5 ta’ Novembru: Beata Franġiska t’Amboise

“F’kull ma’ tagħmel, agħmel dak li jagħmel lil Alla maħbub l-aktar.” ~ Beata Franġiska t’Amboise

1200px-Fcse_d_amboiseIL-BEATA FRANĠISKA (FRANCOISE) D’AMBOISE (FRANZA)
Reliġjuża
†1485

Tagħrif: Fl-1431, Ġwanni V, Duka ta’ Brittanja (Franza), għamel alleanza bejn is-saltna tiegħu u dik ta’ Louis d’Amboise. Louis bagħat lil bintu ta’ 4 snin, Francoise, biex titrabba fil-familja tar-Re Ġwanni V.

Ta’ 15-il sena, iżżewġet lil Peter – it-tifel tad-Duka, u ftit wara ntebħet kemm kien supperv, għajjur u vjolenti. Ħadet ħafna paċenzja bih, u kienet kaġun li kkalmat l-inkwiet li kien jinqala’ bejn il-familji. Ma kellhiex ulied. Pietru sar id-Duka u Francoise approfittat ruħha biex tagħmel opri ta’ karità. Bniet kunvent fil-belt ta’ Nantes (Franza), għall-Klarissi.

Fl-1457, Pietru miet u s-suċċessuri tiegħu ma riedu li jkollhom xejn x’jaqsmu ma’ Francoise. Inqatgħet mill-ħajja pubblika u rreżistiet l-avvanzi tar-Re Louis XI ta’ Franza, biex tiżżewġu. Kienet tgħaddi ħafna żmien fil-kunvent tal-Karmelitani ta’ Nantes, u għenithom ħafna, permezz tal-inkoraġġiment li kien jagħtiha l-Beatu John Soreth, is-Superjur Ġenerali tal-Karmelitani.

Kienet mara ta’ viżjoni u ta’ kalibru ta’ waħda Fundatriċi, tant li kienet ipprovdiet is-servizz ta’ konfessur straordinarju għas-sorijiet. Fl-1468, daħlet mas-sorijiet Karmelitani ta’ Vannes. Il-Beatu John Soreth taha l-libsa ta’ soru. Kienet tieħu ħsieb il-morda tal-kunvent. Wara 4 snin saret il-prijura tal-kunvent ta’ Vannes. Fetħet kunvent ieħor, qrib Vannes, fejn mietet fl-1485. Kienet hi li għenet lill-Beatu John Soreth idaħħal is-sorijiet Karmelitani fi Franza.

Ħsieb: Dawn li ġejjin huma Eżortazzjonijiet tal-Beata Franġiska t’Amboise:

“Huma x’inhuma l-problemi u d-diffikultajiet li qed itaqqluk, ġorrhom kollha bil-paċenzja u ftakar li dawn huma dawk li jikkostitwixxu s-salib tiegħek. Itlob l-għajnuna mingħand il-Mulej u ġorr is-salib miegħu bil-ferħ f’qalbek. Dejjem se jkollok xi forma ta’ tiġrib, u jekk tirrifjuta salib wieħed, kun żgur/a li ser tiltaqa’ ma’ ieħor, u forsi wieħed itqal. Jekk b’fiduċja f’Alla, niddependu fuq l-għajnuna tiegħu, aħna negħlbu l-vizzji. Aħna qatt ma għandna nħallu l-isforzi tagħna jidgħajfu u lanqas għandna nintelqu fil-mixi tagħna, iżda nżommu qlubna ddixxiplinati sew.

Ikkunsidra t-tiġrib u l-provi kbar li l-Missirijiet qaddisa ġarrbu fid-deżert. Il-provi interni li sofrew kienu ħafna iktar intensi mill-penitenzi fiżiċi li kienu jipprattikaw. Wieħed li qatt ma jgħaddi mill-provi, ftit jikseb saħħa. Aċċetta dak kollu li Alla jixtieq jibgħatlek, għax kwalunkwe tbatija li jippermetti, hi kompletament għall-ġid tiegħek. Fil-Vanġelu, Kristu jassigurana, “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.” (Mattew 16:24-25)

Din l-attitudni ġejja mill-kmand tal-Mulej li għandna nerfgħu salibna u nimxu warajh. Għandna naċċettaw t-tbatijiet tal-moħħ u tal-ġisem għall-imħabba ta’ Alla, hekk kif huwa ġarrab t-tbatijiet tiegħu għall-imħabba tagħna. Huwa veru li l-Lhud neħħew is-salib minn fuq spallejn is-Salvatur tagħna, iżda dan ma kienx għax tħassruh imma biex ma jmutilhomx b’eżawriment totali qabel ma jilħaq il-post fejn kellu jiġi msallab.

U meta poġġew il-piż tas-salib fuq spallejn Xmun, huwa ssottometta ruħu għalih għax kien imgiegħel, anki jekk kien jaf li hu ma kienx destinat li jmut fuq is-salib li kien se jġorr. Kristu, min-naħa l-oħra, ġarr is-salib tiegħu (jew aħjar tagħna) volontarjament u bil-ferħ u lejn l-aħħar telaq ruħu f’idejn Missieru u miet fuqu. Ejja nimxu warajh u nimitaw dak kollu li għamel għalina.

Int għandek diversi tbatijiet u dawn jiffurmaw is-salib tiegħek. Aċċettahom volontarjament u sal-aħħar, meta finalment trodd ruħek lil Alla. Agħtih tifħir u rringrazzjah talli għażlek fis-servizz tiegħu. Tiġġieled ma’ ħadd, għax hija r-rieda t’Alla li tħobb lil kull wieħed u waħda mill-proxxmu tiegħek bħalma tagħmel ta’ dawk ta’ ġewwa. Tħabat biex trażżan l-istinti tiegħek. Għal dan il-għan, ipprova rimedju llum u ieħor għada, sabiex gradwalment int jirnexxielek tikseb kontroll fuq l-impulsi diżordinati tiegħek, u meta l-Mulej jara r-rieda tajba u l-perseveranza tiegħek, jagħtik l-appoġġ tal-grazzja tiegħu, li issostnik sal-aħħar. Permezz ta’ mħabbtu, xejn mhu se jkun diffiċli wisq li ġġarrab.”

  • U int, aċċettajthom is-slaleb li trid iġġorr kuljum, kif Kristu ġarr is-salib li suppost ġarrejna aħna minħabba dnubietna?
  • Qed tfittex lill-Mulej għall-kenn u l-grazzji kollha li għandek bżonn biex tippersevera fil-mixja tiegħek bis-salib sal-aħħar?
  • Tifhem li l-Mulej se joħroġ ġid kbir mill-paċenzja u s-sabar tiegħek biex iġġorr is-salib għall-imħabbtu?
  • Tagħraf li m’hemmx glorja mingħajr is-salib u li hemm glorja kbira tistennik jekk iġorru fedelment u b’perseveranza?
  • Toffri tbatijietek bħala talba biex magħquda ma’ dawk ta’ Kristu, jissarfu fi grazzji kbar għall-ġid tiegħek u tal-oħrajn?

Talba: Alla Missierna, int sejjaħt lill-Beata Franġiska t’Amboise biex tfittex is-saltna tiegħek f’din id-dinja billi sservi lil Ġesù Kristu u l-Omm Imbierka tiegħu. Bit-talb tagħha li jagħtina kuraġġ, għinna biex nimxu ‘l quddiem bi qlub ferrieħa fil-triq tal-imħabba. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.carmelites.net/news/blessed-frances-damboise/ 

Alternative Reading: http://www.ocarm.org/en/content/liturgy/bl-frances-d-amboise-religious-m

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Fran%C3%A7oise_d%27Amboise

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements