21 ta’ Novembru: Il-Preżentazzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija

Verżjoni Vidjo: Il-Preżentazzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija

“Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi, għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.”  – Isaija 61:10

presentation_of_the_virgin_in_the_temple1IL-PREŻENTAZZJONI TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

Tagħrif: Din il-festa tfakkar il-jum tal-konsagrazzjoni (fis-sena 543) tal-knisja ta’ Santa Marija mibnija qrib it-tempju f’Ġerusalemm.

Permezz ta’ din il-festa aħna niċċelebraw il-“konsagrazzjoni” ta’ Marija lil Alla, li sa minn ċkunitha tatu lilha nnifisha kollha kemm hi, imqanqla mill-Ispirtu s-Santu li mlieha bil-grazzja tiegħu fit-tnissil tagħha bla tebgħa.

Skont tradizzjoni antika ħafna, meta l-Madonna kienet għadha tifla żgħira, il-ġenituri tagħha, Santa Anna u San Ġwakkin, għamlu vjaġġ ta’ madwar mija u tletin kilometru, minn Nazaret għal Ġerusalemm, biex jippreżentawha lil Alla, u jħalluha f’idejn in-nisa twajba tat-tempju. Dan għamluh biex iżommu wegħda li kienu għamlu li jekk ikollhom tarbija jikkonsagrawha lil Alla. Minn dak iż-żmien, il-Madonna ġiet imrobbija u edukata ma’ tfal oħra, minn dawn in-nisa. Għalhekk il-Madonna kibret f’ambjent ta’ talb, meditazzjoni, u fil-qadi tas-sagrifiċċju lil Alla.

Din il-festa oriġinat fis-Sirja u daħlet fil-Punent fiż-żmien meta l-Papiet kienu f’Avignon, mill-Papa Girgor XI. Għall-ewwel kienu jiċċelebrawha biss il-patrijiet Franġiskani Minuri, iżda ma damitx ma bdiet tiġi ċċelebrata wkoll fil-kurja tal-Papa f’Avignon.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-isqof Santu Wistin:

“Nitlobkom tisimgħu sewwa x’qal Kristu Sidna meta midd idu lejn id-dixxipli tiegħu: Dawn, ara, huma ommi u ħuti; kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li bagħatni, da huwa ħija, u oħti, u ommi. Forsi l-Verġni Marija ma għamlitx ir-rieda tal-Missier? Hija emmnet bil-fidi, nisslet bil-fidi, kienet magħżula biex minnha jitwildilna s-Salvatur fost il-bnedmin, Kristu ħalaqha qabel ma hija nisslet lilu. Iva, il-Verġni mqaddsa għamlitha r-rieda tal-Missier, u għamlitha sewwa, u għalhekk għal Marija hi ħaġa aqwa li kienet waħda mid-dixxipli ta’ Kristu milli omm Kristu; hu ferħ akbar għaliha li kienet waħda mid-dixxipli ta’ Kristu milli omm Kristu. Għalhekk Marija kienet hienja, għax qabel ma tat l-Imgħallem lid-dinja, hija ġibitu fil-ġuf.

Mela żommu sewwa f’moħħkom, għeżież tiegħi: intom ukoll membri ta’ Kristu, intom ukoll il-ġisem ta’ Kristu. U araw kif intom hekk, għax qal: Dawn huma ommi u ħuti. Kif tkunu omm Kristu? Kull min jisma’, u kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi. Kristu, fil-ħniena tiegħu, għalkemm hu Iben waħdieni, ma riedx jibqa’ waħdu, imma riedna nkunu werrieta tal-Missier, u werrieta flimkien miegħu.”

