25 ta’ Novembru: Santa Katerina ta’ Lixandra

“Dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmluha, dawk huma ommi u ħuti”. ~ Ġesu’ f’Luqa 8:21

maxresdefaultSANTA KATERINA MINN LIXANDRA
Verġni u martri
? – 305

Tagħrif: Ma għandna ebda aħbar ta’ din il-qaddisa, la fil-letteratura u lanqas fil-liturġija, ħlief minn żewġ dokumenti tardivi, il-Passio u l-Conversio, ta’ madwar is-seklu tmienja. Skont dawn l-Atti tagħha, Katerina kienet ta’ nisel irjali ta’ Lixandra, kienet studjuża ħafna, u kienet semgħet bil-Kristjaneżmu.

Il-ktieb tal-Iskrittura kien il-Vade Mecum ta’ ħajjitha li fiha ltaqgħet ma’ Alla. L-ewwel lejl wara l-magħmudija kellha viżjoni, fejn saret għarusa mistika ta’ Ġesù quddiem il-Madonna.

Fil-persekuzzjoni ta’ Massenzju (Massiminu), Imperatur ta’ Lixandra, Katerina, ta’ 18, marret iċċanfru għat-tiranija tiegħu. L-imperatur ma kellux il-ħila jweġibha, u sejjaħ 50 għaref biex iweġbuha. Dawn ikkonvinċew ruħhom bl-argumenti tagħha u l-imperatur inkurlat, ħaraqhom għax saru nsara.

Katerina ħarġet rebbieħa, u Massenzju, wara li sawwatha, qafilha ġo ħabs. Wara dan telaq; iżda meta reġa’ ġie lura, sab li martu Fawstina marret iżżur lil Katerina fil-ħabs, u saret nisranija flimkien ma’ 200 suldat tal-għassa. Ġew kollha maqtulin, u lill-qaddisa kkundannawha biex tiġi maqtula b’rota mdawra bl-imsiemer.

Meta ġew biex joqtluha, il-ktajjen tagħha nħallu u r-rota nkisret, waqt li l-imsiemer taru fl-arja u qatlu xi wħud li kienu preżenti. Fl-aħħar qatgħulha rasha.

Kienu l-monaċi li ġarrew il-ġisem tagħha fil-knisja li l-Imperatur Ġustinjanu kien bena għad unur tagħha, u minn dak iż-żmien il-monasteru beda jissejjaħ ta’ Santa Katerina.

Ħsieb: Minn omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna (25 ta’ Novembru 2016) fil-festa ta’ Santa Katerina, fiż-Żejtun:

“Twieldet minn demm nobbli u l-għorrief u l-antiki jgħidulna li hi għażlet li titgħammed, ma tgħammditx ta’ tarbija imma d-deċiżjoni tagħha li tħaddan il-fidi Nisranija kienet deċiżjoni adulta, kienet frott riflessjoni profonda ta’ bniedma intelletwali u għarfa li ddeċidiet li fost tant proposti ta’ għerf, u sapjenza. Il-kelma ta’ Ġesù tagħmel ħafna sens. Ma tikkalpestax l-għerf tal-bniedem imma twasslu għall-milja tiegħu u mhux biss, l-għerf tal-bniedem tibdlu għall-perspettiva tal-eternita’. Mhux biss l-għerf ta’ Ġesù Kristu jagħżel risposta għall-ħajja ta’ din id-dinja, imma l-ħajja ta’ din id-dinja jilluminaha u jdawwalha mhux biss fil-wegħda imma bir-realtà tal-ħajja li ma tintemmx.

F’din il-belt hija tagħżel li titgħammed u l-isem tagħha jieħu sinifikat iżjed profond, għax l-isem tagħha jfisser ‘mara msoffija’, mara safja, mara pura, Katerina, huwa isem Grieg li jkompli jurina li Katerina twieldet u trabbiet fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran fl-Eġittu, imma f’belt Ellenika. Bil-Magħmudija Katerina twieldet mill-ġdid, issaffiet mid-dnub oriġinali, minn dnubietha kollha u bdiet dik il-ħajja li lil Kristu titgħarras miegħu fil-profond. Il-verġinità ta’ Katerina, qabel hija verġinità fiżika, hija verġinità spiritwali. Bil-Magħmudija hija ssir totalment ta’ Ġesù. L-esperjenza mistika tat-tieġ mal-Għarus tagħha hija esperjenza qawwija li tagħtiha sinjal profond, kważi karattru fir-ruħ tagħha.

Katerina hija dik li quddiem l-aggressjoni ta’ Massiminu l-Gvernatur ma tibżax. Ta’ tmintax-il sena bl-għerf tagħha, bir-rieda soda tagħha, taf tieqaf il-praspar, id-delużjonijiet, is-superstizzonijiet ta’ min irid ibegħdha minn Ġesù. Mhux hekk, tipperswadi, u tant tirrabja lit-tirann, li r-rebħa tagħha li hija rebħa ġwejda, rebħa li d-djalogu twassalha għas-saħħa tar-raġuni, ma jibqagħliex iżjed armi ħlief il-vjolenza.

Kemm-il darba aħna l-Insara quddiem il-loġika tal-Evanġelju, is-sabar li jgħallimna Ġesù l-istil ġwejjed tiegħu, niltaqgħu ma’ min għax m’għandux argumenti jitfa’ biss it-tajn, il-kalunnja u l-insulti. Imma l-Mulej fl-Evanġelju avżana: “Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabilkom. Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha iżda billi intom m’intomx tad-dinja għax jiena ħriġtkom mid-dinja, għalhekk id-dinja tobgħodkom” (Ġwanni 15:18-19). Mhux għal daqshekk se nibżgħu, mhux għalhekk se nibżgħu jew se niddejqu mill-fenomenu tal-blogs jew mit-tgħajjir, jew mill-minaċċi. Aħna nafdaw bħalma afdat Katerina fis-saħħa tal-kelma ta’ Ġesù, fid-djalogu rispettuż u profond. Ir-risposta tagħna la hija t-tgħajjir, ir-risposta tagħna la hija l-kalunnja, ir-risposta tagħna la hi vjolenza, ir-risposta tagħna hija l-għerf tas-Salib Imqaddes.

Allura l-martirju ta’ Santa Katerina għad-dinja, għal Massiminu li mbagħad spiċċa suiċida fis-sena 316, spiċċa ħażin, u ngħidlu miskin, imma kien magħruf li kien feroċi. Qalb Katerina it-trijonf għan-nies tad-dinja ta’ żmienha kien falliment, bħalma jgħid Ktieb il-Għerf: “il-mewt għat-tajbin qisha falliment imma huma jikbru fil-glorja”. Il-martirju tagħha f’dan il-falliment tad-dinja, li min m’għandux iżjed argumenti, joqtlok l-ewwel bl-ilsien, imbagħad bis-sejf – hija rebħa – ir-rebħa ta’ min jagħti ħajtu għal Ġesù, ta’ min jixhed li r-rebħa hi tal-Mulej imsallab u rxuxtat.

Dan ukoll huwa, skont it-tradizzjoni, il-jum tal-martirju tagħha. Il-jum tal-25 ta’ Novembru tas-sena 305. Avveniment storiku – jista’ jkun imżewwaq bit-tradizzjoni – imma fatt storiku. M’aħniex qed nitkellmu fuq ħlejjaq jew ħrejjef tal-bnedmin, qegħdin nitkellmu fuq persuna storika, qegħdin nitkellmu fuq devozzjoni antika li l-providenza riedet li tkun marbuta wkoll mal-iżjed għolja qaddisa li hawn fid-dinja, fuq is-Sinaj, fejn hemm ukoll il-ġebel Katerin, fejn hemm il-monasteru ddedikat lilha. Huwa monument protett minn dejjem mill-umanità. Ħaġa interessanti, qrajt m’ilux li tant kienet qawwija d-devozzjoni lejn Santa Katerina fuq il-monasteru tas-Sinaj li l-istess Mohammed, il-fundatur tal-Islam, ta privileġġ ta’ protezzjoni lill-monasteru.

Hemm bżonn tbiddel il-qalb tagħna, hemm bżonn tbiddel il-mod kif naġixxu, kif nitkellmu, kif inħobbu u din hija t-talba tiegħi li intom tħarsu lejn Katerina titolbuha li tnissel fikom dak l-għerf li ġej mis-salib ta’ Ġesù għax min m’għandux salib għandu domna. Għandna bżonn nitgħallmu minnha d-don tal-paċenzja, id-don tal-għerf, id-don tax-xhieda li hija wkoll il-martirju”.

Talba: Maħbuba Santa Katerina, nitolbuk tinterċedi għalina u żżommna taħt il-ħarsien tiegħek, fil-ferħ u n-niket tagħna, fil-mard, fl-istudju u fil-ħidma tagħna. La tħallina qatt nitbieghdu minn Ġesu’, għax nixtiequ nħobbuh bħalma ħabbejtu int. Ammen. (Addattata minn talba ta’ Alexander Tanti)

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-catherine-of-alexandria.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-catherine-of-alexandria-398

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_of_Alexandria

 

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa meħud minn Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna (25 ta’ Novembru 2016) fil-festa ta’ Santa Katerina, fiż-Żejtun.

Advertisements