9 ta’ Novembru: Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran

“Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.” ~ Antifona tad-dħul tal-Festa tad-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran

23120033_2007371676197298_987131448846871349_o.jpgID-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILIKA TAL-LATERAN

Tagħrif: Fil-bidu tal-Knisja l-kult kien isir f’xi dar privata, u fil-persekuzzjonijiet ġol-katakombi jew ċimiterji, li l-liġi ta’ Ruma kienet tipproteġi. Iżda għall-ħabta tas-sena 225, insibu ġa postijiet speċjali wżati bħala knejjes, u fil-bidu tar-raba’ seklu kien hemm ġa xi erbgħin knisja.

L-Imperatur Kostantinu (306–337) ġab fit-tmiem tliet sekli ta’ persekuzzjoni lill-Knisja. Fis-sena 313, martu Fausta tat il-palazz tagħha, li kien bnieh Kostantinu fuq l-għolja tal-Lateran, lill-Papa San Milzjade.

Fid-9 ta’ Novembru 324, il-Papa San Silvestru I ikkonsagra solenniment nofs il-palazz bħala knisja li semmiet għas-Salvatur. Probabbilment din kienet l-ewwel konsagrazzjoni pubblika ta’ knisja. Il-Battisteru tagħha bnieh ġdid Kostantinu, kważi kif jinsab illum, u ġie ddedikat lil San Ġwann il-Battista, u fih bdew jiġu mgħammda l-Insara ta’ Ruma.

San Silvestru żamm in-nofs l-ieħor tal-palazz, bħala r-residenza u l-Kurja tiegħu, li dam jiġi wżat hekk għal aktar minn elf sena sakemm fl-erbatax-il seklu, il-Papa mar jgħix fl-eżilju ta’ Avignon.

Sal-ġurnata tal-lum, din il-knisja hija l-Katidral ta’ Ruma, fejn il-Papa għandu l-Katedra tiegħu. Hi tiġi l-ewwel u hi l-iktar waħda antika fost l-erba’ Bażiliki Patrijarkali ta’ Ruma. It-tlieta l-oħra huma: il-Vatikan, Santa Marija Maggiore, u San Paolo Fuore Le Mure.

Fil-Lateran saru ħames Konċilji Ekumeniċi, u għoxrin Sinodu. Fih hemm relikwi prezzjużi għall-Knisja, fosthom l-irjus ta’ San Pietru u San Pawl, l-artal żgħir li fuqu San Pietru ġieli wżah biex iqaddes fi djar privati, u l-mejda tal-aħħar ikla, li fuqha Sidna Ġesù waqqaf is-Sagrament tal-Ewkaristija.

Permezz ta’ din it-tifkira l-Knisja titlobna biex nistqarru l-fedelta’ tagħna lejn il-Papa, u nwiegħdu li nżommu sħiħ it-tagħlim tiegħu; u biex turina wkoll li hi tagħraf il-knejjes kollha bħala postijiet tat-talb fejn il-Fidili jinġabru flimkien biex jaduraw lil Alla.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-isqof San Ċesarju ta’ Arles dwar il-fatt li kull wieħed minna sar tempju ta’ Alla bil-Magħmudija:

“Ħuti għeżież, għall-grazzja ta’ Kristu qegħdin niċċelebraw illum bil-ferħ u l-hena t-twelid ta’ dan it-tempju, iżda l-veru tempju ħaj ta’ Alla għandna nkunu aħna. Bir-raġun kollu l-insara, bil-ħeġġa tal-fidi tagħhom, jagħmlu l-festa tal-Knisja Omm, għaliex jafu li permezz tagħha huma twieldu mill-ġdid fir-ruħ.

Trid issib il-knisja nadifa? Tħammiġx ruħek bit-tbajja’ tad-dnub. Jekk trid li l-knisja tkun imdawwla, Alla jrid li ruħek ma tkunx imdallma, imma, kif hu stess jgħid, ħa jiddi fina d-dawl tal-għemejjel tajba biex ikollu glorja dak li hu fis-smewwiet. Kif int tidħol f’din il-knisja, hekk Alla jrid jidħol f’ruħek, kif wiegħed: Ngħammar f’nofshom u nimxi magħhom.”

U dan li ġej hu diskors minn omelija tal-Isqof Mario Grech f’jum din il-Festa (9 ta’ Novembru 2015):

“Għandniex xi ħaġa aktar għażiża mill-Ewkaristija? B’danakollu mhux daqshekk rari li l-mod kif aħna, saċerdoti u lajċi, niċċelebraw il-Quddiesa jagħmilha evidenti li ma nkunux qegħdin nitolbu – li dik li hija ċ-ċelebrazzjoni massima tad-divinità, tkun nieqsa minn dispożizzjonijiet, atteġġjamenti u tisħib li jixirqu lis-sagru. Fil-fehma tiegħi liturġija ta’ din ix-xorta hija wkoll desagralizzazzjoni tat-Tempju. Qed ngħid dan biex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu għax dawn l-abbużi ma humiex differenti minn dawk li “nkurlaw” lil Kristu meta tela’ Ġerusalemm.

L-għadab ta’ Kristu għal dawk li tefgħu taħt riġlejhom is-sagralità tat-Tempju ta’ Ġerusalemm ifakkarni fir-rispett li jixraqlu tempju ieħor fejn jgħammar Alla. Qed nirreferi għall-kuxjenza li hija t-tempju l-aktar intimu fejn fis-sigriet il-bniedem iħabbat wiċċu ma’ Alla, jisma’ l-vuċi tiegħu u jiddjaloga miegħu.”

Forsi vera li lill-Mulej Alla nsebbħuh permezz tat-tempji li nibnu b’idejna għall-glorja tiegħu. Iżda wisq iktar jeħtieġilna nsebbħuh bit-tempju ta’ ġisimna li hu aħna u li fih jgħammar Hu.

  • Fil-festa tal-lum irridu nifhmu li aħna l-insara aħna ĠEBEL ĦAJ. Hemm ħafna responsabbiltà fil-mod kif ngħixu u nitkellmu.
  • Għad-dinja ta’ madwarna, irridu nkunu eżempju għax qed inġorru fina l-istess tempju ta’ Alla. Kif nistgħu nagħmlu dan?
  • Billi nifhmu u naċċettaw il-Kelma ta’ Alla kif imfissra mill-Maġisteru tal-Knisja.
  • Irridu nkunu qalb waħda mal-Papa fit-tagħlim li huwa mdawwal mill-Ispirtu s-Santu biex idawwalna ħalli ngħixu kull ħin ir-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħna, fl-ambjent li fih ninsabu.

U nixtieq nispiċċa bi storja li turi x’qawwa għandha x-xhieda tal-Fidi:

Miet missier tifla fil-klassi. It-tfal tal-klassi tagħha kollha attendew għall-funeral tiegħu. Id-devozzjoni u l-imġiba tat-tfal waqt il-quddiesa kienet tassew sabiħa. Ġimgħa wara wieħed raġel mar għand il-Kappillan u talbu jgħallmu r-reliġjon bi preparazzjoni għall-Magħmudija biex jingħaqad mal-Knisja Kattolika. Il-Kappillan ġietu l-kurżità u staqsa lil dan ir-raġel kif kien ħa din id-deċiżjoni u r-raġel wieġeb: “Jiena attendejt il-quddiesa tal-funeral u bqajt kommoss u mistagħġeb b’dak kolllu li smajt speċjalment bid-devozzjoni li wrew it-tfal.”

X’nitgħallmu min dan?

  • L-aħjar mezz biex tgħin lill-oħrajn biex jiddedikaw lilhom infushom għal Ġesù, huwa, li wieħed jiddedika lilu nnifsu kollu kemm hu.
  • Wieħed ftit jagħti każ ta’ li ngħidu fuq ir-reliġjon tagħna, aktar jara kif qed ngħixuha!
  • Jeħtieġ ngħaddu qalbiena minn bosta tbatijiet biex niddefendu s-sewwa u l-verita’.

TalbaMulej, għinni biex bħal ĠEBLA ĦAJJA ninbena f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis sabiex inkun strument f’idejk għat-tixrid tal-Kelma tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.wordonfire.org/resources/blog/feast-of-the-dedication-of-st-john-lateran-basilica/2142/

Alternative Reading: https://www.catholicculture.org/culture/liturgicalyear/calendar/day.cfm?date=2014-11-09

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Archbasilica_of_St._John_Lateran

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements