23 ta’ Novembru: San Kolumbanu

Verżjoni Vidjo: San Kolumbanu

“Xejn mhu iżjed ħelu mill-kalma tal-kuxjenza, xejn mhu iżjed sigur mis-safa tar-ruħ – imma ħadd ma jista’ jagħti dawn lilu nnifsu minħabba li huma sewwa sew doni tal-grazzja t’Alla”. ~ San Kolumbanu

nSAN KOLUMBANU
Abbati
540 – 615

Tagħrif: San Kolumbanu twieled f’Leinster, fl-Irlanda, fl-ewwel nofs tas-seklu sitta. Meta kien għadu żagħżugħ, kellu ħafna tentazzjonijiet kontra s-safa. Biex jaħrab mit-tlellix tad-dinja, u fuq il-parir ta’ San Comgall, daħal patri fil-Monasteru ta’ Bangor, Ulster, mnejn wara ħajja monastika ħarxa ta’ 30 sena, bil-permess ta’ San Comgall, telaq missjunarju fi Franza madwar is-sena 585.

Hemmhekk, is-sultan tal-Borgonja, Gontram, tah biċċa art xagħrija li fuqha kien hemm il-kastell ta’ Annegray nofsu mwaqqa’. F’dan il-kastell San Kolumbanu waqqaf l-ewwel monasteru tiegħu. Tant iffjorixxa, li f’qasir żmien kellu jibni żewġ monasteri oħra, wieħed f’Luxeuil, u l-ieħor f’Fontaine.

Malajr twaqqfu monasteri oħra fi Franza, il-Ġermanja, l-Isvizzera u l-Italja. Ir-regola ta’ dan il-fundatur qaddis, u l-ikbar missjunarju Irlandiż fl-Ewropa, kienet ħarxa wisq iktar minn ta’ San Benedittu, u baqa’ josserva l-Għid u l-Liturġija “Ċelitika”, bħal Ġwanni l-Battista, ħadha bl-aħrax kontra l-iskandli tar-Re Teodoriku II tal-Burgundie, li fis-sena 610, keċċa lill-missjunarji Irlandiżi

Il-monasteri ta’ San Kolumbanu, bħall-monasteri l-oħra fl-Ewropa, kienu jservu bħala sptarijiet, lukandi rziezet, u postijiet ta’ kultura u tagħlim. Ir-regola li ppreskriva għall-monasteri tiegħu kellha bħal l-għan ewlieni l-imħabba t’Alla u tal-proxxmu, u kienet ibbażata fuq dixxiplina stretta ta’ talb, studju u xogħol.

Bħal San Pawl, Kolumbanu sofra l-għarqa, imma milqugħ mir-Re Teodobert II ta’ Neustria fil-belt ta’ Metz u mir-Re Agilulf tal-Lombardija, ippriedka l-ewwel, qalb il-Ġermaniżi qrib Bregenz u l-Għadira Kostanz, imbagħad l-Italja, fejn waqqaf l-Abbazija famuża ta’ Bobbio, fejn miet ta’ madwar 75 sena fil-21 ta’ Novembru, 615, u fejn jinsab meqjum il-fdal tiegħu.

Fost id-dixxipli tiegħu nsemmu biss lil San Gallo, fundatur tal-Abbazija (illum Katidral) ta’ dan l-isem fl-Isvizzera, li maż-żmien saret ċentru mill-aqwa ta’ arti, letteratura u mużika. Imma minħabba l-ħruxija tar-Regola ta’ San Kolumbanu, il-monasteri tal-ordni tiegħu lkoll spiċċaw biex ħaddnu r-Regola Benedittina.

San Kolumbanu sar wieħed mill-ikbar missjunarji Irlandiżi. Għalhekk jistħoqqlu ġieħ kbir għall-ħidma siewja li wettaq b’risq il-ħajja nisranija u reliġjuża.

