11 ta’ Novembru: San Martin ta’ Tours

“Isqof qaddis, li minn qalbu ħabb lil Kristu s-sultan u ma beżax mill-kbarat setgħana tal-art! Ruħ ta’ qdusija li ma bħalha, li għalkemm ma nfiridx mill-ġisem bis-sejf tal-moħqrija, iżda ma tilifx il-premju tal-martirju!”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Martin ta’ Tours 

1e87dd8e63a85c9ecac0a9b35c72aaeaSAN MARTIN TA’ TOURS
Isqof
316 – 397

Tagħrif: San Martin twieled fis-sena 316, minn ġenituri pagani f’Sabaria, l-Ungerija, fejn missieru li kien fizzjal fl-Armata Rumana kien stazzjonat. Ftit wara, missieru ġie trasferit f’Pavia, l-Italja.

Ta’ ħmistax-il sena, daħal fl-Armata Rumana, u xi sentejn wara ntbagħat f’Amiens, Franza. Hawn iltaqa’ ma’ wieħed fqir, li kien qed iterter bil-bard, ġietu ħniena minnu, qabad il-mantell li kellu fuqu, qasmu fi tnejn u tah biċċa. Bil-lejl kellu viżjoni li dak il-fqir kien Ġesù stess.

M’għaddiex żmien twil, meta ħalla l-Armata, u tgħammed. Wara mar Poitiers fejn ġie ordnat saċerdot minn San Ilarju, li kien Isqof ta’ Poitiers. San Martin talab lill-Isqof biex jagħtih biċċa art biex hemm ikun jista’ jgħix fis-solitudini. Hawn bdew jingħaqdu miegħu xi eremiti oħrajn, u bil-mod bena dak li kellu jkun l-ewwel monasteru ta’ Franza, ġo Linuge’, li malajr iffjorixxa.

Meta miet San Ilarju, in-nies bi ħġarhom marru għal San Martin, ġabuh u għamluh Isqof tagħhom fis-sena 371. Bħala Isqof baqa’ jgħix ħajja umli u sempliċi, iżda kien sod ħafna kontra l-eretiċi, għalkemm flimkien ma’ San Ambroġ kien kontra li l-eretiċi jiġu kkundannati għall-mewt.

Miet fit-8 ta’ Novembru 397, fl-eta’ ta’ 81 sena. San Martin huwa l-ewwel Qaddis fil-Knisja tal-Punent, li ġie pubblikament ivvenerat qaddis, għalkemm ma kienx miet martri. Difnuh f’Tours. Fi Franza hemm madwar 4,000 knisja msemmijin għalih.

Il-kelma kappella ġejja mill-Latin “Cappella”, u din hi ġejja mill-Franċiż “Chapele”. Jgħidu li l-oratorju fejn kienet meqjuma l-kappa (bil-Franċiż Chape) li San Martin qasam mal-fqir iterter bil-bard, beda jissejjaħ “Chapele”.

Ħsieb: Dan qari mill-Ittri ta’ Sulpiċju Severu dwar Martin, fqir u umli:

“Martin kien jaf ħafna minn qabel jum il-mewt tiegħu, u, meta wasal, qal lil ħutu li dan il-jum kien ħafna fil-qrib. Ġara li kellu jmur iżur id-djoċesi ta’ Candes minħabba l-firda li kien hemm fost il-kleru: għalkemm kien jaf li kien wasal fi tmiem ħajtu. Xtaq iġib il-paċi fosthom u ma beżax jagħmel il-vjaġġ: qies li jkun tmiem tassew sabiħ għall-ħajja tiegħu ta’ tjieba kieku kellu jħalli l-Knisja fl-hena tas-sliem.

Wara li qagħad ftit taż-żmien f’dak ir-raħal, jew aħjar f’dik il-knisja, fejn kien mar, u rnexxielu jġib il-paċi bejn il-kleru ta’ hemm, meta beda jaħseb biex jerġa’ lura lejn il-monasteru ħass tonqoslu s-saħħa ta’ ġismu, sejjaħ ‘l ħutu u qalilhom li kien wasal biex imut. In-niket u l-biki ħakimhom ilkoll, u b’leħen wieħed, imbikkijin, bdew jgħidulu:

“Għaliex, missier, se tħallina? Għaliex se titlaqna waħedna fin-niket tagħna? Ara lpup ħattafa se jaqbżu fuq il-merħla tiegħek: jekk ir-ragħaj ikun midrub, min se jeħlisna mill-qilla tagħhom? Nafu li int tixtieq ‘il Kristu, imma l-premju tiegħek hu fiż-żgur u ma titilfux jekk tiddawwar biex tiksbu: ikollok, mela, ħniena minna lkoll, li se tħalli waħedna”. 

Imqanqal minn dan il-biki, li ġegħlu jagħdirhom kif dejjem għamel tul ħajtu kollha b’mogħdrija ġejja mill-fond tal-ħniena ta’ Alla, hu wkoll beda jibki – hekk qalulna – u dawwar wiċċu lejn Alla u, għall-kliem ta’ ħutu mbikkija, wieġeb biss b’dan il-kliem:

“Mulej, jekk il-poplu tiegħek għad għandu bżonn is-servizz tiegħi, jien ma nwarrabx mit-toqol tax-xogħol. Ir-rieda tiegħek tkun magħmula, u jien niġġieled it-taqbida t-tajba. Madanakollu jekk inti tridni nkompli niġġieled fuq quddiem biex niddefendi l-kamp tiegħek, ma nitolbok qatt li niġi skużat waqt li saħħti tippermettili. Jien inkompli nagħmel ix-xogħol li fdajtli. Waqt li int tkompli tikkmanda, jien nibqa’ niġġieled taħt il-palju tiegħek”.

Raġel li jgħaġġbek, la nkedd mix-xogħol, lanqas reġa’ lura quddiem il-mewt; ma nġibidx la lejn naħa u lanqas lejn l-oħra; ma beżax mill-mewt, għalkemm ma ċaħadx li jibqa’ jgħix. Għajnejh u jdejh il-ħin kollu merfugħa lejn is-sema, ma kienx iħalli l-ispirtu qawwi tiegħu jehda mit-talb, u lill-qassisin li kienu madwaru, meta staqsewh iridhomx idawwruh biex itaffulu l-uġigħ, weġibhom:

“Ħalluni, ħuti, inħares lejn is-sema u mhux lejn l-art, biex ruħi tkun tħares lejn Alla meta tasal biex titlaq”.

Kif qal dan, ra x-xitan maġenbu: “X’qed tagħmel hawn”, qallu, “bhima kollok dmija? Xejn ma ssib fija minn tiegħek, ja mejjet ħaj; jien sejjer fi ħdan Abraham”.

Kif qal dan il-kliem ruħu ttajret lejn is-sema. Martin, kollu ferħan, intlaqa’ fi ħdan Abraham. Martin, fqir u umli, daħal għani fis-sema”.

San Martin ta’ Tours, kien imwieled fi ħdan il-paganiżmu, imma minn ċkunitu kien magħżul bħala Prinċep tal-Knisja; bħala isqof ta’ Tours, ħafna erwieħ nidmu u nħelsu mill-qawwa tal-ispirti ħżiena bil-ħila tat-talb, tat-tpattija u l-barkiet. Il-karita’, it-talb u s-salvazzjoni tal-erwieħ fdati f’idejh, kienu t-tliet virtujiet li jiddominaw bis-sħiħ fil-ħajja ta’ San Martin. Wara kollox dawn huma l-pedamenti tal-qdusija fil-ħajja ta’ kull nisrani.

  • U int, f’hiex int fil-karita’? Qed tagħti minn dak li għandek u minnek innifsek f’servizz għal min jeħtieġ?
  • It-talb huwa l-preorita’ f’ħajtek? Twarrab affarijiet inqas importanti biex tagħmel ħin għat-talb tiegħek ta’ kuljum?
  • Minbarra bit-talb, kif qed tgħin biex isalvaw aktar erwieħ, b’mod speċjali dawk li l-Mulej tak f’ħajtek? Qed tagħti eżempju tajjeb, xi kelma tal-ġid jew tagħmel atti ta’ ħniena li jirriflettu l-imħabba ta’ Alla li hemm ġewwa fik?

Talba: O San Martin, li qsamt il-mant tiegħek biex tlibbes lill-Mulej tagħna li deher f’sura ta’ tallab, b’umiltà nitolbuk tidħol għalina quddiem Sidna Ġesù Kristu, u tagħtina l-għajnuna biex ikun jistħoqqilna il-grazzja u l-mogħdrija tal-Ispirtu s-Santu li jreġgħana mid-dlam għad-dawl fis-Saltna eterna tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/saint-martin-of-tours.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-martin-of-tours-50

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Martin_of_Tours

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements