7 ta’ Novembru: San Willibrord

Verżjoni Vidjo: San Willibrord

“Għandek tneħħi l-ħażen u l-inġustizzja, u minn issa ‘l quddiem tgħix bħala bniedem ġdid fit-temperenza, fil-ġustizzja u fil-qdusija. Jekk tagħmel dan, ser tgawdi glorja eterna ma’ Alla u l-qaddisin tiegħu; imma jekk tinjorani, issa li poġġejtlek it-triq tal-ħajja quddiemek, kun żgur li mad-demonju li ssottomettejt ruħek għalih, int se ssofri kastig bla tmien u l-fjammi tal-infern.”  ~ San Willibrord lir-re tal-Daniżi.

SAN WILLIBRORD
Isqof ta’ Utrecht
658 – 739

Tagħrif: Twieled fin-Northumbria, fit-tramuntana tal-Ingilterra fis-sena 658. Ta’ seba’ snin, insibuh jitgħallem fil-Monasteri ta’ Ripon, immexxi minn San Wilfrid. Wara mar l-Irlanda ma’ San Egbert u ma’ San Wigbert.

Ordnat saċerdot ta’ 30 sena fis-sena 688, telaq sentejn wara ma’ 11-il Benedittin lejn il-Friżja, fl-Olanda, fejn ippriedka u kkonverta bosta pagani.

Fit-22 ta’ Novembru 695, fil-Bażilka ta’ Santa Ċiċilja in Trastevere, ġewwa Ruma, f’jum il-festa tagħha, il-Papa San Serġju I ikkonsagrah isqof u tah l-isem ta’ Klement. Willibrord waqqaf is-sedje tiegħu f’Utrecht, li tagħha kien l-ewwel isqof, u ddedika l-katidral tiegħu lis-Santissimu Salvatur, bħall-Katidral tal-Lateran ta’ Ruma u dak ta’ Canterbury fl-Ingilterra. Waqqaf ukoll il-Monasteru ta’ Echternach fil-Lussemburgu u ppriedka wkoll fid-Danimarka u fil-gżira ta’ Heligoland.

Kull fejn mar waqqa’ l-idoli u bena knejjes insara. Kien mgħejjun mill-appostlu tal-Ġermanja, San Bonifaċju, Benedittin Ingliż bħalu u mfaħħar ħafna mid-Duttur tal-Knisja San Beda, Benedittin Ingliż ieħor.

Willibrord, l-Appostlu tal-Olanda, miet ta’ 81 sena fil-Monasteru ta’ Echternach fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Novembru 739 u ġie midfun hemmhekk. Illum insibu r-relikwi tiegħu fil-Katidral Kattoliku ta’ Utrecht fl-Olanda, iddedikat lilu. Huwa l-qaddis patrun tal-Olanda u tal-Lussemburgu.

Ħsieb: San Willibrord kien magħruf bħala l-Appostlu għall-Frisjani. Huwa kien missjunarju lejn iż-żona li llum hija l-Olanda. Huwa ppriedka l-Evanġelju lill-Frisjani u d-Daniżi pagani. Kwotazzjonijiet qawwija dwar il-magħmudija u l-ħtieġa tal-fidi Kattolika spiss jinstabu fil-ħajja tal-Kattoliċi ta’ dan il-perjodu, speċjalment missjunarji, qaddisin u Papiet. Il-ħajja ta’ San Willibrord kienet miktuba minn Alcuin, skular kattoliku tat-tmien seklu.

Wara li ppriedka l-Evanġelju fost id-Daniżi, San Willibrord irrikonoxxa li kienu “mgħaddsa fi prattiċi ħżiena.” Konsegwentement, huwa ddeċieda li jġib miegħu 30 żgħażagħ pagan li magħhom irritorna lejn l-art tal-Franki. Peress li l-vjaġġ kien perikoluż, huwa fittex li jagħti struzzjonijiet fil-fidi lil dawn il-pagani u jgħammidhom; għax, kif Alcuin għamilha ċara, Willibrord kien jaf li li kieku jmutu mingħajr fidi u magħmudija, kienu jintilfu.

Dawn li ġejjin huma ħsibijiet ta’ San Willibrord li jsostnu li m’hemm l-ebda salvazzjoni mingħajr il-Fidi u l-Magħmudija:

“Dan il-bniedem ta’ Alla pprova wkoll ixerred it-tagħlim tal-Vanġelu barra l-konfini tar-renju Franċiż. Huwa kellu l-gazz li jippreżenta ruħu fil-qorti ta’ Radbod, dak iż-żmien ir-re tal-Frisjani li kien pagan, hu u dawk kollha taħtu. Kull fejn ivvjaġġa huwa xandar il-Kelma ta’ Alla mingħajr biża’; iżda għalkemm ir-re laqa’ lill-bniedem ta’ Alla fi spirtu umli u ġentili, qalbu kienet imwebbsa kontra l-Kelma tal-Ħajja. Allura meta l-bniedem ta’ Alla ra li l-isforzi tiegħu ma kienu swew għal xejn, huwa biddel il-kors missjunarju tiegħu lejn it-tribujiet ħarxa tad-Daniżi.

Ġejna magħrfa li f’dak iż-żmien, il-ħakkiem Daniż kien Ongendus, raġel aktar selvaġġ minn kull bhima selvaġġa u aktar iebsa minn ġebla, li madankollu, permezz ta’ intervent divin, irċieva l-kelma tal-verità b’kull marka ta’ unur. Imma San Willibrord sab li n-nies kienu mdawra bi prattiċi ħżiena, abbandunati għall-idolatrija u indifferenti għal xi tama ta’ ħajja aħjar, għażel tletin żgħażugħ minn fosthom u rritorna magħhom għand il-poplu magħżul tal-Franki. Matul il-vjaġġ hu ta struzzjonijiet liż-żgħażagħ fil-fidi u għammidhom, b’tali mod li li kieku mietu tul il-vjaġġ twil fuq il-baħar jew mill-imbark tas-slavaġġ li kienu jogħqodu f’dawk il-postijiet, huwa ma kienx ibati it-telfien tagħhom.” 

Dan jurina b’mod ċar, li Willibrord kien jemmen b’ċertezza li dawk li ma kienux jinbidlu, kienu jintilfu. Meta San Willibrord ikkundanna s-superstizzjonijiet tal-pagani, ir-re tad-Daniżi kien imriegħed. Dan hu d-diskors li qallu:

“L-oġġett tal-qima tiegħek, O re, mhuwiex alla imma demonju, u hu jżommok imdawwar f’sitwazzjoni gradwali sabiex ikun jista’ jitfa’ r-ruħ tiegħek fin-nirien eterni. Għaliex m’hemmx Alla ħlief wieħed, li ħalaq is-sema u l-art, l-ibħra u dak kollu li jinsab fihom; u dawk li jqimuh fil-fidi vera se jkollhom il-ħajja eterna. Bħala qaddej tiegħu nistiednek f’dan il-jum biex tirrinunzja għall-iżbalji li missirijietek taw il-kunsens tagħhom għalihom u temmen f’Alla wieħed li jista’ kollox, Sidna Ġesù Kristu. Għandek tiġi mqaddes fil-funtana tal-ħajja u tinħasel mid-dnubiet kollha tiegħek, sabiex, billi tneħħi l-ħażen u l-inġustizzja, tkun tista’ minn issa ‘l quddiem tgħix bħala bniedem ġdid fit-temperenza, fil-ġustizzja u fil-qdusija. Jekk tagħmel dan, ser tgawdi glorja eterna ma’ Alla u l-qaddisin tiegħu; imma jekk tinjorani, issa li poġġejtlek it-triq tal-ħajja quddiemek, kun żgur li mad-demonju li ssottomettejt ruħek għalih, int issofri kastig bla tmien u l-fjammi tal-infern.”

Meta sema’ dan, ir-re kien sorpriż u wieġeb:

“Huwa ċar li t-theddid tiegħi ma waqfekx milli tgħaddili dan kliemek li huwa mingħajr kompromessi bħal għemilek.”

Għalkemm ir-re ma kienx jemmen dwar il-predikazzjoni tal-verità, huwa bagħat lura lil Willibrord b’kull unur għand Pippin, re tal-Franki.

Fid-diskors ta’ San Willibrord ninutaw dawn l-affarijiet li ġejjin:

  1. Huwa jiddikjara (konsistenti mal-verità Kattolika) li l-allat tal-pagani huma xjaten (Salm 95: 5; 1 Korintin 10:20)
  2. Huwa jiġġudika u jiddikjara b’ċertezza li jekk ir-re ma jaċċettax il-fidi, jintilef,
  3. Huwa jipproklama li r-re kien se jsofri zgur piena eterna jekk ma jaċċettax li jiġi mgħammed.

Din l-attitudni ta’ San Willibrord hija l-fidi Kattolika vera, minkejja dak li jemmnu u jgħallmu numru ta’ eretiċi u tradizzjonisti foloz fi żminijietna. Din hija l-pożizzjoni mgħallma mill-Knisja Kattolika fid-dikjarazzjonijiet infallibbli tagħha kollha. San Willibrord, itlob għalina.

Il-kapaċità ta’ xi qaddisin li jippersistu minkejja l-ostakli serji li jħabbtu wiċċhom magħhom, hija ta’ ispirazzjoni għalina lkoll. San Willibrord ra ħafna mill-kisbiet tiegħu meqruda, u minkejja dan, hu kompla jippersevera. Forsi nistgħu nitolbuh għall-perseveranza.

  • U int, kemm tippersevera f’dak li taf li hu t-tajjeb, minkejja l-bruda ta’ dawk ta’ madwarek?
  • Kemm int konvint mill-fidi tiegħek hekk li lest/a li tkompli tipperswadi lil dawk li m’għandhomx fidi u tagħmel minn kollox biex dawn jiksbuha?
  • Tistħi jew tibża’ mir-reazzjoni tan-nies għax-xhieda nisranija tiegħek?
  • X’inhu l-aktar importanti għalik: li tikseb aktar erwieħ għal Alla jew li tikseb aktar nies li jirrispettawk għax tmur għal għajnhom?

Talba: O Mulej Alla tagħna, inti ssejjaħ lil min trid u tibgħathom fejn trid. Nirringrazzjawk talli bagħat lill-qaddej tiegħek Willibrord bħala appostlu għall-Pajjiżi Baxxi, biex jibdlilhom il-qima tal-idoli f’qima u servizz lejk, Alla l-ħaj; nitolbuk il-grazzja li nżommu lilna nfusna ‘l bogħod mit-tentazzjoni li nibdlu lilek mal-ħafna idoli li noħolqu aħna stess u li jagħmluna skavi tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/saint-willibrord.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-willibrord/ or http://saintwillibrordpress.com/saint-willibrord/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Willibrord

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements