15 ta’ Dicembru: Santa Pawla Marija Di Rosa

Verżjoni Vidjo: Santa Pawla Marija Di Rosa

“Ma nistax immur norqod b’kuxjenza kwieta jekk matul il-ġurnata nkun tlift ċans, żgħir kemm hu żgħir, li nipprevjeni l-imġiba ħażina jew li ngħin biex noħroġ xi ħaġa tajba”. ~ Santa Pawla Marija Di Rosa

MARIA CROCIFISSA DI ROSA - FONDATRICE - (1954)SANTA PAWLA MARIJA DI ROSA
Fundatriċi
1813 – 1855

Tagħrif: Kien jisimha Pawla Francesca Marija, u kienet ġejja minn familja tat-tajjeb minn Brescia. Ommha mietet meta hi kellha 11-il sena, u kienet edukata fl-iskola tas-sorijiet tal-Viżitazzjoni.

Meta ħalliet l-iskola ta’ 17-il sena, hi bdiet tieħu ħsieb ix-xogħol ta’ missierha, u billi kienet inklinata għall-ħajja reliġjuża, hi rruftat l-proposta ta’ missierha biex tieħu l-istat taż-żwieġ.

Bdiet tiddedika ruħha għal xogħol soċjali u ta’ apostolat fost ix-xebbiet li kienu jaħdmu fil-fabbrika tat-tessuti ta’ missierha. Kienet taħdem fi sptar fi Brescia, iddur bil-vittmi tal-kolera fl-1836, saret direttriċi ta’ dar għall-bniet abbandunati s-sena ta’ wara; waqqfet dar oħra hi nfisha għall-bniet u anki fetħet skola għall-bniet torox u muti.

Bdiet tifforma lil dawk li kienu jaħdmu magħha, f’komunità reliġjuża biex jieħdu ħsieb il-morda fl-isptarijiet. Fl-1840, ta’ 27 sena, id-direttur spiritwali tagħha Mons. Faustino Pinzoni ħatarha superjura tal-grupp tan-nisa, u ħadet l-isem ta’ Maria Crocifissa. Hekk twaqqfet is-soċjetà tal-Qaddejja tal-Karità ta’ Brescia.

L-istitut irċieva l-approvazzjoni tal-isqof ta’ Brescia fl-1843, u tul il-gwerer li xxukkjaw l-Ewropa fl-1848 kienu jduru bil-feruti fil-battalji fl-Italja ta’ Fuq u fl-isptarijiet ta’ Brescia. Fl-1850 kisbet l-approvazzjoni għall-kongregazzjoni tagħha mill-Papa.

Wara li ħliet saħħitha dgħajfa fis-servizz tal-proxxmu, hi mietet fi Brescia fil-15 ta’ Diċembru 1855 u kellha 42 sena. Kienet iddikjarata qaddisa minn San Piju XII fl-1954.

Ħsieb: Il-ħajja ta’ Santa Pawla Marija Di Rosa kienet waħda ta’ disponibbiltà għal kull persuna fil-bżonn. Kienet tmur tgħin lil xi ħadd f’kull siegħa tal-ġurnata, kemm jekk kienet kura ta’ xi ħadd marid jew assistenza ta’ xi ħadd qed imut, kemm biex iġġib il-paċi fi djar li kien ikollhom kwestjonijiet, jew biex tikkonforta lil xi ħadd f’diffikultà kbira. Kienet x’kienet il-ħtieġa, hija kienet iġġib l-imħabba u l-fejqan ta’ Alla lil kulħadd u kullimkien. Hija pprattikat b’devozzjoni u paċenzja kbira, il-virtu’ tal-karità fix-xogħol tagħha ta’ kuljum u l-imħabba tagħha lejn Kristu Kurċifiss urietha mill-mod kif ħabbet lill-membri tal-Ġisem Mistiku Tiegħu. Kienet qaddisa li tassew għexet l-Opri tal-Ħniena li kull nisrani hu msejjaħ biex jgħix. Imma liema huma eżatt?

Hemm l-Opri tal-Ħniena li jmissu l-ġisem:

  • 1. itma’ lil min hu bil-ġuħ
  • 2. isqi lil min hu bil-għatx.
  • 3. libbes lil min hu għarwien.
  • 4. ilqa’ lil min hu bla dar (frustier).
  • 5. żur il-morda.
  • 6. żur il-ħabsin.
  • 7. idfen il-mejtin.

u dawk li jmissu r-ruħ:

  • 1. agħti parir tajjeb lill-ħosbien.
  • 2. għallem lil min ma jafx.
  • 3. widdeb lill-midinbin.
  • 4. farraġ lill-imnikktin.
  • 5. aħfer il-ħtijiet.
  • 6. ħu sabar b’min idejqek.
  • 7. itlob ‘l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin.

Il-Papa Franġisku qal dan dwar l-Opri tal-Ħniena fil-5 ta’ Ġunju, 2017 f’Quddiesa f’Dar Santa Marta:

“Opra tal-ħniena mhix li tagħmel xi ħaġa biex isserraħ il-kuxjenza: nagħmel opra tajba u b’hekk inħossni kalm, qiesni neħħejt xi piż minn fuq spallejja….. Le! L-opra tal-ħniena tfisser li jien inbati t-tbatija ta’ ħaddieħor. Il-qsim u l-kumpassjoni jmorru flimkien. Il-bniedem ħanin hu dak li jaf jaqsam u jitħassar il-problemi tal-ieħor.

Minn hawn joħorġu l-mistoqsijiet:

  • Jiena naf naqsam?
  • Jien ġeneruż/ġeneruża?
  • Meta nara lil ħaddieħor qed isofri, jinsab f’diffikultà, insofri jiena wkoll?
  • Naf inqiegħed lili nnifsi minflok l-ieħor?

Min jagħmel opri tal-ħniena jaf isib min jiddieħak bih. Ma jimpurtax. L-opra tal-ħniena trid tiskomoda: eżempju, jien għandi ħabib, ħabiba, morda, nixtieq immur narahom imma m’għandix aptit… nippreferi noqgħod nara t-televixin, nistrieħ… noqgħod bi kwieti. L-opra tal-ħniena hi minnha nfisha skomda. Iżda l-Mulej skomda ruħu għalina bis-salib. Skomda ruħu biex jagħtina l-ħniena.

Min għandu ħila jagħmel opra tal-ħniena jaf li ħaddiehor kien ħanin miegħu qabel. Dan kien il-Mulej li wera ħnientu magħna. U jekk aħna nagħmlu dawn l-opri nafu li l-Mulej għamilhom magħna qabel. Naħsbu ftit fi dnubietna, fl-iżbalji tagħna, u kif il-Mulej ħafrilna: ħafrilna kollox, kellu dil-ħniena magħna, u aħna għandna nagħmlu l-istess ma’ ħutna.

L-opri tal-ħniena huma dawk li jneħħu l-egoiżmu minna u jagħmluna xbieha ta’ Ġesù għax inkunu qed nimitawh aktar mill-qrib”.

Talba: Mulej, isma’ t-talb ta’ dawk li jfakkru l-ħajja devota tal-Verġni Santa Pawla Marija Di Rosa. Igwidana tul it-triq u għinna nikbru fl-imħabba u l-qadi lejn ħutna l-bnedmin hekk li naslu nixbħu lil Kristu li fil-ħniena tiegħu lejna, qal li Hu ma ġiex (fid-dinja) biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra. Nitolbuk dan bl-istess Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.newmanconnection.com/faith/saint/saint-maria-crocifissa-di-rosa

Alternative Reading: https://vitaesanctorum.wordpress.com/2012/12/15/st-maria-crocifissa-di-rosa/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Crocifissa_di_Rosa

Film bit-Taljan ta’ Santa Pawla Marija Di Rosa:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.