12 ta’ Diċembru: Santa Ġovanna Franġiska De Chantal

Verżjoni Vidjo: Santa Ġovanna Franġiska De Chantal

“Minkejja s-sofferenzi kollha li ġarrbet, wiċċha qatt ma tilef is-serenita’ tiegħu, u lanqas qatt darba ma naqset mill-fedelta’ li Alla talab minnha.” ~ Dan il-kliem dwar Santa Ġovanna Franġiska de Chantal qalu San Vinċens de Paul li kien direttur spiritwali tagħha meta kienet Superjura tal-Kunvent ta’ Pariġi.

St-Jane-de-ChantalSANTA ĠOVANNA FRANĠISKA DE CHANTAL
Armla u Reliġjuża
1572 – 1641

Tagħrif: Santa Ġovanna twieldet f’familja prominenti f’Dijon, Franza, fit-28 ta’ Jannar 1572. Kellha żewġ ħutha subien, wieħed ikbar u l-ieħor iżgħar minnha. Omma mietet meta twieled it-tieni tifel meta Ġovanna kellha biss sena u nofs.

Ta’ 20 sena, missierha żewwiġha lill-Baruni de Chantal li kien seba’ snin ikbar minnha, u kellha sitt itfal li minnhom għexu erbgħa. Hija gawdiet żwieġ hieni sakemm disa’ snin wara li żżewġu sfat deżolata meta żewġha miet f’inċident waqt li kien għall-kaċċa, fl-1601.

Fl-1604, meta kellha 32 sena ltaqgħet ma’ San Franġisk de Sales u l-ħbiberija ta’ bejniethom baqgħet sal-mewt tiegħu fl-1622. Taħt it-tmexxija tiegħu hi ħaffet b’ħeġġa ‘l quddiem fit-triq tal-perfezzjoni, u ħabirket kemm felħet f’opri ta’ mħabba għall-foqra u l-aktar għall-morda.

Meta San Franġisk urieha l-proġett tiegħu li jifforma l-Kongregazzjoni tas-sorijiet tal-Viżitazzjoni, hija laqgħet bil-ferħ il-proposta tiegħu u offriet li tgħinu b’ħilitha kollha.

Bintha l-kbira żżewġet lil ħu San Franġisk de Sales, binha ta’ erbatax-il sena ħa ħsiebu ħuha li kien l-Arċisqof ta’ Bourges, u ż-żewġt ibniet l-oħra ngħaqdu magħha fil-Kongregazzjoni li waqqfet ma’ San Franġisk fl-1610, f’Annecy, meta l-Qaddisa kellha 45 sena.

Il-Qaddisa mexxiet il-Kongregazzjoni b’għaqal kbir, u ratha tikber hekk malajr li sa qabel ma mietet kienu ġa nfetħu 86 kunvent.

Santa Ġovanna mietet f’Moulins, f’wieħed mill-kunventi tagħha, fit-13 ta’ Diċembru 1641, fl-eta’ ta’ 69 sena. Ġisimha ħaduh f’Annecy u difnuh ħdejn dak ta’ San Franġisk de Sales. Il-Papa Klement XIII iddikjaraha qaddisa fl-1767.

Ħsieb: Minn traġedja, jista’ joħroġ ħafna tajjeb, anke meta s-sitwazzjoni tidher bla tama. Santa Ġovanna Franġiska De Chantal tilfet lil żewġha u ġarbet it-trattament krudili ta’ missieru, iżda spiċċat biex misset il-ħajjiet u l-qlub ta’ ħafna nies meta waqfet l-Ordni tal-Viżitazzjoni tal-Madonna. Jekk int ukoll għaddejt minn traġedja fil-ħajja tiegħek, itlob lil Alla biex jgħinek titratta ma’ kwalunkwe feriti sentimentali jew psikoloġiċi, jew anki rabja li jista’ jkollok għal xi persuna/i. Importanti li aħna l-insara ma nieqfux nagħmlu t-tajjeb u l-ġid lill-proxxmu tagħna anki meta aħna nkunu rċevejna xi forma ta’ deni mingħand min stennejna li se jħobbna. Meta aħna niltaqgħu mal-kuntrarju, wiċċna jrid jibqa’ bħal ma baqa’ dak ta’ Santa Ġovanna (hekk kif qal fuqha d-direttur spiritwali tagħha San Franġisk de Sales), jitbissem biex jagħmel kuraġġ lill-oħrajn.

Santa Ġovanna Franġiska De Chantal kienet tgħid: “Żomm għajnejk fuq Alla u ħallih jagħmel Hu. Dan huwa dak kollu li għandek għalfejn tinkwieta dwaru.” Imma, tgħiduli, li aħna ngħidu wkoll: “Għin ruħek biex Alla jgħinek.” Mela kif ser nifhmu eżatt fejn għandna nagħmlu xi ħaġa u fejn għandna sempliċiment nafdaw u nintelqu f’idejn Alla?

Ċertament li għandna nitkellmu ma’ Alla b’kunfidenza, għax Ġesu’ stess qalilna nsejħulu ‘Missier!’ Irridu nitolbuh dak li nemmnu li neħtieġu. Minn naħa tagħna, għandna ngħinu rwieħna biex naslu għal dan. Is-sigriet ta’ ħajja ferħana li tħallilek wiċċek imbissem bħal ta’ Santa Ġovanna fost ħafna tiġrib, hu li: LIL ALLA NAFDAWH BIR-RIŻULTAT TAL-ISFORZI TAGĦNA, huma x’inhuma u jagħmel Hu! U dan li riedet tfisser il-qaddisa tal-lum għax Hu dejjem jifhem aħjar minna x’għandna bżonn!

Meta lill-Mulej nitolbuh xi ħaġa spesifika għax jidhrilna li hi tajba għalina, ir-risposti tiegħu jistgħu jkunu erbgħa: IVA, LE, STENNA jew SE NTIK XI ĦAĠA AĦJAR (ma jagħtikx dak li titolbu eżatt, biex jagħtik xi ħaġa aħjar li forsi int stess mhux qed taraha bħalissa). Għalhekk, wara li nkunu għamilna ħilitna kollha, jeħtieġ li nkomplu nafdawh bis-serjeta’ u b’imħabba filjali u Hu stess jurina maż-żmien x’kien l-aħjar għalina u b’mod speċjali għal ruħna, li hi l-aktar ħaġa prezzjuża għalih għax hi l-vera aħna u ser tibqa’ għal dejjem.

Tajjeb ukoll li bħal Santa Ġovanna Franġiska De Chantal, infittxu li jkollna direttur spiritwali tajjeb, għaqli u għaref ħalli jakkumpanjana fil-vjaġġ spiritwali tagħna lejn is-Sema pajjiżna.

TalbaO Alla, int żejjint b’merti kbar lil Santa Ġovanna Franġiska de Chantal f’kull stat ta’ ħajja li minnu għaddejtha; bit-talb tagħha, agħtina li nimxu dejjem fidili mas-sejħa tagħna li nxerrdu bla heda madwarna d-dawl tal-eżempji t-tajba. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-jane-frances-de-chantal/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-jane-frances-de-chantal-567

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jane_Frances_de_Chantal

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements