9 ta’ Diċembru: San Ġwann Diego Cuauhtlatoatzin

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Diego Cuauhtlatoatzin

Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok.” ~ Ġesu’ fi Mattew 11:26

151190226028SAN ĠWANN DIEGO CUAUHTLATOATZIN
1474 – 1548

Tagħrif: Ftit nafu dwar dan il-qaddis li San Ġwanni Pawlu II sejjaħlu bħala “l-Indjan sempliċi u umli”. Fil-bidu kien magħruf bħala Cuauhtlatoatzin, li tfisser ‘l-ajkla li titkellem’. L-isem ta’ Ġwann Diego hu marbut mal-Madonna ta’ Guadalupe, fil-Messiku.

Il-Madonna kienet dehret l-ewwel darba lil Ġwann Diego, fid-9 ta’ Diċembru 1531, fuq l-għolja ta’ Tepeyac, fejn qaltlu biex jgħid lill-isqof li xtaqet li tinbena knisja għad unur tagħha. Fl-istorja, wisq magħrufa, ta’ dan il-qaddis, insibu li hu ġabar xi ward fil-mantar tiegħu, wara li l-Madonna talbitu jagħmel dan, u dawn inbidlu, fl-immaġini mirakuluża tal-Madonna ta’ Guadalupe.

Meta nbena s-Santwarju f’Tepeyac, Ġwann Diego, mar jgħix fil-qrib, fejn beda jgħallem il-katekeżi, waqt li kien ta’ xhieda bl-eżempju tajjeb tiegħu.

Huwa ġie kkanonizzat fil-31 ta’ Lulju 2000, mill-Papa San Ġwanni Pawlu II, fil-Bażilika ddedikata lill-Madonna ta’ Guadalupe. Il-Papa dakinhar qal li kien persuna sempliċi u umli, li aċċetta l-Kristjaneżmu mingħajr ma ċeda l-identità tiegħu bħala Indjan. San Ġwann Diego jfakkarna li “L-aħbar it-tajba ta’ Ġesù hi għal kulħadd.”

Id-Dehriet
Il-Verġni Marija dehret erba’ darbiet fl-1531 lil wieħed Indjos, Juan Diego (li kien dikjarat beatu fl-1990), fuq l-għolja Tepeyac, barra mill-belt tal-Messiku, u ordnatlu biex jgħid lill-isqof Zumarraga bix-xewqa tagħha li tinbena knisja għaliha hemmhekk. Wara xi sentejn, l-isqof għamel dak li kien mitlub, wara li kkonvinċa ruħu li d-dehriet kienu ġenwini meta ra x-xbiha ta’ daqs naturali tal-Verġni Marija stampat mirakolużament fuq il-fardal tal-Indjos.

Il-mantell li fih ix-xbieha tal-Madonna għadu ppreservat u hu merfugħ fil-bażilika ta’ Sidtna Marija ta’ Guadalupe, li għandu storja twila bħala ċentru ta’ devozzjoni u pellegrinaġġi fil-Messiku.

Il-Papa Benedittu XIV fl-1754 awtorizza quddiesa u talb għall-Uffiċju Divin f’ġieħ il-Madonna taħt dan it-titlu biex tkun iċċelebrata fit-12 ta’ Diċembru. Ħatar ukoll lill-Madonna bħala Patruna ta’ Spanja l-Ġdida. Il-Madonna ta’ Guadalupe kienet iddikjarata Patruna tal-Amerika Latina minn Piju X fl-1910 u Patruna taż-żewġ Ameriki minn Piju XII fl-1945.

ĦsiebDan hu kliem Papa Franġisku meta kien fil-Belt tal-Messiku fis-Santwarju tal-Madonna f’Guadalupe nhar is-Sibt 13 ta’ Frar 2016:

“Aħna jista’ jiġrilna dak li ġara lil Juan Diego, li nħarsu lejn l-Omm tagħna mil-lenti tat-tbatijiet tagħna, tal-biżgħat tagħna, id-disperazzjoni, in-niket, u ngħidulha: “X’nista’ nagħtik jien jekk m’iniex persuna mgħallma?”. Inħarsu lejn l-Omm tagħna b’għajnejn li jgħidulha: “Huma ħafna s-sitwazzjonijiet li jixorbulek saħħtek kollha, li jġagħluna nħossu li m’hemmx lok għat-tama, għall-bidla, għat-trasformazzjoni”.

Għalhekk nemmen li l-lum jagħmlilna tajjeb xi ftit tas-silenzju, u noqogħdu nħarsu lejn ix-xbieha tal-Madonna ta’ Guadalupe, inħarsu ħafna lejha bil-kalma, u ntennulha l-kelmiet ta’ dak l-iben l-ieħor li kien iħobbha ħafna:

“Sempliċement inħares lejk – ja Omm –,
inżomm biss ħarsti fuqek;
inħares lejk kollok kemm int bla ngħidlek xejn,
u ngħidlek kollox, bla kliem u bil-qima.

Iċċaqlaq xejn l-arja ta’ quddiemek;
bennen biss is-solitudni misruqa tiegħi
fl-għajnejn maħbuba tiegħek ta’ Omm
u fil-bejta ta’ l-art safja tiegħek.

Is-sigħat jiġru; imħarrka, u storbjużi
l-boloh bejn snienhom jomogħdu
ż-żibel tal-ħajja u tal-mewt.

Inħares lejk, ja Omm; u biżżejjed nikkontemplak,
b’qalb imsikkta mill-ħlewwa tiegħek,
fis-skiet tiegħek safi bħall-ġilji” (Innu liturġiku).

U fis-skiet, nibqgħu nikkontemplawha, u nħossuha għal darb’oħra ttennilna: “X’għandek, ibni, l-iċken fost kollha? X’qed inikket lil qalbek?” (ara Nican Mopohua, 107, 118). “Forsi m’hawnx jien ħdejk, jien li għandi l-ġieħ li nkun ommok?”

Hi tgħidilna li għandha “il-ġieħ” li tkun ommna. Dan jimliena biċ-ċertezza li d-dmugħ ta’ dawk li qed ibatu m’huwiex għalxejn. Hu talba siekta li titla’ sas-sema u li f’Marija dejjem sa ssib post taħt il-mant tagħha. Fiha u magħha, Alla jsir ħuna u sieħeb tagħna fit-triq, jerfa’ magħna s-slaleb biex ma jħalliniex nitgħattnu taħt l-uġigħ tagħna.

“Forsi m’iniex ommok jien? M’iniex hawn ħdejk? Tħallix l-uġigħ tiegħek ikaxkrek miegħu, tħallix in-niket tiegħek jirbħek”, tgħidilna. Il-lum terġa’ lura għandna mill-ġdid biex tibgħatna, bħal Juanito; il-lum mill-ġid reġgħet hawn biex ittennilna: kun int il-messaġġier tiegħi, kun l-istedina tiegħi għall-bini ta’ tant santwarji ġodda, għat-tisħib ta’ tant ħajjiet, għall-ixxuttar ta’ tant dmugħ. Biżżejjed timxi fit-toroq ta’ fejn toqgħod, tal-komunità tiegħek, tal-parroċċa tiegħek bħala messaġġier tiegħi, messaġġiera tiegħi; ibni santwarji ġodda billi taqsam il-ferħ tiegħek għax taf li m’aħniex waħidna, li hi tinsab magħna. Kun il-messaġġier tiegħi – qed tgħidilna – billi tagħti x’jieklu lill-imġewħa, x’jixorbu lill-għatxana, kenn lil min hu fil-bżonn, ħwejjeġ lil min hu għarwien u żur lill-morda. Aqbeż għall-ħabsi, tħallihx waħdu, aħfer lil min għamillek id-deni, farraġ lill-imnikket, stabar bl-oħrajn u, fuq kollox, tkarrab u itlob lil Alla tagħna. U fis-skiet ngħidulha dak li nħossu tiela’ minn ġo qalbna.

“Forsi m’iniex ommok jien? Jewwilla mhux hawn ninsab, miegħek?”, qed tgħidilna mill-ġdid Marija. Mur ibni s-santwarju tiegħi, għinni ħa rrodd il-ħajja lil uliedi, ħutek”.

Talba: O Madonna ta’ Guadalupe, Warda Mistika, interċedi għall-Knisja Mqaddsa, ipproteġi lill-Papa, għin lil dawk kollha li jirrikorru għandek fi ħtiġijiethom, u itlob lil Ibnek għalina biex jagħtina li nibqgħu qawwija fil-fidi, mimlija bit-tama f’nofs il-qrusa tal-ħajja, imħeġġa fil-karità, u l-grazzja li nipperseveraw sal-aħħar f’ħajja qaddisa. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-juan-diego.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-juan-diego-409

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_20020731_juan-diego_en.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Juan_Diego

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.