15 ta’ Novembru: San Albertu l-Kbir

“San Albert kellu dak id-don rari u divin, l-istint xjentifiku, fi grad għoli ferm. Hu sewwasew il-qaddis li bl-eżempju tiegħu għandu jdawwal l-epoka tal-lum, li tfittex hekk bil-ħeġġa l-paċi u hi hekk mimlija bit-tama fl-invenzjonijiet xjentifiċi tagħha.” ~ Il-Papa Piju XI dwar San Albertu l-Kbir

web-saint-november-15-albertus-magnus-public-domainSAN ALBERTU L-KBIR
Isqof u Duttur tal-Knisja
1206 – 1280

Tagħrif: San Albertu twieled f’Lauingen f’xatt id-Danubju, il-Ġermanja, fl-1206. Kien l-iben il-kbir ta’ familja sinjura ħafna, nobbli u aristokratika.

Kien qed jistudja fl-Universita’ ta’ Padova meta ħass li kellu jsir saċerdot, u kontra x-xewqat tal-familja tiegħu daħal mad-Dumnikani fl-1223.

In-novizzjat tiegħu għamlu f’Cologne, il-Ġermanja. Ħames snin wara, beda jgħallem fil-kulleġġi tad-Dumnikani.

Fl-1245, ħa d-Dottorat fit-teoloġija mill-Universita’ ta’ Pariġi. Kien l-ewwel Dumnikan li kiseb grad hekk għoli. Minnufih beda jgħallem it-teoloġija fl-istess Universita’. Hawn kellu lil San Tumas ta’ Aquino bħala student tiegħu.

Fl-1428, ġie maħtur Reġġent tal-istudji f’Cologne, fejn iż-żgħażagħ Dumnikani kienu jiġu mħarrġin biex isiru predikaturi tajbin kif kien jitlob minnhom l-Ordni.

San Albertu kien imżejjen b’intelliġenza straordinarja. Kien awtorita’ fil-Fiżika, Ġometrija, Bioloġija, Ġografija, Astronomija, u oħrajn, flimkien max-Xjenzi Teoloġiċi. Dawk li kienu jafuh, kienu jiskantaw kif moħħ ta’ bniedem wieħed seta’ jkollu dak l-għerf kollu, u fl-istess ħin ikun bniedem sempliċi, b’fidi kbira, umli u qaddis li kien iqatta’ ħafna ħin quddiem l-Ewkaristija. Minħabba l-ġenju u l-għerf fenominali tiegħu huwa magħruf bħal Duttur Universali.

Fl-1254, ġie elett Provinċjal tal-Ordni fil-Ġermanja, iżda wara sentejn irreżenja. Fl-1260, il-Papa Urbanu IV ħatru Isqof ta’ Regensburg, il-Ġermanja. Wara sentejn irreżenja. Xtaq jiddedika ruħu għat-tagħlim.

Fl-1278, waqt li kien qed jagħti ‘lecture’, f’daqqa waħda l-memorja ħallietu għal kollox, u ma ġietu qatt lura sakemm miet sentejn wara, f’Cologne, fil-15 ta’ Novembru 1280, meta kellu 75 sena. Miet fil-paċi, ħelu ħelu, bilqiegħda fuq is-siġġu tiegħu, bla mard, imdawwar minn ħutu d-Dumnikani. Ġie ddikjarat Qaddis u pproklamat Duttur tal-Knisja mill-Papa Piju XI, fl-1931.

Ħsieb: Dan x’jgħid San Bernard dwar l-għerf minn Priedka fuq l-Għanja tal-Għanjiet:

“Hemm xi wħud li jixtiequ l-għerf biex jitkabbru, dik hi għarukaża. Oħrajn biex isiru magħrufa, dik hi vanita’ u għajb. Oħrajn biex jakkwistaw il-flus u l-favuri, dan hu skreditu. Iżda hemm oħrajn li jixtiequ l-għerf biex ikunu jistgħu jgħinu lill-oħrajn, u dik hi karita’. Oħrajn biex itejbu lilhom infushom, dik hi prudenza. Minn dawn it-tipi kollha, it-tnejn tal-aħħar biss jużaw l-għerf tajjeb u kif għandu jkun”.

Bla dubju li San Albertu l-Kbir kien tal-aħħar żewġ tipi u kien għalhekk li laħaq il-qdusija li kull bniedem hu msejjaħ għaliha. Tassew li ma tridx tkun xi studjuż kbir biex tiddaħħal fil-ġenna mal-henjin imma hu importanti li dawk li jaslu għal xi pożizzjoni għolja f’għajnejn il-bnedmin, jibqgħu umli u jagħrfu li dak li għandhom ingħatalhom mingħand Alla biex jużawh għall-ġid tal-oħrajn u biex jitqaddsu huma stess.

Hawn ukoll min jispeċjalizza fis-sengħa tiegħu wkoll u hawn min jipprova jasal għall-perfezzjoni tal-mod kif jidher minn barra, hawn min iffissat kif se jagħmel iżjed u iżjed flus, min moħħu kif se jisfrutta u jiddomina fuq l-oħrajn u għandu ħabta kif jintimida lil dawk li jiġu f’kuntatt miegħu, hawn min jirsisti biex ikabbar fama tajba għalih innifsu u jsir popolari. Imma x’jiswa’ dan kollu jekk umbagħad ma tkunx għext ħajja li biha jkun jixraqlek tiddaħħal fl-hena tal-ħajja eterna – id-destin vera ta’ kull bniedem. Għax:

  • X’jiswielek li int avukat jekk wara mewtek ma tistax tiddefendi l-kawża tiegħek?
  • X’jiswielek li inti arluġġar, jekk wara mewtek ma tkunx tista’ tmexxi ‘l quddiem jew lura, mqar għal sekonda waħda, l-arloġġ tal-eternità?
  • X’jiswielek li inti bennej tajjeb, jekk wara mewtek ma tkunx kapaċi tneħħi minn fuqek
    dawk l-erba’ xorok li jkunu jgħattuk?
  • X’jiswielek li inti għandek persuntek sabiħa, jekk wara mewtek issir tant ikrah
    li jfittxu jaħbuk fit-trab?
  • X’jiswielek li inti għandek flus kemm trid, jekk wara mewtek ma tkunx tista’
    ssarrafhom fil-bank tal-ġenna?
  • X’jiswielek li inti tikkmanda u tbeżża’ ‘l kulħadd, jekk wara mewtek ma tkunx kapaċi
    tikkmanda d-dud li jkun għaddej minn fuqek?
  • X’jiswielek li fid-dinja tgawdi fama tajba, jekk wara mewtek issib li għandek fama
    ħażina quddiem minn ħalqek?

Mela fil-ħajja kull ma għandek tagħmel huwa tgħix ħajja tajba u l-bqija ħallih f’idejn l-Imgħallem. Il-ħlas tat-tajjeb li nkunu għamilna nieħduh b’garanzija u mhux mingħand il-bniedem li filli  jċapċaplek jew iċapċapielek imma mingħand Alla li jara kollox (anki dak li nagħmlu fil-moħbi) u wegħedna li jħallasna Hu. (ara Mattew 6:7) U l-ħlas tiegħu jkun kbir daqs kemm hu kbir Hu.

  • Inti temmnu dan?
  • Għal liema ħajja qed taħdem: għal dik li tgħaddi, jew għal dik li tibqa’ għal dejjem, dik li qed iħejjielek il-Mulej fis-sema?

U nispiċċa bi stqarrija sabiħa ta’ San Ġorġ Preca:

“Sinjur Alla, min għarfek ma jafx jitkellem ħlief fuqek, u m’għandux delizzju ieħor ħlief li juri l-ħniena tiegħek, li biha hija mimlija l-art; m’għandux gost ieħor ħlief li jippriedka  kemm int ta’ min iħobbok, u ta’ min jirringrazzjak, min għarfek jitpaxxa bik, u bik jitgħaxxaq u barra minnek ma jarax ħlief frugħa u duħħan. Min tassew iħobbok mhuwiex kuntent li jħobbok waħdu, u xejn ma jara prezzjuż ħlief il-volontà santissma tiegħek u fiha jħoss il-ħajja u l-hena u l-glorja”.

Talba: O Alla, Int għamilt lil San Albertu kbir billi ppermettejtlu jikkombina l-għerf tal-bnedmin mal-Fidi Divina. Għinna sabiex inżommu sħiħ mat-tagħlim tiegħu hekk li nkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem fix-xjenzi u fl-istess ħin naslu għal għarfien aktar profond u mħabba dejjem akbar għalik, li minnek ħadna kull ma’ hu tajjeb u sewwa. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/11/st-albert-great.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-albert-the-great/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Albertus_Magnus

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements