8 ta’ Diċembru: It-Tnissil Bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija

Verżjoni Vidjo: It-Tnissil Bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija

“Niċċelebraw it-Tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija: naduraw lil Kristu Sidna, Binha.” ~ Antifona tad-dħul mil-Liturġija tas-Sigħat tas-Solennita’ tat-Tnissil Bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija

NossaSenhoraDaConceicao2IT-TNISSIL BLA TEBGĦA TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

Tagħrif: Il-festa solenni tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Madonna li tiġi disa’ xhur qabel il-festa tat-twelid tagħha fit-8 ta’ Settembru, tfakkarna fit-twemmin nisrani li l-Madonna kienet meħlusa minn kull tebgħa tad-dnub oriġinali sa mill-bidu nett tat-tnissil tagħha fil-ġuf ta’ ommha, Sant’Anna, bis-saħħa tal-merti li kellu jikseb Ġesù. Għalhekk it-Tnissil bla Tebgħa tal-Madonna kien jiddependi mill-merti ġejjiena ta’ Binha Ġesù, għad li fi żmien sar qabilhom.

Billi Marija kienet il-magħżula ta’ Alla biex tkun Omm Ġesù, Alla żejjinha bi grazzi u rigali speċjali. Bħala Eva ġdida, hi ġabet ħajja ġdida fid-dinja permezz tal-Iben Divin tagħha.

Din il-festa kienet ilha tiġi ċċelebrata fil-Knisja tal-Lvant sa mis-seba’ seklu, u daħlet fil-Knisja tal-Punent fid-disa’ seklu. L-ewwel li għallmu d-duttrina tat-tnissil bla tebgħa ta’ Marija kienu Eadmer ta’ Canterbury u l-Patri Franġiskan Dun Scotus.

Fl-1854, il-Papa Piju IX ipprokklamaha bħala domma tal-Fidi. Fl-1858, f’Lourdes il-Madonna kkonfermat id-domma meta stqarret hi stess lil Santa Bernardina: “Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni”.

Ħsieb: Dan li ġej huwa Qari mid-Diskorsi tal-isqof San Anselmu, bit-titlu: ‘Verġni, il-barka tiegħek hi barka għal kulħadd’:

O Verġni mbierka fuq li mbierka, il-barka tiegħek hi barka għal kulħadd għax bik jitbierek mhux biss il-ħolqien mill-Ħallieq iżda wkoll il-Ħallieq mill-ħolqien!

Alla minn ġo qalbu nissel lil Ibnu l-waħdieni u daqsu, ħabbu bħalma ħabb lilu nnifsu, u tah lil Marija: u minn Marija għamel għalih iben li kien l-istess wieħed, mhux ieħor; b’hekk wieħed hu l-iben naturali tat-tnejn, ta’ Alla u ta’ Marija. Il-ħolqien kollu ħareġ minn idejn Alla, u Alla twieled minn Marija. Alla ħalaq kollox, u Marija nisslet ‘l Alla. Alla għamel kollox, u hu għamel lilu nnifsu minn Marija; u b’hekk ġedded kull ma kien għamel. Dak li bis-setgħa tiegħu għamel il-ħlejjaq kollha mix-xejn, wara li tħassru ma riedx iġeddidhom mingħajr Marija.

Għalhekk Alla hu missier il-ħolqien, Marija omm il-ħolqien il-ġdid. Alla hu missier it-tqegħid ta’ kollox, Marija omm it-twaqqif mill-ġdid ta’ kollox. Alla nissel lil dak li bih sar kollox, Marija wildet lil dak li bih ġie salvat kollox. Alla nissel lil dak li mingħajru ebda ħaġa ma teżisti. Marija wildet lil dak li mingħajru ebda ħaġa ma hi sewwa.

Tassew il-Mulej miegħek, Marija, int li, bil-grazzja li tak hu, il-ħlejjaq kollha saru tant midjuna lejk talli reġgħu ngħaqdu miegħu”.

Hekk kif Alla għamel li l-Madonna tkun bla dnub xejn biex tkun tista’ tilqa’ ġo fiha lil Ġesù, hekk jixtieq li aħna wkoll nagħmlu l-parti tagħna mill-aħjar li nistgħu biex inneħħu kull dnub minn ġo fina qabel nitqarbnu ħalli nkunu denji li nirċievu l-Ġesù Ewkaristija kif tassew jixraq.

Imma f’hiex tikkonsisti l-qdusija ta’ Marija? Il-kobor ta’ Marija quddiem Alla hija l-IVA tagħha biex twettaq dak li xtaq minnha Hu u din l-iva baqgħet ittenniha anki jekk qalbha ġiet minfuda bis-sejf tan-niket. Iva, tassew jixirqielha kull qima u tifħir.

  • Imma x’tip ta’ qima tistenna minn għandna din l-Omm tagħna tas-Sema?
  • Forsi trid il-briju u piki tal-festi fil-jum iddedikat għaliha?
  • Mhux aktar tridna nersqu lejn Binha, nindmu minn dnubietna u nirċievu s-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin b’mod frekwenti?
  • Mhux li nimitaw il-virtujiet tagħha, b’mod speċjali dik tal-umilta’ u d-dispożizzjoni tagħha li tisma’ l-Kelma t’Alla u twettaqha?
  • Kemm qed nagħtu widen għall-Kelma t’Alla fil-Bibbja?
  • Mhux li ngħixu ħajja ta’ talb bħalha u ningħaqdu magħha fit-talba tant għal qalbha tar-Rużarju?
  • Kemm qed nixbhu lil Ommna li tiddi bil-barkiet għax kienet lesta li tħobb lil Alla, akkost ta’ kull sagrifiċċju u tbatija personali li wassalha sal-Kalvarju?

Illum tinsab glorjuża, għax ħadet il-prempju li stħaqqilha. Il-qima vera li tixtieq minn għandna hi prinċiparjament dik li bħalha ngħixu dak li Alla kkmandana.

Talba: O Alla, bit-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija int ħejjejt għamara xierqa għal Ibnek; kif int qist minn qabel il-merti ta’ l-istess Ibnek biex ħarist lil Ommu minn kull tebgħa ta’ dnub, agħmel li aħna, bit-talb tagħha, naslu safja għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD  biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/immaculate-conception.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/solemnity-of-the-immaculate-conception/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Immaculate_Conception

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements