18 ta’ Novembru: Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Pietru u ta’ San Pawl

Verżjoni Vidjo: Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Pietru u ta’ San Pawl

“Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.” ~ Ġesu’ fi Ġwanni 14:1-3

SOD-1118-DedicationoftheChurchesofSaintsPeterandPaul-790x480ID-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILIKI TA’ SAN PIETRU U TA’ SAN PAWL

Tagħrif: Hemm tradizzjoni li tgħid li l-Papa San Anakletu, it-tieni Papa li laħaq wara San Pietru, bena żewġ kappelli, waħda fuq il-qabar fejn kien hemm midfun San Pietru, taħt l-għolja tal-Vatikan, f’Ruma, u oħra fuq il-qabar fejn kien hemm midfun San Pawl, ftit ‘il barra minn Ruma, fit-triq lejn il-belt ta’ Osita.

Fis-sena 326, Kostantinu l-Kbir bena knisja flok il-kappella li kien hemm fuq il-qabar ta’ San Pietru, li għal kważi tnax-il seklu baqgħet kważi l-istess. Magħha nbena palazz li serva bħala residenza tal-Papiet wara l-eżilju ta’ Avignon. Biż-żmien din il-knisja saret żgħira wisq, u fl-1506, il-papa Ġulju II beda jibni l-Bażilika li hemm illum fuq il-pjani ta’ Bramante. Damet tinbena 120 sena, b’ħafna tibdil ta’ pjani u adattamenti, l-iktar mill-Papa Pawlu V u minn Mikelanġlu. Din il-knisja msemmija għal San Pietru, illum hi magħrufa wkoll bħala “Il-Vatikan”. Hi l-ikbar knisja fid-dinja, tesa’ 50,000, u l-Papa Urbanu VIII ikkonsagraha fit-18 ta’ Novembru 1626.

Il-martirju ta’ San Pawl ġara ftit kilometri ‘l bogħod minn dak ta’ San Pietru, fil-post ta’ Aquae Salviae (Tre Fontane), fit-triq Ostia, u difnuh xi ħames kilometri ‘l bogħod.

Anke fuq il-qabar ta’ San Pawl, Kostantinu kien bena knisja flok il-kappella li kien bena San Anakletu. Din il-knisja wkoll kienet saret żgħira, u l-Papa San Ljun il-Kbir u l-Imperatur Teodozju bnew Bażilika flokha, li nħarqet fl-1823, iżda reġgħet inbniet mill-ġdid. Hi twila 400 pied, u hi wkoll sabiħa bħal dik ta’ San Pietru. Ġiet ikkonsagrata mill-Papa Piju IX fl-10 ta’ Diċembru fl-1854, jumejn wara l-proklamazzjoni tad-Domma tal-Immakulata Kunċizzjoni, iżda l-kommemorazzjoni tagħha ssir llum ma’ dik ta’ San Pietru.

Ħsieb: Għall-ewwel kien hemm kappelli żgħar, imbagħad inbidlu fi knejjes, u llum hemm bażiliki kbar il-ġmiel tagħhom. Dejjem ikbar, dejjem isbaħ, dejjem aħjar! Hekk ukoll fil-perfezzjoni nisranija hemm tliet gradi:

  • l-ewwel grad hu li tobgħod il-ħażen għall-imħabba ta’ Alla;
  • it-tieni grad li tagħmel il-ġid u t-tajjeb biex togħġob lil Alla;
  • it-tielet grad li tħobb lil Alla għalih innifsu u l-proxxmu għall-imħabba ta’ Alla.

Meta dawn il-Bażiliki ġew iddedikati lil Alla, Alla sab postu fihom biex jiltaqa’ mall-poplu tiegħu. Huwa jsib postu f’kull santwarju, kbir jew żgħir li l-bniedem jibni ad unur tiegħu, biex il-bnedmin isibu posthom. Ġesù jgħammar f’kull knisja u kappella u jagħmilha d-dar tiegħu biex ikun qrib tagħna ħalli jgħinna nsibu postna, u meta nsibu postna, ma nitilfuhx! Din hija l-missjoni tal-Knisja: li tgħin lill-bniedem jiltaqa’ ma’ Ġesù li huwa t-triq, il-verità u l-ħajja, biex il-bniedem ikun kapaċi jżomm postu fil-ħajja. Mela ħa nidħlu f’rabta aktar mill-qrib ma’ Ġesù, u Ġesù jħejjilna post li jixirqilna.

Kemm hija ħaġa kerha meta f’ħajjitna jkollna waqtiet fejn ma nkunux inħossuna f’postna! Meta ma tkunx f’postok, xejn ma jagħmlek kuntent u ma tkunx tista’ ssib kwiet. Mhux faċli ssib postok fil-ħajja! L-esperjenza tixhdilna li rridu nimpenjaw ruħna sewwa, speċjalment meta nkunu għadna żgħar, biex meta nikbru nsibu postna fis-soċjetà. Min-naħa l-oħra, il-fatt li tkun kbirt fis-snin mhux bilfors ifisser li tkun sibt postok – tant li hawn min sar adult u għadu ma sabx postu, u għalhekk il-ħin kollu għaddej minn ħaġa għall-oħra… u jsir bħal a rolling stone that gathers no moss. Barra minn hekk, hemm min minħabba l-karattru tiegħu mhux kapaċi jżomm postu!

Meta tkun għadek student normalment ikollok ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tiegħek u tistinka ħafna biex tasal issib postok, fis-sens li jkollok okkupazzjoni definittiva. Imma llum, minħabba l-kunċett ta’ mobbiltà anki fix-xogħol, kważi ebda post ma joffri stabbiltà u sodisfazzjon biżżejjed u kapaċi nitħajru ngħaddu minn post għal ieħor.

L-istess jiġri fir-relazzjonijiet affettivi. Qisha saret parti mill-kultura tagħna li wieħed jgħaddi minn relazzjoni għall-oħra, u mhux lakemm wieħed jasal biex jgħid li affettivament ikun sab postu! Sa ftit snin ilu, meta wieħed kien jiżżewweġ, kien ikun konvint li dak iż-żwieġ huwa postu, imma llum l-affarijiet inbidlu bil-kbir. Nosservaw li llum iż-żgħażagħ mhux qegħdin jiżżewġu ta’ età żgħira għax iridu ż-żmien biex jikkonvinċu ruħhom li posthom ikun f’dik ir-relazzjoni partikulari – fil-fatt, ġieli jiġri li meta żagħżugħ jidħol f’relazzjoni stabbli, jibda jinħakem minn ċerti dubji, inċertezzi u beżgħat! Imbagħad hemm dawk li affettivament isibu posthom u jiżżewġu, imma għal xi raġuni jew oħra jerġgħu jaqgħu jew iwaqqgħuhom minn posthom… u għalhekk ikollhom jaffrontaw mill-ġdid dak il-proċess biex jerġgħu jsibu posthom.

Hemm imbagħad dawk li jibqgħu ma jsibux posthom fil-mod kif jaħsbu, jirraġunaw u jiddeċiedu – jew għax ikunu nieqsa mill-maturità jew għax jinfixlu fil-ħsieb dgħajjef ta’ żminijietna. Ir-relattiviżmu tal-lum jagħmilha diffiċli li l-ħsieb tal-bniedem isib postu.

Quddiem din is-sitwazzjoni tolqotni s-sentenza li nsibu fil-Vanġelu meta Ġesù jgħid li sejjer iħejjilna post fejn noqogħdu (Ġwanni 14:3). Fi kliem ieħor Ġesù qed joffrilna li jagħtina post fil-ħajja fejn aħna jkollna ħsibijiet ċari, trankwillità u serenità. Ġesù qed jgħidilna: Tħallux qalbkom titħawwad, għax jien ngħinkom issibu postkom fil-ħajja.

Ħafna drabi, biex infittxu nsibu post tajjeb, aħna nagħmlu proġett li naħsbu li jista’ jwassalna f’dak il-post; nippruvaw niksbu għarfien sħiħ, ċert u veritier li jgħinna niżguraw il-post li nixtiequ. Imma Ġesù ma joffrilniex triq jew għarfien, imma joffrilna lilu nnifsu meta jgħid: Jien hu t-Triq u l-Verità!

Għalhekk, biex isib postu n-Nisrani ma għandux bżonn ta’ road map jew xi damma/ktieb bit-tagħrif, imma jeħtieġlu jidħol f’relazzjoni personali ma’ Ġesù. In-Nisrani li jrid isib postu għandu bżonn tal-persuna ta’ Ġesù Kristu. Min jiltaqa’ ma’ Ġesù jkun sab it-triq u s-sewwa li jgħinuh iżomm postu fil-ħajja. Jien ċert li fil-ħajja ġieli ltqajna ma’ persuni li kienu sereni u f’posthom, u dan għaliex f’ħajjithom kienu ltaqgħu ma’ Ġesù. Min ikollu din il-laqgħa ma’ Kristu, għandu garanzija li f’ħajtu jħossu f’postu anki jekk madwaru jkun hemm ħafna affarijiet li ma humiex f’posthom. Irridu nemmnu li jekk inħallu lil Ġesù jakkumpanjana, anki jekk ħajjitna tkun ħafna biċċiet, naraw dawn il-biċċiet jaqgħu f’posthom.

  • U int, sibtu postok jew għadek qed tfittxu?
  • Ippermettejt lil qalbek u lil ruħek jistrieħu f’posthom, jiġifieri f’min ħalaqhom għaliH?
  • X’post qed tagħti lil Ġesu’ f’ħajtek u fis-santwarju l-aktar intimu ta’ qalbek?
  • Il-Mulej jista’ jagħmel l-għamara tiegħu fik, għax f’ruħek isib post li jogħġbu?

Talba: Inti Mulejja, li tgħammar ġewwa fina: Agħmel li nsibuk, għax qabel ma nsibuk, ma nistrieħux. Fik biss tinsab il-hena u l-mistrieħ tagħna. Int għamiltna għalik, o Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet, jekk ma tistrieħx fik. Ammen. (Talba ta’ Santu Wistin)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/dedication-of-churches-of-saints-peter-and-paul/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/dedication-of-the-churches-of-peter-and-paul-659

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Dedication_of_Saints_Peter_and_Paul

Nota: It-Tagħrif dwar din il-festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u l-Ħsieb minn omelija tal-Isqof Mario Grech (12 ta’ Mejju 2017).

Advertisements