Tgħid għalina l-Mulej m’għandux ukoll pjan misterjuż ta’ mħabba li jinkludi fih ħajjitna kollha biex jitwettaq? M’għandux ukoll għan għalfejn ħalaqna u sawwarna? Ma jixtieqx li minn ġo fina jagħti ħajja ġdida lil dawk kollha li se jiltaqgħu magħna tul il-vjaġġ ta’ ħajjitna f’din l-art lejn Ġerusalemm tas-Sema? Alla se jafda ruħu f’idejna għaliex iħobbna tassew. Imma aħna x’se nagħmlu? X’se tkun it-tweġiba tagħna? Iva jew le? X’kienet it-tweġiba ta’ Marija jekk mhux Iva sħiħa għall-pjan ta’ Alla għaliha? Jgħallimna San Ġwanni Pawlu II:

“Il-ħlewwa kollha ta’ Marija lejn ir-rieda divina, kienet marbuta mal-fidi tagħha. Billi emmnet fil-kelma ta’ Alla, hija setgħet taċċetta din l-ubbidjenza kompletament u wriet lilha nnifisha lesta għall-pjan sovran ta’ Alla; hija aċċettat dak kollu li ġie mitlub minnha. Hekk il-preżenza tas-Sinjura Tagħna fil-Knisja tinkoraġġixxi lill-Insara biex jisimgħu kuljum il-kelma tal-Mulej; biex jifhmu l-pjan Tiegħu, mimli mħabba, f’dak kollu li jiġri kuljum u li jikkoperaw bil-fedeltà kollha biex jitwettaq dan il-pjan.”

Marija kkoperat b’mod sħiħ mal-pjan ta’ Alla għaliha. Tagħha ma kinitx parteċipazzjoni passiva għall-pjan Divin. Għall-kuntrarju, hija kkoperat sal-punt li akkumpanjat lil Binha Ġesù sa fuq l-Altar tas-Salib fuq il-Kalvarju. Għalhekk, “Marija mxiet il-mixja tal-Fidi qabilna: meta emmnet il-messaġġ tal-anġlu, hija kienet l-ewwel waħda li laqgħet il-misteru tal-Inkarnazzjoni u għamlet hekk b’mod perfett … il-fidi tagħha kienet waħda kuraġġuża. Fit-Tħabbira hija emmnet dak li umanament kien impossibbli; f’Kana hija ġegħlet lil Ġesù iwettaq l-ewwel miraklu; għamlitlu premura biex ixandar il-qawwa messjanika tiegħu. Marija tgħallem lill-Insara biex jgħixu l-fidi tagħhom, bħala vjaġġ li jġiegħelek tinġibed lejh u li jitlob minnek impenn. Dan jeħtieġ kuraġġ u perseveranza fi kwalunkwe sitwazzjoni tal-ħajja.”

Tassew, dan jitlob kuraġġ liema bħalu! Staqsi lil min hu mġarrab! Bħala Nsara m’aħniex nieqsa minn sfidi li jressqulna quddiem wiċċna għażliet li rridu nwettqu illum jew għada. Xi drabi huma għażliet li jweġġgħu bil-bosta. Iżjed u iżjed meta wieħed jaf dak li qiegħdha toffrilna l-kultura ta’ żmienna! Infatti, qiegħda toffrilna l-opportunità li nagħmlu xirja tajba mill-valuri li ġew mgħoddija lilna b’tant tbatija u sagrifiċċji. Qiegħda ttina ċ-ċans li nagħżlu virtù minn oħra. Waħda ngħożżuha u l-oħra narmuha għaliex skaduta. Hekk ngħidu aħna ma jimpurtax li wieħed ma jkunx leali fl-impenji tiegħu basta juri li qiegħed jifhem lil dak li jkun, għandu tort jew raġun. Hija kultura fejn mhux biss trid tlaħħaq ma’ Alla u max-xitan imma wkoll li tiddetta hi stess x’inhu t-tajjeb u l-ħażin. Kultura fejn ħadet f’idejha t-tmun arbitrarju tal-valuri u biddlithom kif qablilha hi. Kultura fejn, kulma jmur, qiegħda tbiegħed lill-bniedem minn Alla li ħalqu u fdieh u, bħala konsegwenza, minnu nnifsu stess!

Huwa sewwa sew f’din il-kultura li għandu jkollna l-kuraġġ li naffermaw, bil-qawwa kollha li jagħtina l-Ispirtu ta’ Alla, dak li tgħallimna Ommna Marija bl-eżempju ta’ ħajjitha. Jiġifieri li tant kemm il-Mulej ikollu post tassew importanti f’ħajjitna li ħadd u xejn m’hu se jazzarda joħodlu postu! Bit-talb u l-gwida ta’ Marija irridu insarrfu l-fidi tagħna f’modi ta’ mġiba li joħduha kontra u jixlu bil-kbir il-kultura ta’ żmienna. Fejn fostna l-arja ta’ xejn m’hu xejn qiegħda, kulma jmur, taħkem l-ambjenti kollha tagħna, bil-gwida ta’ Marija ejjew inġibu ruħna b’kuxjenza totalment miftuħa għal dak li Alla jrid kif mgħallem lilna minn Ommna l-Knisja Mqaddsa. Fejn il-kultura kontemporanja għamlet lill-bniedem alla għaliex tħabbar permezz tal-fomm u l-imġiba ta’ xi wħud: “Jiena hu alla sidi,” Marija bil-fidi kollha mħabba tagħha qiegħda ssejħilna biex b’ħajjitna u bi kliemna nħabbru li s-“Setgħani huwa Alla biss!” U dak Alla li lil min jiqaflu jispiċċa ħażin miegħu hu għaliex jispiċċa vittma tal-ħażen tiegħu stess! “Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin” (Luqa 1:52).

  • U inti, togħġbu lil Alla b’dak li taħseb, tgħid u tagħmel?
  • Qiegħda twettaq ir-rieda tiegħu għalik billi tgħix il-vokazzjoni tiegħek (hi x’inhi) bl-aħjar mod possibli?
  • Mhux Marija biss hi t-tempju tal-Mulej. Aħna wkoll, ġisimna huwa t-tempju tal-Ispirtu s-Santu li rċevejna fil-Magħmudija. Qed tgħix b’mod li jixraq il-preżenza ta’ Alla fik?
  • Kemm int devot tassew ta’ din l-Omm tiegħek tas-Sema?
  • Min jaf li kieku tikkonsagra lilek innifsek lilha u tħalliha ddawwallek it-triq li twasslek għal għand Binha fil-ġenna?
  • Min jaf li kieku tfittex li titgħallem dwar kif tista’ tgħix ta’ binha/bintha, hekk li jkun tassew jixraqlek Omm bħal din?

Jekk tixtieq tkun taf kif tista’ tħejji ruħek biex tgħix hekk tassew, nistiednek iżżur is-sit Malti, li fih it-Trattat ta’ San Alwiġi De Montfort fuq id-Devozzjoni vera lejn Marija u kif wieħed jista’ jagħmel l-att ta’ konsagrazzjoni u l-benefiċċji tagħha, Talb, l-Uffiċċju tal-Madonna, Vidjos u ħafna aktar … Tista’ tmur għalih billi tagħfas fuq din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/

Għar-Rużarju bl-għajnuna ta’ vidjos: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Għall-grupp fuq Facebook bl-isem: ‘Devozzjoni vera lejn il-Verġni Marija’.

Talba: Mulej, qegħdin nagħtu ġieħ lill-Verġni Mqaddsa Marija aħna u niċċelebraw it-tifkira glorjuża tagħha; bit-talb tagħha, agħmel li aħna wkoll nieħdu bħalha mill-milja tal-grazzja tiegħek. Bi Kristu Sidna  Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/11/presentation-of-blessed-virgin-mary.html

Alternative Reading: http://www.piercedhearts.org/hearts_jesus_mary/presentation_mary_temple.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Presentation_of_Mary

Nota: It-Tagħrif dwar din il-festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-Ħsieb huwa kitba ta’ Parti Mario Attard OFM Cap.