4 ta’ Novembru: San Karlu Borromeo

Verżjoni Vidjo: San Karlu Borromeo

“Aħrab kemm tista’ kull distrazzjoni; ibqa’ miġbur mal-Mulej; warrab mit-tpaċpiċ fieragħ.” ~ San Karlu Borromeo

unnamedSAN KARLU BORROMEO
Isqof
1538 – 1584

Tagħrif: San Karlu hu figura mill-aktar importanti fi żmien il-kontro-riforma. Hu twieled fit-2 ta’ Ottubru 1538, fil-kastell ta’ Aroma, fuq il-Lago Maggiore, l-Italja, it-tieni iben ta’ Gilbert Borromeo u Margerita De Medici. Meta kellu disa’ snin tilef lil ommu.

Kien intelliġenti ħafna. Studja f’Milan u fl-Università ta’ Pavia. Ta’ 21 sena, fl-1559, kien ġa laħaq avukat fil-Liġi Ċivili u fil-Liġi Kanonika. F’Diċembru 1559, ħu ommu, Angelo De Medici, ġie elett Papa bl-isem ta’ Piju IV. Ftit jiem wara l-Papa ġdid sejjaħ lil Karlu Ruma u għamlu kardinal u nnominah biex ikun l-amministratur tal-arċidjoċesi ta’ Milan, minkejja li kien għadu mhux ordnat saċerdot. Karlu kien igawdi ħafna setgħa, imma hu uża l-influwenza kbira tiegħu dejjem favur il-Knisja. Kien bis-saħħa tiegħu li tkompla l-Konċilju ta’ Trentu, li kien ilu wieqaf 10 snin u saru disa’ sessjonijiet. Hu għen ukoll fil-kompilazzjoni tal-famuż Katekiżmu tal-Konċilju, kif ukoll fil-konklavi li għażel lil Piju V.

Il-mewt għal għarrieda ta’ ħuh akbar minnu fl-1562 ħalliet effett kbir fuqu. Kellu dik il-ħabta 24 sena. Sa dak iż-żmien kien qiegħed jgħix ħajja Nisranija tajba; imma minn issa ’l quddiem beda jgħix il-ħajja ta’ qaddis. Kontra dak li riedet il-familja tiegħu, li sfurzatu biex iħalli l-karriera ekklesjastika u jiżżewweġ, hu malajr ħa l-ordni sagri u ordna saċerdot; imbagħad ippjana biex iħalli l-qorti tal-Papa. Kien aktar liberu meta miet zijuh Papa Piju IV fl-1565. Huwa rritorna fid-djoċesi tiegħu (Milan) u minn hemm ‘il quddiem iddedika l-bqija ta’ ħajtu fir-riforma tagħha skont il-prinċipji tal-konċilju ta’ Trentu.

Il-qaddis, mill-ġid tiegħu, waqqaf seminarji, skejjel u sptarijiet. Hu kellu jħabbat wiċċu ma’ nuqqas ta’ popolarità, kalunnji, saħansitra anki attentat ta’ mewt. Kien fl-1569, meta kien qed jitlob fil-knisja, u wieħed sparalu, iżda ma laqtux serjament. Hu ġġieled u rnexxielu jrażżan l-abbużi li kien hemm fost l-irħieb u l-kleru; waqqaf kull xorta ta’ istituzzjonijiet biex iqajjem il-fervur reliġjuż, anki sejjaħ il-Ġiżwiti biex imorru jaħdmu f’Milan. Huwa waqqaf il-Konfraternità tad-Duttrina Nisranija u minħabba f’hekk hu miżmum bħala qaddis patrun tal-katekisti.

Kellu 600,00 ruħ taħt il-ħarsien pastorali tiegħu;

  • bena bosta knejjes, sa fuq l-Alpi;
  • waqqaf is-seminarju tal-belt, u oħrajn żgħar ’l hawn u ’l hemm, u s-seminarju għall-kleru Svizzeru;
  • fetaħ 740 ċentru tad-duttrina, u beda l-iskejjel elementari fil-parroċċi;
  • waqqaf ħafna istituzzjonijiet soċjali u kulturali;
  • waqqaf l-Università ta’ Brara li fdaha f’idejn il-Ġiżwiti;
  • bena l-kulleġġ ta’ Pavia;
  • żar il-parroċċi kollha tad-djoċesi, madwar elf;
  • laqqa’ sitt konċilji provinċjali u ħdax-il sinodu djoċesan, l-aħħar wieħed ftit xhur qabel miet.

Barra minn dan kollu, għamel ħafna xogħol ieħor u għalkemm kellu difett f’ilsienu (kien itemtem), ma kienx jaqta’ qalbu mill-prietki. Ġieli pprietka tliet darbiet kuljum, l-aktar matul iż-żjajjar pastorali tiegħu.

  • Kuljum kien jagħmel żewġ meditazzjonijiet ta’ siegħa,
  • kien jgħid l-Uffiċċju tas-Sigħat (Brevjar) għarkupptejh,
  • kien tista’ tgħid isum kuljum ħobż u ilma,
  • jorqod imlibbes fuq il-qiegħa.

Qabbad wkoll żewġ qassisin biex jgħidulu bid-difetti tiegħu. Għen eluf ta’ foqra, biegħ il-platt tad-deheb li kellu, għalihom, Saħansitra anki tahom is-sodda tiegħu. Meta faqqgħet l-epidemija tal-pesta f’Milan, li damet mill-1576 sal-1578, waqt li l-kbarat telqu mill-belt, hu baqa’ hemm, iqarben, ifarraġ u jgħin lill-morda b’idejh stess. Iż-żelu li kellu kien bla tarf.

San Karlu Borromeo miet fl-4 ta’ Novembru, 1584 ta’ 46 sena, meta kien għadu kif spiċċa jagħmel l-irtir tiegħu annwali. L-aħħar kelmiet tiegħu kienu: “Ecce venio,” li tfisser: “Arani, Mulej, ġej.” Ġie kkanonizzat fl-1610 mill-Papa Pawlu V, 26 sena wara mewtu.

Ħsieb: Dawn li ġejjin huma siltiet ta’ pariri siewja għalina lkoll minn diskors tal-isqof San Karlu Borromeo fl-aħħar sinodu tiegħu:

“Aħna lkoll dgħajfa, u jien dan ma niċħdux, imma l-Mulej Alla tana l-mezzi kollha biex, jekk irridu, ngħinu ruħna bil-ħeffa kollha.

Tridni ngħallmek kif timxi dejjem aktar ‘il quddiem f’kull virtù? … Aħrab kemm tista’ kull distrazzjoni; ibqa’ miġbur mal-Mulej; warrab mit-tpaċpiċ fieragħ.

Dmirek li tipprietka? li tgħallem? Fittex li tagħmel sewwa dak li hu meħtieġ biex taqdi sewwa dan id-dmir tiegħek; kun int l-ewwel li tgħix il-ħajja li tipprietka, fittex int qabel xejn li ġġib ruħek kif tgħid lin-nies li għandhom iġibu ruħhom fil-prietki tiegħek; jekk tagħmel dan ma jiġrilekx li n-nies, huma u jarawk tgħid ħaġa u tagħmel oħra, jiddieħku bik u jwaqqgħuk għaċ-ċajt, u jċaqilqu rashom minħabba fik.

Għandek fdata lilek il-kura tal-erwieħ? Tittraskurax il-kura ta’ ruħek; tagħtix ruħek għal kollox lill-oħrajn hekk li ma jkollok lanqas ftit taż-żmien għalik innifsek; jeħtieġlek tiftakar dejjem illi, int u tieħu ħsieb l-erwieħ fdati lilek, m’għandekx tinsa tieħu ħsieb ruħek.

Hija virtù mill-isbaħ li aħna bħal San Karlu niddedikaw lilna nfusna kompletament għad-doveri tagħna. Hu dmirna li nwettquhom bl-aħjar mod li nistgħu. “Kulma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom.” (Kolossin 3:23) B’liema impenn qegħdin nwettqu d-doveri tagħna? Ejjew nimxu fuq l-eżempji mdawla li ħalliena San Karlu Borromeo u nimitawhom.

Talba: Ħares, Mulej, fil-poplu tiegħek dak l-ispirtu li bih imlejt lill-isqof San Karlu Borromeo, ħalli l-Knisja tiegħek tiġġedded bla heda u tkun xbieha ta’ Kristu biex tista’ turih lid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/st-charles-borromeo.html

Alternative Reading: https://www.roman-catholic-saints.com/saint-charles-borromeo.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Charles_Borromeo

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut kif ukoll mill-fuljett Signum Fidei.