3 ta’ Diċembru: San Franġisk Saverju

Verżjoni Vidjo: San Franġisk Saverju

“Il-ħsad kbir, imma l-ħaddiema ftit; itolbu mela lil Sid il-ħsad, biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Intom tiksbu qawwa, meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, u tkunu xhud tiegħi sa truf l-art”. ~ Ġesu’ f’Mattew 9:38 u f’Atti 1:8

St. Francis Xavier (2)SAN FRANĠISK SAVERJU
Saċerdot
1506 – 1552

Tagħrif: Dan il-qaddis jista’ jitqies bħala wieħed mill-akbar missjunarji tal-Knisja, uħud iqabbluh mal-appostlu San Pawl. Minħabba f’hekk ġie maħtur Patrun tal-Missjonijiet. Bħall-missier spiritwali tiegħu Sant’Injazju minn Loyola, Franġisk kien Spanjol ta’ razza Baska. Kellu f’moħħu li jagħmel isem bħala studjuż magħruf u duttur tal-filosofija.

San Franġisk Saverju twieled ħdejn Pamplona, Spanja, fil-Kastell Xavier, fis-7 ta’ April 1506. Fl-1524, daħal l-Universita’ ta’ Pariġi biex jistudja l-filosofija, u ħa l-Grad mill-Kulleġġ ta’ Santa Barbara. Hawn iltaqa’ u sar ħabib ma’ San Injazu ta’ Loyola.

Ta’ 28 sena ċeda għall-ideali għoljin t’Injazju, wara li kien ilu jgħix fl-istess kamra miegħu u mal-Beatu Pietru Favre fl-Università ta’ Pariġi għal erba’ snin. Fl-1537, San Franġisk flimkien ma’ San Injazju u erba’ Ġiżwiti oħra kien ordnat saċerdot f’Venezja. Hu sar wieħed mill-ewwel sitt kumpanni ta’ San Injazju li ħadu l-voti f’Montmartre, fl-1534. San Injazju kien jgħidlu: “Franġisk, x’jiswielek li tirbaħ id-dinja kollha, imbagħad titlef ruħek?”

Fl-1540, San Injazju talab lil Franġisku biex imur ma’ Patri Simon Rodriguez bħala l-ewwel missjunarji Ġiżwiti fl-Indja. Seba’ Ġiżwiti ntagħżlu għall-missjoni, iżda fl-aħħar minuta Franġisk kellu jieħu post wieħed minnhom li ma setax jagħmel il-vjaġġ. “Ix-xogħol f’idejk!”, qallu Injazju. Franġisk kellu jħalli Ruma għall-Portugall fi żmien 24 siegħa. Hu aċċetta bil-ferħ u beda jraqqa’ qalziet qadim u suttana biex jeħodhom miegħu. F’dan kollu wera faqar, sempliċità u tfittxija għar-rieda ta’ Alla fl-ubbidjenza u t-talb li kkaratterizzaw il-ħidma tiegħu fil-missjoni.

Fl-1541, maħtur bħala Nunzju Appostoliku tal-Lvant, Franġisku telaq lejn l-Indja. Wara vjaġġ twil u diffikultuż li dam tlettax-il xahar wasal Goa li kienet kolonja Portugiża, f’Mejju tal-1542. Ħadem bla heda matul il-kosta tal-Indja u għammed numru kbir ta’ Indjani. Huwa żar Cape Camorin, Malabar, Travancor, Malakka, Molukkas ħdejn New Guinea u Montai ħdejn il-Filippini. Matul l-għaxar snin ta’ xogħol fil-missjonijiet hu vvjaġġa fil-biċċa l-kbira tal-Lvant imbiegħed bħala nunzju papali u superjur Ġiżwita. Hu ħalla warajh f’kull post li għadda knejjes jiffjorixxu, li diversi minnhom komplew sa żminijietna.

Meta kien fil-Malakka ltaqa’ ma’ Ġappuniż maħrub li tah l-idea li jmur il-Ġappun. Fil-15 ta’ Awwissu 1548 daħal il-Ġappun u bil-għajnuna ta’ Ġappuniżi kkonvertiti huwa qaleb fil-Ġappuniż xi tagħlim nisrani u kien jippriedka kif jista’. Dam sentejn fil-Ġappun. Għamel madwar 2000 Ġappuniż nisrani li kellhom ikunu l-pedament tal-Knisja fil-Ġappun. Ħalliehom fil-kura ta’ Patri Cosmas u Fratell Fernandez, u rritorna fl-Indja fl-1551, meta nħatar l-ewwel Provinċjal tal-Ġiżwiti fl-Indja u fil-Lvant.

B’xewqa kbira li jwassal il-Vanġelu fiċ-Ċina li dak iż-żmien kienet magħluqa għall-barranin, Franġisku mar f’Sancian, gżira żgħira ħdejn Hong Kong, ftit ‘il bogħod miċ-Ċina. Imma Franġisk marad u miet bla ma laħaq irċieva s-sagramenti u mingħajr difna nisranija, waqt li kien fuq il-gżira ta’ Sancian, ħdejn Hong Kong, jistenna lil wieħed negozjant li wegħdu li kellu jdaħħlu bil-moħbi fiċ-Ċina. Kien fit-3 ta’ Diċembru 1552, fl-eta’ ta’ 46 sena.

Għaxar ġimgħat wara, fetħu t-tebut u sabu li ġismu kien għadu talekwale. Wara ħaduh fil-Malakka, u minn hemm lejn Goa kważi sena wara mewtu, fejn it-tobba ċċertifikaw li ġismu kien għadu bla mittiefes. U hemm għadu miżmum fil-knisja ta’ Ġesù.

San Franġisk Saverju kien iddikjarat qaddis, flimkien ma’ Sant’Injazju ta’ Loyola fl-1662 mill-Papa Girgor XV. Flimkien ma’ Santa Tereża ta’ Lisieux hu l-Patrun tal-Missjonijiet.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mill-Ittra tas-saċerdot San Franġisk Saverju lil San Injazju:

“Morna nduru l-irħula fejn joqogħdu xi nsara ġodda li f’dawn l-aħħar snin ħadu s-Sagramenti Mqaddsa. F’din l-art ma ssibx Portugiżi, għax hi art ħawlija u fqira mill-iżjed; l-insara tal-post huma nieqsa mis-saċerdoti, u ma jafux ħaġ’oħra ħlief li huma nsara. Ma għandhomx min jaqdihom fit-triq ta’ Alla; ma għandhomx min jgħallimhom il-Kredu, il-Missierna, is-Sliema u l-Kmandamenti ta’ Alla.

Għalhekk minn x’ħin wasalt hawn ma waqaft xejn: dort dawra sewwa mal-irħula, u għammidt it-tfal kollha li kienu għadhom bla magħmudija. Għammidt għadd kbir ta’ trabi li, kif jgħidu, ma jafux x’għandha x’taqsam idhom il-leminija max-xellugija. It-tfal ma kinux jitilquni qabel ma nkun għallimthom xi talba: u la kienu jħalluni ngħid l-uffiċċju divin, la niekol u lanqas nistrieħ. Kont inħoss tassew li ta’ min hu bħalhom hija s-saltna tas-smewwiet.

Għalhekk rajt li kien ikun nuqqas kbir tiegħi kieku kelli niċħdilhom ħaġa tajba bħal din li kienu jitolbuni; bdejtilhom mill-istqarrija tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u ħeġġiġthom jgħidu l-Kredu, il-Missierna, u s-Sliema. Intbaħt x’dehen kbir għandhom; ma għandi ebda dubju li kienu jkunu nsara mill-aħjar kieku kellhom min jgħallimhom sewwa l-katekiżmu.

F’ħafna minn dawn il-postijiet, in-nies waħda żżommhom li ma jsirux insara: għax ma hawnx min jagħmilhom insara. Sikwit jiġini f’moħħi li mmur indur mal-universitajiet tal-Ewropa, l-aktar ta’ Pariġi, niġri ġirja magħhom u naqbad ngħajjat qisni wieħed iblah, biex inqanqal lil dawk li għandhom iktar għerf milli mħabba, u ngħidilhom: “Jaħasra, kemm erwieħ minħabba n-nuqqas tagħkom qegħdin jibqgħu barra mis-sema u jimlew l-infern!” Daqskemm huma moħħhom fl-għerf, daqshekk ieħor kellhom bżonn iżommu din il-ħaġa quddiem għajnejhom ħalli jkunu jistgħu jagħtu lil Alla kont tajjeb tal-għerf u t-talenti li ħadu.

Imma tabilħaqq, kien hemm ħafna fosthom li tqanqlu b’dan il-ħsieb; immeditaw fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, ħabirku biex jisimgħu x’kien qiegħed jgħidilhom il-Mulej ġewwa fihom, tefgħu wara spallejhom il-ġid tad-dinja u l-ġibdiet tagħha, u ngħataw kollhom kemm huma biex jagħmlu r-rieda ta’ Alla u dak li jogħġob lilu. Mhux li kienu jgħajjtu wkoll minn qiegħ ruħhom: Hawn jien, Mulej; xi tridni nagħmel? Ibgħatni kull fejn jogħġbok, mqar fl-Indja”.

Kristu bagħatna u qalilna: “Morru għallmu ‘l ġnus kollha.” Mhux bil-fors irridu nħallu x-xtut tagħna. Nistgħu nagħmlu hekk fid-dar tagħna, mal-mara, mar-raġel, mat-tfal, fuq il-post tax-xogħol jew tad-divertiment. Ngħallmu mhux biss b’fommna iżda wkoll bil-kitba, bl-imġiba tagħna, b’daqxejn ta’ għajnuna, nisimgħu bis-sabar, nuru li qed nagħtu kas, nagħtu ftit mill-ħin tagħna għal ħaddieħor. San Franġisk ta ħinu kollu. Int kemm ser tagħti minnek innifsek?

Talba: O kbir Alla ta’ dejjem, nirringrazzjawk għall-qaddej tiegħek San Franġisk Saverju, li int sejjaħt biex ixandar l-Evanġelju lin-nies tal-Asja. Qajjem nitolbuk, f’din u fuq kull art, ħabbara u evanġelisti ta’ saltnatek biex il-knisja tiegħek tipproklama il-ġid bla qies tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu. Bl-istess Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/stfrancis-xavier.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-francis-xavier/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_Xavier

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.