq li twassalna għall-qdusija u s-salvazzjoni, it-triq li l-Mulej stess jurina.
  • Din it-triq hi li tħobb ‘l Alla fuq kollox b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu u tħobb lil għajrek bħalek innifsek.
  • Meta għaraf li Kristu bata għalina u tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, Martin tqanqal bi mħabba liema bħala għal Kristu msallab, u meta kien jikkontempla t-tbatijiet ħorox li l-Mulej ġarrab għalina, ma kienx jista’ jżomm id-dmugħ.
  • Kellu wkoll imħabba speċjali għas-Sagrament Imqaddes tal-Ewkaristija, kien jgħaddi sigħat sħaħ jadura ‘l Ġesù moħbi fit-tabernaklu u dejjem kellu xewqa kbira li jirċevih fit-tqarbin.
  • Kien dejjem lest jiskuża n-nuqqasijiet tal-oħrajn u jaħfer l-agħar tkasbir, għax kien jidhirlu li jistħoqqlu l-akbar kastigi minħabba dnubietu.
  • Kien jagħmel ħiltu biex ireġġa’ lura l-ħatjin fit-triq it-tajba; b’tjieba liema bħala kien idur bil-morda.
  • Kien iqassam ikel, ilbies u mediċini lill-foqra; kien jgħin sa fejn jista’ b’kull mezz u b’ħerqa kbira, lill-bdiewa, lin-nies ta’ kulur u lin-nies ta’ razza mħallta, li dak iż-żmien kienu ttrattati agħar mill-ilsiera, u għalhekk kien jistħoqqlu li jsejħulu ‘Fra Martin tal-karità.’
  • Dan il-qaddis li bi kliemu, u bl-eżempji tal-imġiba tajba tiegħu, ġibed ħafna nies għand Alla, illum wkoll jista’ jerfagħlna b’mod tal-għaġeb ħsibijietna lejn is-sema.
  • Mhux kulħadd, jaħasra, jifhem dawn il-ħwejjeġ qaddisa, mhux kulħadd jagħtihom ġieħ, anzi tant huma dawk li jħajjarhom il-ħażen, li dawn il-ħwejjeġ jew ma jistmawhomx jew idejquhom, jew jittraskurawhom.
  • Jalla l-eżempju ta’ San Martin ikun ta’ tagħlim għal ħafna biex jurihom it-triq tas-salvazzjoni.

Talba: O Alla, int għaddejt lil San Martin de Porres mit-triq tal-umiltà biex wassaltu fil-glorja tas-sema; agħmel li ngħixu fuq l-eżempji sbieħ tiegħu, biex jistħoqqilna li tgħollina miegħu fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://en.wikipedia.org/wiki/Martin_de_Porres

Alternative Reading: https://www.notablebiographies.com/supp/Supplement-Mi-So/Porres-Mart-n.html

Wikipedia bil-Malti: https://mt.wikipedia.org/wiki/Martin_de_Porres

Wikipedia in English: https://en.wikipedia.org/wiki/Martin_de_Porres

Film on the life of Saint Martin de Porres (with English Subtitles):

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-Ħsieb huwa ta’ Fr. Charles Tonna OP.