22 ta’ Novembru: Santa Ċeċilja

“Xħin beda jżernaq, Ċeċilja semmgħet leħinha u qalet: Ħaffu, suldati ta’ Kristu: warrbu għemil id-dlam u ilbsu l-armi tad-dawl!” ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-festa tal-lum.

st-cecilia-stained-glass1.jpgSANTA ĊEĊILJA
Verġni u Martri
It-Tieni jew it-Tielet Seklu

Tagħrif: Skont leġġenda Rumana, Santa Ċeċilja kienet mill-belt ta’ Ruma. Sa minn ċkunitha bdiet tħobb lil Ġesù, u iktar ma kienet qed tikber, iktar kienet qed issir tħobbu. Kienet għadha daqsxejn ta’ tfajla meta offrietlu ħajjitha u l-verġinita’ tagħha. Iżda biex tobdi lill-ġenituri tagħha, iżżewġet lil żagħżugħ nobbli pagan, jismu Valerjanu.

Ftit wara ż-żwieġ, ikkonvertietu, u hu kkonverta wkoll lil ħuh, Tiburzju. It-tnejn inqabdu li kienu Nsara, u ġew ikkundannati għall-mewt flimkien ma’ uffiċjal jismu Maximus. Santa Ċeċilja ddispjaċiha ħafna li kellhom imutu fil-fjur ta’ ħajjithom, iżda fl-istess ħin ferħet li mietu martri għal Ġesù. Hi stess difnithom. Ftit ġranet wara, hi wkoll mietet martri, wara agunija ta’ tlett ijiem, minħabba ferita li sofriet bid-daqqa tal-mannara fuq għonqha.

Għalkemm din hi storja sabiħa ta’ mara nisranija li ħarset xbubitha u tat ħajjitha għall-imħabba ta’ Kristu, mhix ibbażata fuq materjal awtentiku. B’danakollu fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu, f’Ruma, hemm qabar b’lapida li ġġib isimha, u sa mis-seklu ħamsa ġa kienet inbniet knisja f’Ruma għall-ġieħ tagħha. Santa Ċeċilja hija l-patruna tal-mużiċisti.

Fl-1599, il-Kardinal Sfondarati ordna li jinfetaħ il-qabar u l-ġisem deher intatt għal kollox. Il-ġisem kien imlibbes libsa ndurata bid-deheb, jistrieħ fuq il-ġenb tal-lemin, id-dirgħajn mitluqin minn tulhom, wieħed fuq l-ieħor, l-għonq maqtugħ; il-posa tal-ġisem kien bla dubju, dak ta’ tfajla żagħżugħa, waqt l-aħħar mumenti ta’ ħajjitha.

Ħsieb: Min iħobb lil Ġesù ma jkunx kuntent li jħobbu waħdu, imma jħabrek biex jarah maħbub minn oħrajn. Mhux hekk għamlet Santa Ċeċilja? Għalhekk filwaqt li aħna nikbru dejjem iżjed f’imħabbitna lejn Ġesù, infittxu li permezz tagħna oħrajn ukoll isiru jħobbuh iżjed. Dan l-eżempju narawh ukoll fil-Verġni Marija li marret għand Eliżabetta biex twasslilha, l-ewwel u qabel kollox, lil Binha Ġesu’, umbagħad biex tgħinnha fi bżonnijiet prattiċi oħra tal-ħajja ta’ kuljum.

Infatti dan hu dak li qal il-Papa Franġisku f’waħda mill-katekeżi tal-Udjenzi Ġenerali:

“Meta marret iżżur lil Eliżabetta, il-Verġni Marija ma ħaditilhiex biss għajnuna materjali; dan ukoll, imma wasslitilha lil Ġesù, li diġà kien jinsab f’ġufha. Li ħadet lil Ġesù f’dik id-dar kien ifisser li ħadet il-ferħ, il-ferħ sħiħ. Eliżabetta u Żakkarija kienu ferħana b’dik it-tqala li kienet tidher impossibbli għall-età tagħhom, imma hi x-xbejba Marija li twasslilhom il-ferħ sħiħ, dak li jiġi minn Ġesù u mill-Ispirtu s-Santu u jesprimi ruħu f’li nagħmlu karità bla ma nistennew ħlas, f’li naqsmu mal-oħrajn, f’li ngħinu lil xulxin, f’li nifhmu lil xulxin”.

F’kelma waħda l-Papa qed ifakkarna li l-missjoni tal-Knisja u ta’ kull Nisrani hija dik li jwassal lil Kristu, għaliex il-ferħ veru u sħiħ il-bniedem isibu biss fi Kristu. Kemm sagrifiċċji nagħmlu biex intejbu l-ħajja tagħna, u sew nagħmlu! Iżda jista’ jiġri li niżbaljaw meta naħsbu li l-kuntentizza tiġi minn dak li għandi u minn dak li nakkwista. Ħarsu lejn tifel ċkejken, kemm jifraħ meta jirċievi xi ġugarell! Jgħaddi ftit tal-ħin u dak il-ġugarell jispiċċa f’xi kantuniera u lanqas iħares aktar lejh. Il-Papa jgħidilna li avolja Żakkarija u Eliżabetta kienu ferħanin bit-tqala, li għalihom kienet impossibbli għaliex kienu xjuħ, imma kienet il-preżenza ta’ Marija li kienet iġġorr lil Kristu li ġabet “il-ferħ sħiħ”.

  • U għalik, kemm hi importanti għalik li ħaddieħor jikkonverti u jsir nisrani tajjeb?
  • Hija preorita’ f’ħajtek li xxandar l-imħabba ta’ Kristu?
  • Taħtaf kull okkażżjoni li jkollok biex tagħmel dan ma’ dawk ta’ madwarek?
  • Tibqa’ tagħmel dan anki meta jkollok tħalles prezz għoli ħafna?

J’Alla fuq l-eżempju ta’ Santa Ċeċilja u tal-qaddisin kollha, aħna wkoll inkunu xhieda veri ta’ Kristu mhux biss bi kliemna, imma b’għemilna u tassew, anki jekk dan ifisser tbatija jew martirju kontinwu minn dawk li jagħmlulna l-ħajja diffiċli għax aħna ta’ Kristu.

Talba: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, ieqaf magħna, u bl-għajnuna ta’ Santa Ċeċilja, agħtina dik il-ħeġġa u l-qawwa li wassluha biex tibqa’ soda fl-istqarrija tal-fidi tagħha sal-aħħar, anki jekk dan jiswielna saħansittra ħajjitna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.stceciliaroch.org/66

Alternative Reading: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/11/saint-cecilia.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Cecilia

 

 

 

 

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements