7 ta’ Diċembru: San Ambroġ

“Waqt li ma kontx nimpressjona ruħi mill-essenza ta’ tagħlimu, tqanqalt mill-ħlewwa ta’ kliemu”. ~ Dan il-kliem dwar San Ambroġ, qalu Santu Wistin għal meta kien għadu eretiku. 

St_AmbroseSAN AMBROĠ
Isqof u Duttur tal-Knisja
340? – 397

Tagħrif: San Ambroġ twieled fi Treviri, il-Ġermanja, minn familja aristokratika Rumana, fis-sena 340 jew ta’ qabilha.

Wara l-mewt ta’ missieru, ommu mat-tliet itfal li kellha, reġgħet lura f’Ruma. Ambroġ li kien l-iżgħar, kien għadu żgħir.

San Ambroġ irċieva edukazzjoni tajba mingħand ommu u mingħand oħtu Santa Marċellina, studja l-Grieg, sar poeta u oratur tajjeb. Meta kellu madwar 28 sena sar avukat fejn kiseb isem kbir. L-Imperatur Valentinjanu għaraf l-abilta’ tiegħu u ħatru Gvernatur ta’ Ligurja u Emilja, fis-sena 372.

Fis-sena 374, l-Isqof ta’ Milan, li kien Arjan, miet. Biex jagħżlu suċċessur tiegħu l-Insara li kienu maqsumin f’Kattoliċi u Arjani, ma setgħux jiftiehmu bejniethom lil min jagħżlu. Biex iġib il-paċi, Ambroġ mar il-knisja biex jindirizza l-ġemgħa. Waqt li kien qed jitkellem, xi ħadd għajjat: “Ambroġ Isqof”. F’daqqa waħda, kulħadd, kattoliċi u Arjani bdew jgħajtu l-istess. Ambroġ li lanqas biss kien għadu tgħammed, irrifjuta, iżda b’insistenza qawwija mill-Imperatur, kellu jaċċetta u fi żmien qasir ġie mgħammed u kkonsagrat Isqof ta’ Milan, fis-7 ta’ Diċembru 374, meta kellu mal-35 sena.

San Ambroġ qeda dan il-ministeru tiegħu b’reqqa tal-għaġeb, l-aktar bl-imħabba li wera lejn kulħadd. Kien ukoll difensur kbir tal-Knisja u t-tagħlim tagħha. Bil-kitba u bl-għemil ħadha bil-qawwa kollha kontra l-Arjani biex iħares il-Fidi. Kien Isqof tassew kuraġġuż u qaddis, għex ħajja sempliċi u fl-istess ħin awstera.

Kien jikkonverti lil ħafna nies tant li permezz tiegħu ftit li xejn kienu baqgħu Arjani fid-Djoċesi tiegħu. L-ikbar konverżjoni kienet dik ta’ Santu Wistin fis-sena 387.

Meta l-Imperatur Valentinjanu ried jindaħal fl-affarijiet tal-Knisja, l-Isqof Ambroġ ipproklama: “L-Imperatur huwa fil-Knisja, mhux fuqha”.

Kien l-ewwel fost il-Padri tal-Knisja li uża l-Latin b’tali effett li sar l-ilsien uffiċjali tal-Knisja tal-Punent. Miet nhar Sibt il-Għid, 4 ta’ April 397, fil-għomor ta’ madwar 57 sena.

Ħsieb: Dan li ġej huwa Qari mill-Ittri tal-isqof San Ambroġ:

“Int ħadt fuqek id-dmir ta’ qassis, inxtħett bilqiegħda fil-poppa tal-Knisja, u qiegħed trieġi d-dgħajsa fuq il-mewġ. Żomm sewwa t-tmun tal-fidi, biex il-ħalel kbar ta’ din id-dinja ma jkollhomx ħila jħawwduk. Tassew li l-baħar kbir u miftuħ, iżda xejn la tibża’, għax hu fuq l-ibħra waqqafha, u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħidha.

Għalhekk, fost it-taqlib ta’ din id-dinja, il-Knisja tal-Mulej mhux bix-xejn tibqa’ fis-sod: hija mibnija fuq il-blata tal-appostli u fuq dawn is-sisien qawwija tieqaf kontra l-ħalel tal-baħar imqalleb. Il-mewġ jitla’ għaliha, imma hi xejn ma titheżheż; u għalkemm sikwit l-elementi ta’ din id-dinja jaħbtu fuqha bi ħsejjes kbar, hija għandha port tassew żgur ta’ salvazzjoni biex fih tilqa’ lill-imħabbtin. Iżda barra milli hi dgħajsa miexja f’wiċċ il-baħar, hi wkoll tiġri fix-xmajjar; m’iniex ngħid iżjed għal dawk ix-xmajjar li fuqhom hemm miktub: Jgħollu x-xmajjar leħinhom. Għax hemm xmajjar oħra, ħierġa minn min imur għand Kristu u jixrob u jirċievi l-Ispirtu s-Santu. Dawn mela huma x-xmajjar li jgħollu leħinhom meta jfuru bil-grazzja spiritwali.

Hemm xmara li tiġri mimlija u ħafifa fil-qaddisin tiegħu, xmara li s-swieqi tagħha jferrħu r-ruħ ta’ min hu fl-heda u s-sliem. Kull min jieħu mill-milja ta’ din ix-xmara jgħolli leħnu, kif għamel Ġwanni l-evanġelista, kif għamlu Pietru u Pawlu; u huwa jibda jxandar il-bxara t-tajba ta’ Sidna Ġesù, bħalma l-Appostli għollew leħen qawwi u xandru l-evanġelju lid-dinja kollha minn tarf għall-ieħor.

Imtela minn Kristu, ħalli int ukoll issemma’ leħnek. Ħu mill-ilma ta’ Kristu, dak l-ilma li jfaħħar lill-Mulej. Imla l-ilma minn kull fejn jinżel minn ġos-sħab tal-profeti.

Min jiġbor l-ilma tal-muntanji, min itella’ jew jieħu l-ilma tal-għejun, huwa wkoll isir qisu sħab li jniżżel ix-xita. Mela fawwar ħdan ruħek bl-ilma, biex l-art tiegħek ikollha t-tira u tissaqqa mill-għejun it-tajba.

Jekk xi ħadd jaqra ħafna u jifhem, dan jimtela; u, wara li jimtela hu, isaqqi lil ħaddieħor ukoll; għalhekk tgħid l-Iskrittura: Jekk is-sħab jimtela, iniżżel ix-xita fuq l-art.

Ħa jkunu d-diskorsi tiegħek ilma ġieri, ħa jkunu safja u ċari, biex bit-taħbit tajjeb tiegħek ixxerred il-ħlewwa f’widnejn il-bnedmin, u l-grazzja ta’ kliemek tħoll il-poplu biex minn rajh jimxi fejn tmexxih int.

Kun ta’ dehen kbir fid-diskorsi tiegħek. Għalhekk Salamun jgħid li xufftejn l-għaref huma l-armi tad-dehen; u ximkien ieħor iwissik ukoll biex xufftejk ikunu marbuta mal-għaqal, jiġifieri, il-ħwejjeġ li tfisser bi kliemek għandhom ikunu mimlija bid-dawl biex dehnek ikun jiddi, u fit-taħdit u d-diskorsi li tgħid ma jkollokx bżonn min jagħmilha ta’ avukat difensur tiegħek; għax kliemek ikun jaf jiddefendi ruħu bil-mezzi tiegħu stess, u ebda kelma minn tiegħek ma toħroġ fil-fieragħ jew bla sens”.

  • U inti kemm tixbħu lil San Ambroġ f’li titkellem bil-ħlewwa wkoll ma’ dawk li ma jkunux jaqblu miegħek? Qatt m’għandna nkellmu lil ħadd bil-herra, imma dejjem bil-ħlewwa.

Talba: O Alla, int għamilt lil San Ambroġ mgħallem tal-fidi kattolika u eżempju ta’ qawwa appostolika; ibgħat fil-Knisja tiegħek bnedmin skont qalbek biex imexxuha bil-qawwa u bl-għerf. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-ambrose.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-ambrose/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Ambrose

 

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements