13 ta’ Dicembru: Santa Luċija

“Bqajt sħiħa sa l-aħħar u salvajt ħajtek, Luċija, għarusa ta’ Kristu: int seħħlek tobgħod kull ma hu tad-dinja, u b’demmek stess irbaħt lill-għadu; issa qiegħda tiddi bil-glorja mal-anġli.” ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tat-Tifkira ta’ Santa Luċija

6f3dcdb4212686fcf88c1e6d9dc10194SANTA LUĊIJA
Verġni u Martri
283? – 304

Tagħrif: Skont tradizzjoni, jew forsi aħjar leġġenda, Santa Luċija twieldet Sirakuża, Sqallija, dwar is-sena 283, minn familja nobbli. Meta kienet għadha żgħira tilfet lil missierha, u rabbietha ommha, Ewtakja.

Meta kibret, Luċija ipperswadiet lil ommha li kienet ilha marida, biex jagħmlu pellegrinaġġ flimkien għal Katanja u jmorru fuq il-qabar ta’ Santa Agata li kienet mietet martri xi ħamsin sena qabel. Waqt li kienu qed jitolbu, l-omm fieqet f’daqqa waħda.

Luċija ddeċidiet li tħalli d-dinja u tikkonsagra ħajjitha kollha lil Alla, u tgħin lill-fqar. Għamlet il-vot tal-verġinita’, u ħassret iż-żwieġ li kienet ser tidħol fih ma’ żagħżugħ nobbli pagan. Dak iż-żagħżugħ ħassu mweġġa b’din l-azzjoni ta’ Luċija, u biex ipattihielha akkużaha quddiem il-Konslu Ruman li kienet nisranija, u ma kinetx tosserva l-liġijiet tal-Imperu.

Santa Luċija b’kuraġġ kbir stqarret il-fidi tagħha u ġiet ikkundannata għat-torturi bin-nar u bl-ilma jagħli. Hi baqgħet soda minkejja t-torturi li sofriet sakemm fl-aħħar nifdulha griżmejha b’xabla. Hi baqgħet ħajja sakemm xi ħadd qarbinha, imbagħad mietet. Dan ġara fil-persekuzzjonijiet tal-Imperatur Djoklezjanu fis-sena 304.

Għalkemm ma hemm l-ebda evidenza storika ta’ din it-tradizzjoni dwar ħajjitha, ma hemm l-ebda dubju dwar il-kult tagħha u l-konnessjoni tagħha ma’ Sirakuża. Isimha hu mniżżel fil-Kanone tal-quddiesa.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mit-Trattat fuq il-Verġnità, tal-isqof San Ambroġ:

“Int, waħda mill-poplu, waħda mill-kotra, fuq kollox waħda mill-verġni, int, li d-dija ta’ ruħek issebbaħ il-ħlewwa ta’ ġismek (għax għal ftit ma xebbaħtikx mal-Knisja!) aħseb dejjem fi Kristu xħin tkun mistrieħa f’kamartek bil-lejl, u l-ħin kollu oqgħod stennieh ġej.
Hekk xtaqek Kristu, hekk għażlek Kristu. Hu jsib il-bieb miftuħ, u jidħol ġewwa; dan ma jistax jonqos, ladarba hu stess wiegħed li jidħol. Ħaddan mela lil dak li fittixt; ersaq lejh u ssir kollok dawl; żommu, itolbu biex ma jitlaqx malajr, għidlu bil-qalb biex ma jwarrabx. Għax il-Verb ta’ Alla jiġri, u ma jinqabadx minn min jiddejjaq bih, ma jinżammx minn min ma jagħtix kasu. Ersaq b’ruħek kollha lejn il-kelma tiegħu, imxi bla mistrieħ wara l-ħoss tal-kliem tiegħu tas-sema, għax malajr jgħaddi.

Taf x’qalet dik ix-xebba? Fittixtu, u ma sibtux, sejjaħtlu, u ma semagħnix. Imma int li sejjaħtlu, li tlabtu, li ħallejtlu l-bieb miftuħ, taħsibx li għandek għax issewwed qalbek jekk telaq malajr: hu sikwit iħallina niġġarrbu. X’qalilhom fl-Evanġelju lil dawk li talbuh biex ma jwarrabx minn pajjiżhom? Qalilhom: Jeħtieġli nxandar il-kelma ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk ġejt mibgħut. U mqar jekk mingħalik ikun telaq, oħroġ, mur erġa’ fittxu.

Iżda min, ħlief il-Knisja mqaddsa, għandu jgħallmek kif iżżomm lil Kristu? Anzi hi diġà għallmitek, jekk taqra u tifhem sewwa dan li hemm miktub: Bilkemm ilħaqt għaddejthom meta sibt lill-maħbub ta’ qalbi; żammejtu, u ma tlaqtux.
Mela biex inżommuh lil Kristu? La b’rabtiet ħżiena u lanqas b’għoqod ta’ ħbula. Lil Kristu norbtuh magħna bl-imħabba, niġbduh lejna bir-riedni ta’ moħħna, inżommuh bil-ġibdiet ta’ ruħna.

Għalhekk, jekk int ukoll trid iżżomm lil Kristu miegħek, mur fittxu, u xejn la taqta’ qalbek mit-tbatija; għax sikwit jiġri li lil Kristu nsibuh aħjar fost it-tbatijiet tal-ġisem u f’idejn l-istess persekuturi tagħna.

Bilkemm ilħaqt għaddejthom, qalet. U tassew, sakemm int ma tħallix is-setgħat tad-dinja jegħlbuk, tara li fi żmien qasir, f’waqt wieħed, malli tkun ħlist minn taħt idejn il-persekuturi tiegħek, Kristu jiġi jilqgħek minnufih, u ma jissaportix jarak tiġġarrab iżjed.

Dik li tfittex lil Kristu b’dan il-mod, u ssibu, tkun tista’ tgħid: Żammejtu, u ma tlaqtux, sa ma daħħaltu fid-dar ta’ ommi, fil-kamra ta’ dik li nisslitni. Xi tkun id-dar u l-kamra ta’ ommok jekk mhux il-qalba ta’ qalbek moħbija ‘l ġewwanett?

Ħu ħsiebha sewwa din id-dar, naddafha tajjeb minn ġewwa biex, wara li tkun għamiltha għamara bla tebgħa, id-dar spiritwali tiegħek, marbuta sewwa fuq il-ġebla tax-xewka, tinbnielek f’saċerdozju qaddis u fiha jgħammar l-Ispirtu s-Santu.

Kristu ma jitlaqx lil dik il-verġni li tfittxu hekk, li titolbu dawn il-ħwejjeġ; mhux biss, imma jiġi jżurha sikwit; għaliex huwa magħna sa l-aħħar taż-żmien”.

Il-Papa Ġwanni XXIII, Il Tempio Massimo, fl-ittra lin-nisa reliġjużi, jgħidilhom hekk:

“Jalla l-imġiba tagħkom turi lil kulħadd li l-kastita’ mhix biss virtù possibbli iżda hi wkoll virtù soċjali, li għandha tkun imħarsa permezz tat-talb, tal-viġilanza u bit-tgħakkis tas-sensi.”

  • U int, kemm qed iżomm ruħek safi/ja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin?
  • Lest/a li tagħti xhieda tal-fidi tiegħek sat-tixrid ta’ demmek?

Nitolbu lil Santa Luċija biex titlob għaż-żgħażagħ tagħna ħalli jżommu ruħhom safja u jgħixu sa minn żogħżithom ħajja li togħġob lil Alla. Nitolbuha wkoll tinterċedi għalina biex ikollna aktar xebbiet li fuq l-eżempju tagħha jikkonsagraw il-verġinita’ tagħhom u jgħixu ħajja f’servizz għal kull min hu fil-bżonn.

Talba: Agħtina l-għajnuna, Mulej, għat-talb qaddis li tressaq quddiemek għalina Santa Luċija, verġni u martri, biex il-glorja li hi għandha quddiemek niċċelebrawha kif jixraq fuq l-art, sa ma naslu li narawha fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-lucy-saint-lucia.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-lucy/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Lucy

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements