6 ta’ Novembru: Beata Ġużeppa Naval Girbes

“It-talb, it-talb … itlob għal waqt kuljum, u l-ħajja tkun aktar faċli u sopportabbli. Tgħallem tkellem ma’ Alla mingħajr kliem u, b’dan il-mod, ipprattika t-talb tal-meditazzjoni. Kun fidil/a u reverenti quddiem il-Mulej fl-Ewkaristija Mqaddsa. ” ~ Beata Ġużeppa Naval Girbes

Josepha_naval_GirbesBEATA ĠUŻEPPA NAVAL GIRBES
Verġni, Karmelitana Sekulari
1820 – 1893

Tagħrif: Josefa Navel Girbes, twieldet fil-11 ta’ Diċembru 1820, f’Algemesi, provinċja ta’ Valencia, fi Spanja. Hi kienet il-kbira, mill-ħames ulied ta’ Franġisku Naval u Ġużeppina Girbes. Kienet familja spiritwali ħafna u għalhekk ħadet trobbija ta’ valuri sodi u nsara. Għad li ma marritx skola, tgħallmet taqra u tikteb u kienet taf tirrakkma ħafna.

Ta’ 13-il sena ommha mietet u huma marru joqogħdu man-nanna. Għenet lil missierha jrabbi lil ħutha iżgħar minnha. Iktar ma’ kibret iżjed saħħet id-devozzjoni tagħha lejn Sidna Ġesù Kristu u l-Verġni Marija. Bid-direzzjoni tal-kappillan tal-parroċċa, ta’ 18-il sena kkonsagrat lilha nnifisha lil Alla u għamlet il-vot tal-kastità perpetwa.

Fil-mixja tagħha ta’ qdusija, iddedikat ħajjitha lil Alla u wegħdet li sservi lill-Knisja u lill-proxxmu. Bdiet tlaqqa’ nisa f’darha biex tgħallimhom ir-rakkmu u waqt dawn il-lezzjonijiet kienu jaqraw kotba spiritwali u jiddiskutuhom. Għallmithom il-katekiżmu u kienet tisħaq ħafna fuq l-importanza tat-talb u l-meditazzjoni.

Kienet bniedma ta’ ħajja interjuri profonda, ta’ talb u meditazzjoni. Kienet dejjem tirrepeti kemm hu importanti li wieħed jiltaqa’ ma’ Alla fit-talb kuljum, sabiex ikun jista’ jgħix aħjar ħajtu u d-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom. Kienet wkoll ixxerred id-devozzjoni lejn Ġesù fl-Ewkaristija. Fil-parroċċa bdiet tipprepara lit-tfal biex jirċievu l-Ewwel Tqarbina. Tlaqqa’ tfajliet qabel jieħdu l-istat tagħhom ta’ nisa miżżewġa u ommijiet, jew reliġjużi.

Ġużeppa daħlet mat-terz’Ordni tal-Karmelu u l-komunità lajka tagħha kienet taqa’ taħt is-superviżjoni tal-Patrijiet Karmelitani tal-Provinċja ta’ Valencia.

Saħħitha bdiet sejra lura u mietet ta’ 72 sena, f’darha f’Algamesi, fl-24 ta’ Ottubru, 1893, wara li rċeviet is-Sagramenti Mqaddsa. Kienet midfuna bl-abiti Karmelitani. Fl-20 ta’ Ottubru 1946, il-fdalijiet tagħha tpoġġew f’tebut tal-ħġieġ u ttrasferewhom għall-knisja parrokkjali ta’ San Ġakbu, fejn kienu esposti għall-venerazzjoni tal-fidili.

Il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, għamilha venerabbli f’Jannar tal-1987 u fil-25 ta’ Settembru tal-1988, ibbeatifikaha. Il-beata f’ħajjitha kienet mudell ta’ qdusija, u kienet dejjem tirrepeti, “qaddes lilek innifsek u lill-oħrajn”.

Ħsieb: Din li ġejja hija kwotazzjoni mill-Promotur Ġenerali tal-Fidi, Monsinjur Petti, fil-konklużjoni tal-eżami tal-Konsulenti Teoloġiċi:

“Ġużeppa Naval Girbes hija eżempju eċċezzjonali ta’ kif wieħed imexxi ħajtu bil-qdusija fid-dinja sekulari. Hija mudell tal-ħajja Kristjana fis-sempliċità erojika tagħha: mudell tal-ħajja parrokkjali. Il-ħajja sħiħa tagħha turi kif wieħed jista’ jilħaq il-qdusija fl-istati kollha tal-ħajja f’konsagrazzjoni totali lil Alla u imħabba bla egoiżmu lejn l-aħwa, anke waqt li tgħix fid-dinja. Kienet mara mingħajr doni straordinarji, eċċezzjonali fis-sempliċità tagħha u bint il-poplu. Hija wettqet id-doveri tagħha b’fedelta’ fiċ-ċirkustanzi ordinarji tal-ġurnata tax-xogħol tagħha.”

Din silta mid-digriet dwar il-virtujiet erojiċi tal-Beata Ġużeppa Naval Girbes (3 ta’ Jannar, 1987):

“Peress li l-parroċċi b’ċertu mod jirrappreżentaw il-Knisja viżibbli stabbilita fuq l-art, Ġużeppa, il-qaddejja ta’ Alla, qieset il-parroċċa tagħha bħala Ommha fil-fidi u fil-grazzja, u bħala tali ħabbitha u servietha bl-umiltà u bi spirtu ta’ sagrifiċċju. U għal din ir-raġuni wriet lill-kappillan tagħha venerazzjoni sinċiera u fdat ruħha fid-direzzjoni spiritwali tiegħu. Kienet tara li l-għamara li tintuża għal-liturġija kienet fi stat tajjeb, li tinżamm nadifa u kkurata. L-istess l-altari. Kuljum kienet tmur fil-knisja parrokkjali biex tieħu sehem fis-sagrifiċċju Ewkaristiku. Imma kienet partikolarment notevoli għall-appostolat intelliġenti u produttiv tagħha, li hija dejjem wettqet bil-kunsens tal-qassisin tagħha, li lejhom kellha rispett assolut u ubbidjenza.

Konvinta kif kienet li l-Kristjani għandhom ikunu l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja, hija ma kinitx kuntenta li tipprattika l-virtujiet fid-dar. Pjuttost riedet twettaq kompletament il-kmand tal-Mulej li qal, ‘Ħalli d-dawl tiegħek jiddi quddiem il-bnedmin sabiex ikunu jistgħu jaraw l-għemejjel tajba tiegħek u jagħtu glorja lil Missierek tas-sema. U hekk hija fittxet kull opportunità biex ixxandar lil Kristu bil-kelma u b’għemil kemm lil dawk li ma jemmnux, sabiex tiġbidhom għall-fidi, kif ukoll li dawk li kienu jemmnu, sabiex tagħtihom struzzjonijiet li jikkonfermawhom u jinkoraġġuhom biex jgħixu b’qawwa akbar il-fidi tagħhom.

B’dawn il-ħsibijiet f’moħħha, hija għallmet lill-foqra u lil dawk kollha li kienu jmorru għandha. Hija rrestawrat il-paċi fil-familji miksura. Hi organizzat laqgħat għall-ommijiet fid-dar tagħha biex tgħinhom fil-formazzjoni nisranija tagħhom. Hi ressqet lura lejn it-triq tal-virtu’ lin-nisa li kienu ħarġu ‘l barra minnha, u wissiet b’mod prudenti lill-midinbin. Madankollu, il-ħidma li fuqha ffokat l-attenzjoni u l-enerġija tagħha kienet dik ta’ struzzjonijiet liż-żgħażagħ f’dak li kellu x’jaqsam mal-ħajja tal-fidi. Għall-fini tagħhom hi fetħet fid-dar tagħha skola tar-rakkmu b’xejn li għaliha kien hemm attendenza numeruża. Il-kamra fejn kienu jaħdmu, saret il-post ta’ laqgħat fraterni u ċentru ta’ talb, fejn Alla ġie mfaħħar u fejn ġiet spjegata u żviluppata l-Iskrittura Mqaddsa u l-veritajiet eterni.

Bħala omm kollha mħabba, din il-qaddejja ta’ Alla ħadet ħsieb lis-segwaċi tagħha u ħejjiethom għall-ħajja. Hija kienet mudell ta’ mħabba ferventi għal Alla. Kienet fanal li minnu ħareġ dawl u sħana, u eżempju li jleqq b’diversi modi ta’ fidi ħajja u kuntaġġuża, ta’ mħabba li ma titkabbarx, u ta’ sottomissjoni ferrieħa għar-rieda ta’ Alla u tas-superjuri tagħha. Ġużeppa hi mfakkra għall-kura bla limiti tagħha għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Hi spikkat għall-prudenza partikolari tagħha, u għall-umiltà, il-faqar, is-silenzju u l-paċenzja li hija dejjem ipprattikat, minkejja numru ta’ ostakli u diffikultajiet. Il-fervur li hija kkultivat fil-ħajja ta’ ġewwa tat-talb u l-meditazzjoni, u l-paċenzja tagħha waqt il-provi, kienu magħrufa sew, kif kienet ukoll l-imħabba tagħha lejn l-Ewkaristija u lejn il-Verġni Marija u l-qaddisin. B’dan il-mod, il-qaddejja ta’ Alla għenet biex tinbena l-komunità parrokkjali tagħha.”

Skont l-eżempju mill-isbaħ ta’ din il-beata tal-lum, nitgħallmu li fir-rigward tal-parroċċi tagħna, għandna nagħmlu l-għażla li ma nkunux kuntenti nduru magħna nfusna, medhijin bina nfusna, nieħdu gost għax tagħna f’tagħna; imma għandna noħorġu nwasslu l-Aħbar it-Tajba. Noħorġu niltaqgħu man-nies fejn qegħdin, noħorġu nfittxu lil min tbiegħed mill-Knisja, min b’xi mod inqata’ minn mal-komunità, min m’għadux jemmen; kif ukoll min qed ibati waħdu u forsi t-tbatija tiegħu ħadd ma jaf biha. Dawn ukoll għandhom ikunu għeżież ħafna għalina.

Hekk għamel Ġesù meta ltaqa’ ma’ Mattew – ma ltaqax miegħu fit-tempju, imma fuq il-mejda tat-taxxi. Hekk għallem Ġesù meta kien hemm min skandalizza ruħu għax kien jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin. Qalilhom: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma b’saħħithom, iżda l-morda … mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin.” Nitolbu lill-Mulej biex ikollna dejjem mhux biss qalb miftuħa għal kulħadd, imma ħeġġa biex inwasslu l-imħabba ta’ Alla wkoll fejn bniedem ikun qata’ qalbu minnha.

  • U jien, qed nilqa’ l-isfidi li titlob minni l-missjoni li nxandar lil Kristu fil-komunita’ fejn ngħix?
  • Qed nipprova nagħti servizz kif nista’ lill-komunita’ parrokkjali tiegħi?
  • Nuri rispett u sottomissjoni lejn is-saċerdoti li b’xi mod Alla ried jagħtini f’ħajti?
  • Nipprova nressaq lura lejn Alla lin-nies li tbiegħedu minnu?
  • Kemm ngħożż u nitlob għall-parroċċa u għall-parruċċani tiegħi b’impenn u b’fervur?

Talba: O Alla, permezz tal-ħmira l-ġdida tal-Vanġelju, inti ssejjaħ irġiel u nisa u tagħtihom is-setgħa li jservuk fedelment fil-ħajja sekulari. Agħtina li jistgħu fedelment jimitaw l-eżempju tal-Beata Ġużeppa Naval Girbes, u, bl-interċessjoni tagħha, naħdmu bla heda bħala nsara veri biex nibnu s-saltna tiegħek billi naqdu sewwa d-doveri tagħna fid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.carmelite.com/saints/default.cfm?loadref=114

Alternative Reading: http://ocds-carmelite.blogspot.com/2008/11/bl-josepha-naval-girbes-virgin.html?m=0

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Josefa_Naval_Girb%C3%A9s

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa meħud minn omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi (21 ta’ Settembru 2018)

Advertisements