Ħsieb: Issa li l-liċenzja sesswali pubblika qed issir estrema, neħtieġu l-memorja li l-Knisja tippreżentalna llum, ta’ żagħżugħ li ta kas tal-kastita’ tiegħu bħal Kolumbanu. U issa li d-dinja tal-Punent inqabdet fil-kumdità u tinsab f’kuntrast traġiku ma’ miljuni ta’ nies bil-ġuħ, neħtieġu l-isfida tal-awsterità u d-dixxiplina ta’ dan il-grupp ta’ patrijiet Irlandiżi. Forsi kienu stretti wisq, ngħidu; jew esaġeraw. Sa fejn għandna naslu?

Il-Madonna ġewwa Fatima qalet lit-tliet viżjunarji, fis-sena 1917, li l-biċċa l-kbira tal-erwieħ jintilfu fin-nirien tal-infern prinċipalment minħabba d-dnubiet kontra s-sitt u d-disa’ kmandamenti – jiġifieri d-dnubiet tal-impurità.

Peress li dan huwa l-periklu preżenti nixtieq niffukaw fuq strateġija spiritwali li nistgħu nużaw; pjan għall-ġenituri, żagħżagħ u anke tfal sabiex nevitaw il-periklu dejjem preżenti tal-attakki kontra l-purità, u jekk waqajna, biex nerġgħu mmorru b’kunfidenza għand il-Mulej b’qalbna kollha, bl-għajnuna tal-interċessjoni ta’ Ommna Marija – Omm is-Safa.

Armi Spiritwali biex tirbaħ il-Battalja favur is-safa

1. Armi ta’ Talb
Aħna dgħajfa, dgħajfa ħafna! Ġesù, fil-Ġnien taż-Żebbuġ, qal lill-Appostli, kif ukoll lid-dinja kollha, dawn il-kliem preċiżi: “L-ispirtu jrid imma l-ġisem huwa dgħajjef. Itolbu intom lkoll biex ma tidħlux fit-tiġrib”. (Mattew 26:40-41) Minflok it-talb, l-Appostli raqdu!

Ir-raġuni ewlenija għaliex wieħed jaqa’ f’xi dnub, imma speċjalment f’dak tal-impurità, huwa jew nuqqas ta’ talb jew talb batut u dgħajjef. Biex tirbaħ il-passjonijiet tal-ġisem u l-insinwazzjonijiet kostanti tad-dinja u t-tentazzjonijiet tax-xitan, trid titlob b’mod kostanti. Ġesù jistedinna b’dawn il-kliem: “Itolbu, u jingħatalkom…” (Mattew 7:7). Ejjew nitolbu lill-Mulej għad-don u l-virtù tas-safa.

2. Tilgħabx man-nar
Raġuni ewlenija għaliex ħafna jaqgħu fid-dnubiet tal-impurità hija minħabba li wieħed ma jagħmilx ħiltu kollha biex jevita l-okkażjonijiet tad-dnub. Il-Proverbju jgħid: “Min jilgħab man-nar, jinħaraq”. Irridu nużaw is-sens u l-prudenza komuni. Eżempju sempliċi: wara ikla sabiħa flimkien, l-għarus jistieden lill-għarusa fil-kamra tiegħu biex juriha xi affarijiet … bil-probabbilta’ lit-tnejn jaqgħu għat-tentazzjonijiet tax-xitan u għall-passjonijiet tal-ġisem!

3. Modesta’
Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħid li l-modesta’ hija l-gwardja tas-safa fil-ħajja. (2521-2524) Permezz tal-Magħmudija, ġisimna jsir t-tempju tal-Ispirtu s-Santu, iktar minn hekk, tempju tat-Trinità Qaddisa u wara t-Tqarbin, Tabernaklu ħaj tas-Sagrament Imqaddes. In-nisa m’għandhom qatt ikunu ta’ provokazzjoni jew ta’ okkażjoni tad-dnub għall-irġiel. U l-irġiel m’għandhomx jiġu skużati jekk ma jikkontrollawx għajnejhom.

