14 ta’ Dicembru: San Ġwann tas-Salib

Verżjoni Vidjo: San Ġwann tas-Salib

“Fejn ma hemmx imħabba, qiegħed int l-imħabba, u ssib l-imħabba”. ~ San Ġwann tas-Salib

Juan-de-la-CruzSAN ĠWANN TAS-SALIB
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
1542 – 1591

Tagħrif: San Ġwann twieled f’Fontivers fl-1542 minn Gonzalvo d’Yepes u Katerina Alvarez. Missieru kien bniedem għani li kien ġej minn familja nobbli. Imma kien waqa’ f’tant faqar li kważi kienu jbatu l-ġuħ. Kellu żewġ aħwa oħra akbar minnu; Ġużeppi li hu venerabbli u anke kellu s-setgħa li jagħmel il-mirakli, u Lwiġi. Minn ċkunitu Ġwanni kien juri li hu mogħni b’moħħ tajjeb.

Ta’ erba’ snin waqa’ fi xmara u kien qed jegħreq għax kien għeb taħt l-ilma, u darba oħra, meta kellu ħdax-il-sena, waqa’ ġo bir bla ħorża waqt li kien qed jilgħab ma’ xi tfal oħra. Ommu Katerina għalkemm fqira u romlot kmieni għamlet kull sagrifiċċju biex tgħallmu l-iskola. Kienet tibagħtu f’kulleġġ tal-Ġiżwiti.

Wara li spiċċa l-iskola, Ġwanni ried jitgħallem sengħa. Ipprova jitgħallem ta’ mastrudaxxa, ta’ ħajjat, ta’ skultur u ta’ pittur. Imma ftit li xejn irnexxa f’dawn is- snajja. Fl-aħħar sar infermier biex jieħu ħsieb u jgħin lill-morda foqra. Kulħadd kien irid lilu biex idewwihom, daqskemm kellu qalbu tajba. Sadanittant l-istudju ma ħallieh qatt. Qabel ma kien jibda x-xogħol ta’ kuljum kien jisma’ l-quddiesa b’ħerqa kbira.

Bil-mod il-mod ħass ruħu miġbud lejn il-ħajja reliġjuża u ta’ 20 sena daħal Karmelitan. Kien novizz u student ta’ eżempju għal kulħadd. Għall-ubbidjenza kien lest li jagħmel kollox, u kellu ġibda kbira lejn it-tagħkis tal-ġisem.

San Ġwann qaddes l-ewwel quddiesa fl-1563, u dakinhar kellu żewġ grazzji kbar; waħda li minn idejh iqarben lil ommu, u l-oħra l-grazzja li kien ilu jitlob żmien twil li f’ħajtu kollha qatt ma jaqa’ fi dnub mejjet.

Imma San Ġwann qatt ma kien igħid biżżejjed fejn tidħol l-imħabba ta’ Alla u t- tagħkis tiegħu nnifsu. Għalhekk li kien trawwem fih il-ħsieb li jindifen għad-dinja billi jingħalaq maċ-Ċertosini sakemm Santa Tereża wrietu t-triq li Alla kien sejjaħlu għaliha.

Taħt it-tmexxija ta’ Santa Tereża u wara li qala’ l-permessi meħtieġa, flimkien ma’ Patri Tonin ta’ Ġesu’ u Fra Ġużepp ta’ Kristu, San Ġwann waqqaf l-ewwel dar tal-Karmelitani Riformati f’Duruelo, raħal l-aktar fqir u minsi li bħalu ħadd ma seta’ jsib. Il-kunvent kien dar fqira mill-iżjed, biex ikun għalihom ta’ għajnuna biex waqt li jgħakksu ‘l ġisimhom ħsiebhom igħammar biss f’Alla. B’hekk waqt li jagħtu ‘l Alla t-tifħir li jistħoqqlu, ipattu għall-ħtijiet tad-dinja. Ħsiebhom kien li jgħixu għal Alla biss. B’tifkira ta’ din il-ħajja ġdida Patri Ġwann ta’ San Mattija biddel ismu u sar Patri Ġwann tas-Salib, biex ifisser li s-salib kellu jkun il-mera ta’ ħajtu.

It-tajjeb kulħadd iridu miegħu, u hekk ġralu Patri Ġwann tas-Salib. Il-kunventi kollha tal-Karmelitani Riformati kienu jriduh magħhom, imma fl-aħħar rebaħ il-monasteru tas-Sorijiet ta’ Avila. F’dan il-monasteru kien hemm aktar minn 190 soru. Il-ħajja tagħhom ftit u xejn kienet taqbel mal-ħajja reliġjuża. Għadda ħames snin hemmhekk u l-monasteru ta’ Avila nbidel bħal lejl minn nhar. It-talb, il-ġabra, is-skiet u t-tagħkis bdew jiġu mħarsin, kif jixraq. San Ġwann għaraf inissel f’dawk il-Karmelitani x-xewqa li jgħixu biss għal Alla.

Wara ħafna taħbit u talb kollox kien jidher miexi sewwa f’dak il-monasteru, meta f’daqqa waħda San Ġwann u Patri Ġermano ġew maqbudin u mixħuta l-ħabs li f’dak iż-żmien kien ikollhom fil-kunventi. San Ġwann ġie meħud fil-ħabs tal-kunvent ta’ Toledo għax qalu li kien qed iġib il-ġlied u l-firda fost il-patrijiet. Santa Tereża malli saret taf, kitbet ittra qawwija lir-Re Filippu II ta’ Spanja, biex isir il-ħaqq kif imiss, imma għalxejn.

San Ġwann dam disa’ xhur fil-ħabs ta’ Toledo, magħluq f’kamra ċkejkna bla dawl, jiekol ħobż u ilma. Lanqas kienu jħalluh iqaddes u kienu jħalluh joħroġ darba kultant biex jagħti bil-ħabel fuq spallejh fir-refetorju quddiem il-patrijiet l-oħra. Fl-aħħar xhur li għamel magħluq f’dan il-ħabs, kien jieħu ħsiebu Fra li kellu qalbu tajba ħafna. Kien iġib musbieħ lil San Ġwann, pinna u xi ftit karti biex jikteb u kultant kien iħallih jippassiġġa xi ftit fil-kuridur. B’hekk San Ġwann kiteb, f’dan iż-żmien, l-aħjar poeżiji tiegħu li jfissru l-għaqda tar-ruħ ma’ Alla, fosthom il-poeżija: “L-Għanja tar-Ruħ”.

F’dawn id-disa’ xhur San Ġwann tas-Salib bata’ u sofra mhux biss minn nuqqas ta’ ikel imma I-aktar għax kien miżmum mit-tqarbin li kien tant iħobb. Għadda minn tiġrib bla qjies, imma kien dejjem ferħan għax kull ruħ magħquda ma’ Alla tgħix fil-paċi. Kien jaf x’iġifieri meta kiteb il-poeżija: “Lejl fid-Dlam” fejn fisser it-tiġrib minn kull naħa li trid tgħaddi minnu r-ruħ għatxana għal Alla.

Ftit jiem qabel il-festa ta’ Santa Marija, San Ġwann kellu dehra mill-Madonna li nebbħitu kif kellu jaħrab minn dak il-ħabs, u żguratu li fil-festa tagħha kellu jkun ħieles. Darba sema’ leħen igħidlu: “Ġwanni x’titlob minni!’ Malli żgura ruħu li kien il-Kurċifiss li qiegħed ikellmu, Ġwanni wieġeb: “Sinjur, jien nixtieq li nbati u li nkun imaqdar għall-imħabba tiegħek.”

U Ġesu’ laqa’ t-talba tiegħu, għax ftit wara sar il-Kapitlu fejn tela’ Provinċjal Patri Nikola Doria li kellu fehmiet strambi mhux ftit. San Ġwann tas-Salib kien bniedem sinċier u meta ra li s-sorijiet Karmelitani, li wara l-mewt ta’ Santa Tereża kienu mmexxija minn Madre Anna ta’ Ġesu’, ma kinux qed jiġu meqjusa kif imiss mill-Provinċjal talab li kollox jimxi kif suppost bil-ħaqq. Għax qal is-sewwa ġie mneħħi minn kull uffiċċju li kellu, u mibgħut lejn il-Messiku. San Ġwann ried kieku jobdi, imma marda serja li qabditu żammitu fi Spanja. Darb’oħra wara li ra li żewġ reliġjużi ma kinux qed jaqdu dmirhom kif imiss u kienu ta’ ħsara għall-oħrajn, talab li ċerti ħwejjeġ ma jibqgħux sejrin kif kienu. Imma għall-kuraġġ u reqqa tiegħu, Patri Ġwann ħallasha qares, għax qalgħu ħafna ħwejjeġ kontrih sakemm kellha ssir inkjesta fuq l-imġieba tiegħu. Sabuh bla ħtija, imma ħadd ma tah raġun.

Issa, Patri Ġwann kulma jmur kien qiegħed jikber. Għamel ġid kemm felaħ iżda sab ruħu minsi qabel il-waqt. Ġietu I-ordni biex imur l-Indja. Mill-ġdid ried jobdi, imma r-rieda ta’ Alla kienet xort’oħra. Sadattant baqa’ jikteb poeżiji biex ikantawhom is-sorijiet u fl-istess ħin jitgħallmu. Huma kienu jieħdu pjaċir ikantawhom imma sabuhom tqal wisq biex jifhmuhom, għalhekk talbu lil San Ġwann biex ifissirhomlhom. B’hekk kiteb: “It-Telgħa għall-Karmelu” u “Il-Fjamma tal-Imħabba Ħajja”.

Meta San Ġwann ma kienx jista’ jaħdem aktar tawh jagħżel kunvent fejn ried imur, iżda huwa kiteb u qal: “Min irid igawdi għandu bżonn ibati, biex tkun ferħan hemm bżonn ngħaddi mit-tiġrib, biex ikollok kollox trid tagħti kollox, ir-ruħ li trid lil Alla għandha tfittex mhux dak li jogħġobha imma dak li l-aktar iġagħalha ġġarrab.

Għal daqshekk San Ġwann għażel il-kunvent ta’ Ubeda, fejn kien hemm superjur wieħed minn dawk ir-reliġjużi li għax ikkorreġieh kien tant ikkalunjah u għamillu ħsara. San Ġwann kien nesa kollox u ħafirlu, imma dak is-superjur baqa’ jżomm. U fl-aħħar jiem ta’ ħajtu Patri Ġwann ġarrab ferm minn dan il-bniedem, li kien jieħdu bil- herra u jimxi miegħu bħallikieku kien xi wieħed bla ġieħ. San Ġwann tas-Salib ma kien jilmenta qatt. Dejjem ferħan li jġarrab kollox għal Alla. Il-mard baqa’ dieħel ‘il ġewwa. Patri Ġwann talab maħfra lil kulħadd u f’nofs il-lejl tal-14 ta’ Diċembru 1591 ittajjar lejn Alla.

Il-Knisja permezz tal-Papa Beneditt XIII għarfitu bħala qaddis; u l-Papa Piju XI għamlu Duttur tal-Knisja. San Ġwann tas-Salib huwa msejjaħ ‘Id-Duttur Mistiku’ għax hu l- aktar għaref tal-Knisja li jfisser kif il-grazzja tgħaqqad ir-ruħ ma’ Alla f’għaqda sħiħa u misterjuża. Il-festa ta’ dan il-qaddis kbir issir nhar l-14 ta’ Diċembru, il-jum li fih twieled għas-sema.

Ħsieb: Dawn li ġejjin huma ħsibijiet ta’ San Ġwann tas-Salib:

  • Iċħad ix-xewqat tiegħek, u ssib dak li tixtieq qalbek; għax int fejn taf jekk ix-xewqat u l-ġibdiet tiegħek humiex skont ma jridhom Alla?
  • Għemil tajjeb, magħmul għal kollox u fis-safa għal Alla, f’sider kollu safa, iħejji saltna sħiħa għall-imgħallem tiegħu.
  • Ir-ruħ imkebbsa bl-imħabba hija ħelwa, ġwejda, umli u kollha sabar.
  • Min jitlef okkażjoni tajba huwa bħal wieħed li jħalli għasfur jaħrablu minn idu, umbagħad ma jkunux jista’ jerġa’ jaqbdu.
  • Jiena ma għaraftekx, Mulejja, għax bqajt nixtieq nagħraf il-ħwejjeġ u nitgħaxxaq bihom.
  • Ħsieb wieħed biss tal-bniedem jiswa ħafna aktar mid-dinja kollha; mela jistħoqq biss lil Alla waħdu.
  • L-ispirtu tiegħi nixef ġewwa fija, għax jinsa jieħu l-ikel minn għandek, Mulej.
  • Imbierek huwa dak li jqiegħed fil-ġenb il-gosti u l-ġibdiet tiegħu, u jħares lejn il-ħwejjeġ kollha fid-dawl tar-raġuni qabel ma jagħmilhom.
  • Int, Mulej, iddur bil-ferħ u l-imħabba lejn min joffendik ħalli terfgħu mill-ġdid, u jiena ma ndurx lejn min jirrabjani ħalli ngħollih u nagħtih ġieħ
  • Mulej Alla tiegħi, Int ma tkunx barrani għal min ma jagħmilx lilu nnifsu barrani għalik; kif jistgħu jgħidu li Int ma tagħmilx preżenti lilek innifsek?
  • Jekk trid tasal biex tikseb ġabra qaddisa, int tiksibha, mhux billi tilqa’, iżda billi tiċċaħħad.
  • Jekk kull fejn immur, immur miegħek, Alla tiegħi, kullimkien kollox imurli tajjeb, ukoll kif nixtieq li jmur tajjeb miegħek.
  • La taħsibx li se togħġob lil Alla billi tagħmel ħafna għemil tajjeb daqskemm billi tagħmlu b’rieda tajba, u bla ebda rabta ma’ xi ħadd u mingħajr ma tħares lejn wiċċ ħadd.
  • Fil-għabex tal-ħajja għad jeżaminawk fl-imħabba. Tgħallem ħobb kif Alla jrid ikun maħbub u ħalli fil-ġenb it-temperamernt tiegħek.
  • Il-bniedem la jaf kif jifraħ sewwa u lanqas kif jitnikket sewwa, għax ma jagħrafx id-distanza li hemm bejn it-tajjeb u l-ħażin.
  • F’kull xorta ta’ tiġrib, ersaq malajr lejn Alla bil-fiduċja, u tkun imsaħħaħ u mdawwal u mgħallem sewwa.

Talba: O Alla, int tajtna lis-saċerdot San Ġwann tas-Salib b’eżempju mill-isbaħ taċ-ċaħda sħiħa tagħna nfusna u ta’ mħabba kbira għas-salib: agħmel li ngħixu dejjem bħalu, biex naslu li narawk wiċċ imb’wiċċ fis-sebħ tiegħek ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/st.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-of-the-cross/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_of_the_Cross

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mis-sit tal-Parroċċa ta’ Fleur-de-Lys.

Advertisements