4 ta’ Diċembru: San Ġwann Damaxxenu

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Damaxxenu

“Urini l-ikoni li inti tqim, biex jien nista’ nifhem il-fidi tiegħek”. ~ San Ġwann Damaxxenu

Agios_Ioannis_DamaskinosSAN ĠWANN DAMAXXENU
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
674? – 749?

Tagħrif: San Ġwann twieled għall-ħabta tas-sena 674, f’Damasku, il-belt ewlenija tas-Sirja. Missieru, li kien uffiċjal fid-Dipartiment tal-Finanzi tal-belt ta’ Damasku, xtaq jagħti edukazzjoni tajba lil ibnu, u fdah f’idejn patri Kożma.

Taħt patri Kożma ż-żagħżugħ għamel progress ġmielu kemm fix-xjenza reliġjuża u kemm fix-xjenzi profani.

Meta l-Insara tilfu l-kontroll ta’ Damasku, u l-Musulmani ħadu t-treġija tal-belt f’idejhom, missieru kompla jservi lill-Gvern Musulman. Hu mifhum li Ġwanni laħaq flok missieru.

Meta l-Musulmani bdew inaqqru d-drittijiet reliġjużi tal-Insara, Ġwanni ddeċieda li jkun jaqbel iktar għal ruħu u għall-ġid tal-komunita’ nisranija li jirriżenja mill-post li kellu mal-Gvern, u daħal fil-monasteru ta’ San Saba, ħdejn Ġerusalemm, għall-ħabta tas-sena 715, u sar saċerdot.

Fis-sena 726 l-Imperatur tal-Lvant, Ljun minn Iżawrja, ikkundanna l-użu tax-xbihat reliġjużi mill-Insara. San Ġwann mill-ewwel ħadha kontra dan l-indħil minn Gvern sekular f’materji reliġjużi. Hu sostna li l-insara kellhom kull dritt li jirrapreżentaw lil Ġesù, lill-Madonna u lill-Qaddisin permezz ta’ stampi u xbihat. Minħabba f’hekk Ġwanni ġibed fuqu l-korla tal-Imperatur, u tas-suċċessur tiegħu Kostantinu Kopronimu. Ġwanni kiteb ħafna wkoll kontra ereżija oħra li kienu qed iħabbtu l-Knisja f’dawk iż-żminijiet.

Fost il-kitbiet tiegħu nsibu wkoll l-opri “Il-Għajn tal-Għerf”, “Dwar l-Ereżija”, “Tifsir bir-reqqa tal-Fidi Nisranija”, u bosta omeliji sbieħ fuq Marija, l-Omm t’Alla. Hu kien teologu brillanti, poeta u kittieb mill-aqwa u oratur elokwenti, tant li qala’ l-isem ta’ “Kriżorroas” (Xmara tad-deheb). Huwa l-aħħar wieħed fost is-Santi Padri Griegi.

Miet fl-4 ta’ Diċembru tas-sena 749. Il-kamra li fiha għex għadha ppreservata fil-monasteru tiegħu ħdejn Ġerusalemm. Il-Papa Ljun XIII iddikjarah Duttur tal-Knisja, fl-1890.

Ħsieb: San Ġwann Damaxxenu huwa famuż għax iddefenda l-għarfien tal-Knisja dwar il-venerazzjoni ta’ xbihat u spjega l-fidi tal-Knisja f’diversi kontroversji oħra. Għal aktar minn 30 sena, huwa kkombina ħajja ta’ talb ma’ dawn id-difiżi u l-kitbiet l-oħra tiegħu. Il-qdusija tiegħu esprimiet ruħha fit-tqegħid tat-talenti letterarji flimkien ma’ dawk tal-predikazzjoni għas-servizz tal-Mulej.

Il-Konċilju Ekumeniku ta’ Niċea II (887), fakkar it-tagħlim ta’ Missirijiet il-Knisja dwar l-ikoni, u l-aktar dwar it-tagħlim ta’ San Ġwann Damaxxenu, li tant iddefenda l-venerazzjoni lejn l-ikoni kontra l-kurrent tal-ikonoklasti li riedu jeqirdu x-xbihat qaddisa. L-ikona, skont dan it-tagħlim, fiha teoloġija, jew aħjar, titkellem dwar Alla ma min iħares lejha b’qima u fidi. L-ikona ssir sagrament, sinjal li jidher ta’ misteru. Il-qofol ta’ dan il-misteru li jiġi rivelat fl-ikona hu l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, li x-xbieha qaddisa tirrappreżenta episodji mill-ħajja tiegħu, jew mill-ħajja ta’ qaddisin li ntrabtu ma’ Kristu b’mod speċjali.

Ir-regola tad-deheb tal-ikona hi x-xebħ perfett (identità) tal-ikona mal-persuna li tirrappreżenta, hekk li nistgħu nsejħu l-ikona ritratt ta’ qdusija. L-iskop tal-ikona hu li jdaħħal lil min iħares lejha fis-sens ta’ qima lejn il-misteru, imma wkoll li jgħinu fl-imitazzjoni tal-persuna qaddisa raffigurata.

L-ikonografu jpitter l-ikona fi spirtu ta’ talb u sawm. Għandna l-eżempju ta’ ikonografu qaddis Russu, Sant’Andreij Rublev, awtur famuż tal-ikona tat-Trinità. Fl-ikona kollox jitkellem, u hemm regoli ta’ teknika, użu ta’ kuluri u atteġġjamenti tax-xbihat qaddisa li jiġu raffigurati. Fuq kollox l-ikona qatt ma għandha l-iskop li żżejjen il-post qaddis, imma pjuttost hi oġġett ta’ qima fil-liturġija u t-talb privat tal-insara. Hawnhekk tinsab id-differenza radikali bejn ix-xbihat qaddisa fl-Orjent u l-arti sagra tagħna l-Oċċidentali, li ħafna drabi ħarisna aktar lejn l-aspett estetiku tar-raffigurazzjonijiet artistiċi tal-knejjes tagħna milli lejn l-aspett liturġiku, kateketiku u devozzjonali li għandu jkun il-bażi ta’ kull raffigurazzjoni sagra.

Biex wieħed japprezza l-Ikona, irid jifhem li din ma ssirx biex inħarsu lejha u nammiraw is-sbuħija u s-sengħa ta’ min għamilha. Kull ikona trid twassal messaġġ, iġġibna wiċċ-imb-wiċċ mal-misteru ta’ Alla. Napprezzawha kemm-il darba naqrawha b’għajnejn qalbna u nimmeditawha. Hija “ktieb” spiritwali. Eżempju, l-ikonografu li pinġa l-Kurċifiss ta’ San Damjan, ħa l-ispirazzjoni tiegħu mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.

  • U inti, tħalli l-ikoni, is-santi jew l-istatwi, ifakkruk li ruħ waħda għandek u li l-bżonnijiet ta’ ruħek għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox fil-ħajja?
  • Timmedita ta’ spiss bl-użu ta’ ikoni, santi jew statwi, kemm ħabbna l-Mulej tant li sab bniedem bħalna u lejn l-aħħar ta’ ħajtu, bata biex ipatti għad-dnubiet tagħna l-bnedmin?
  • Tipprova tgħix fuq l-eżempju tal-Mulej, tal-Madonna u tal-Qaddisin li tagħhom tqim ix-xbihat?

Talba: O Mulej, bit-tagħlim u l-eżempju ta’ ħajtu, San Ġwann Damaxxenu wriena li l-iktar xogħol importanti f’ħajjitna hu li nieħdu ħsieb ruħna billi ninsġu ħajjitna f’għaqda kontinwa miegħek. Agħtina, nitolbuk, għat-talb tiegħu għalina, li nużaw xbihat qaddisa bil-mod kif tixtieqna int, biex hekk naslu għal dik il-qdusija li trid tara fina. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-john-of-damascus.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-john-of-damascus-407

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_of_Damascus

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.