Ikkunsidra kull statwa nobbli jew pittura tal-Madonna – Il-Madonna ta’ Guadalupe, Lourdes, Fatima – u żgur li tolqtok is-sbuħija tagħha tas-sema, flimkien mal-virtù tas-safa. Marija tista’ tkun il-mudell tagħna u tiggwidana, speċjalment fil-prattika tas-safa.

4. Penitenza
Ġesù stqarr: “Xi xjaten jistgħu jiġu mkeċċija biss permezz tat-talb u tas-sawm.” Fil-ħajja spiritwali tagħna, aħna bħal għasfur, imma msejħa biex inkunu bħall-ajkla li ttir fil-għoli, imma għandna bżonn żewġ ġwienaħ spiritwali li huma: it-Talb u l-Penitenza! Biex nirbħu l-passjonijiet tal-ġisem irridu nitolbu b’impenn, imma wkoll nitgħallmu l-arti tas-sawm u tal-penitenza. Il-qaddisin kollha jgħallmuna din il-lezzjoni b’mod ċar!

5. Evita l-Għażż
Bieb kbir u wiesa’ li jista’ jwassal għal dnubiet kontra s-safa, u huwa fil-fatt wieħed mill-Irjus tad-dnub il-mejta, huwa dak tal-Għażż. Idleness (laziness) is the workshop of the devil.

Il-qaddis kbir, edukatur u patrun taż-żgħażagħ, San Ġwann Bosco kien jesperjenza biża’ meta kienu jaslu l-vaganzi taż-żgħażagħ tiegħu. Fix-xhur tas-sajf iż-żgħażagħ ma kien ikollhom xejn x’jagħmlu! F’din l-istat ix-xitan malajr jidħol biex jittanta b’diversi modi u speċjalment kontra l-virtù tal-kastita’.

Waħda mir-raġunijiet primarji għalfejn tant żgħażagħ għandhom problemi serji bil-pornografija bl-użu tal-Internet u bl-abbuż personali, hija minħabba l-ħin liberu eċċessiv, id-dwejjaq u l-aċċess faċli għal siti impuri. San Bonaventura poġġieha fil-qosor: “Meta wieħed ikun qed jaħdem, ix-xitan jista’ jkun qiegħed hemm biex jittentah, imma meta wieħed ma jkollux x’jagħmel, numru kbir ta’ xjaten jkunu hemm lesti għalih”.

6. Użu tal-lingwa mhux xierqa
Dejjem u kullimkien irridu nikkontrollaw l-ilsien. San Ġakbu jgħidilna li “ħadd ma għandu ħila jimmansa l-ilsien; kollu deni, bla kwiet, mimli velenu li jġib il-mewt”. (Aqra San Ġakbu 3 – id-dnubiet tal-ilsien). Għalhekk, għandna nkunu attenti xi nkunu se ngħidu minn qabel ma ngħiduh, u attenti x’nisimgħu, speċjalment fir-rigward tas-safa.

Qatt m’għandu joħroġ minn xufftejn kliem maħmuġ, lingwaġġ mhux xieraq u ċajt pastaż u ħamallu. Warrab ukoll milli toqgħod tisma’ lingwaġġ bħal dan. Ġesù javżana li se nkunu ġġudikati fuq il-kliem kollu li jkun ħareġ minn fommna. Qatt ma għandna ninsew li aħna nirċievu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù fuq ilsienna; ilsienna jsir it-tron ta’ Ġesù, ir-Re tar-Rejiet u l-Mulej tagħna. Ejjew nitkellmu b’mod nobbli!

7. Viġilanza kostanti – speċjalment tal-għajnejn
Il-Papa Franġisku fil-messaġġi tiegħu dejjem qiegħed ifakkarna li għandna nżommu viġilanza fuq il-persuna tagħna. L-eżami tal-kuxjenza huwa importanti ħafna. Li filgħaxija wieħed jagħmel reviżjoni tal-ġurnata tiegħu, biex jara fejn żbalja u kif seta’ mexa b’mod iżjed għaqli, ħalli jgħix aħjar il-jum tal-għada, huwa indispensabbli għan-nisrani. U dan l-eżami, nistgħu faċilment napplikawh ukoll fejn tidħol is-safa.

8. L-Użu tas-Sagrament tal-Qrar (tar-Rikonċiljazzjoni)
Minkejja l-waqgħat tagħna, ma rridux nagħmlu bħal Ġuda u naqgħu fid-dnub tad-disprament, billi jkollna nuqqas ta’ fiduċja fil-ħniena infinita ta’ Ġesù. Għandna nirrikorru b’mod immedjat għas-Sagrament tal-Ħniena ta’ Alla, tal-Qrar li minbarra li tingħatalna l-maħfra hekk li nkunu nistgħu nibdew folja ġdida, ningħataw ukoll il-qawwa biex inkunu nistgħu nkomplu nikkombattu kontra d-dnub f’ħajjitna.

9. Tqarbin Frekwenti
Huwa ta’ importanza kbira jekk irridu nibqgħu f’saħħitna fejn tidħol is-safa, li nkabbru r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù fl-Ewkaristija. L-Ewkaristija Mqaddsa hija tassew, verament u sostanzjalment il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla l-ħaj.

Meta nirċievu lil Ġesù fit-Tqarbin, nirċievu:

  • l-Moħħ ta’ Ġesù, bil-memorja tiegħu li tippurifika l-ħsibijiet maħmuġin tagħna,
  • id-Demm ta’ Ġesù li jiċċirkola ġo l-ġisem kollu tagħna, permezz tal-vini u l-arterji,
  • il-Qalb l-aktar Imqaddsa ta’ Ġesù bl-iktar sentimenti nobbli tiegħu u
  • aktar minn hekk, aħna nirċievu s-safa assoluta tal-Qalb ta’ Ġesù.

10. Il-Madonna: Mudell u interċessura tagħna għall-virtujiet kollha
Naturalment ma nistgħux ma nsemmgħux lill-Madonna meta qed insemmgħu il-virtù tas-safa, l-Omm tal-imħabba pura. Tajjeb li nitolbuha tinterċedi għalina kif għamlet ma’ ħafna qaddisin li xxenqu għal safa dejjem akbar u b’talbha rnexxielhom jaslu għaliha.

U nagħlaq bi kliem Ġesù li qal: “Hienja dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw lil Alla” (Mattew 5:8) Ejjew ngħixu s-safa f’din il-ħajja kif għexha San Kolumbanu, sabiex li jasal il-waqt, inkunu nistgħu nikkontemplaw is-sbuħija tat-Trinità Qaddisa – mal-Madonna, l-anġli, u l-qaddisin kollha – għall-eternità!

Talba: O San Kolumbanu, li fil-ħeġġa tiegħek biex issegwi lil Kristu, ħallejt pajjiżek u qattajt ħajtek fit-tbatija u fl-eżilju, għin u pproteġi, nitolbuk, lill-missjunarji ta’ żmienna li ddedikaw ħajjithom biex jippridkaw l-Evanġelju madwar id-dinja. Itlob li jkollhom l-istess għerf u qawwa li biha għelibt il-perikli li ltqajt magħhom fit-triq, u dik il-fidi soda u mħabba tħeġġeġ li bihom sofrejt bil-ferħ il-privazzjonijiet ta’ din il-ħajja għall-imħabba ta’ Kristu. Assistina u pproteġina, għażiż San Kolumbanu, biex nistgħu ngħixu għall-glorja t’Alla, ħalli meta l-pellegrinaġġ tagħna jasal fi tmiemu, nistgħu naqsmu miegħek fil-ferħ tad-dar tagħna tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-columbanus-or-columban.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-columbanus-716

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Columbanus

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements