17 ta’ Diċembru: San Ġwann ta’ Matha

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, … bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, … inrodd il-ħelsien lill-maħqurin” ~ Ġesu’ f’Luqa 4:18-19

mathaSAN ĠWANN TA’ MATHA
1160 – 1213

Tagħrif: San Ġwann twieled fi Provence (Franza). Għal xi żmien għex bħala eremit, imbagħad mar Pariġi fejn ħa d-dottorat fit-teoloġija u kien ordnat saċerdot fl-1197 ta’ 37 sena.

Hu ngħaqad ma’ San Feliċ ta’ Valois fl-eremitaġġ tiegħu ta’ Cerfroid u għarraflu bl-idea tiegħu li jwaqqaf ordni reliġjuża għall-fidwa tal-ilsiera nsara minn taħt idejn il-Misilmin fi Spanja.

Lejn tmiem l-1197 it-tnejn marru Ruma u s-sena ta’ wara kisbu l-approvazzjoni tal-Papa Innoċenzju III għat-twaqqif tal-Ordni tat-Trinitari, bi Ġwanni bħala s-superjur. Huma wkoll kellhom l-approvazzjoni tar-re Filippu Awgustu ta’ Franza. L-ordni kiber u xtered fi Franza, Spanja, l-Italja u l-Ingilterra, u bagħat ħafna membri tiegħu fl-Afrika ta’ Fuq, u fdew għadd kbir ta’ lsiera.

It-Trinitari huma patrijiet kontemplattivi. L-ordni ħaddan elementi ta’ monastiċiżmu b’organizzazzjoni internazzjonali biex jixtru l-ilsiera nsara, jeħduhom lura lejn djarhom u jipprovdulhom għall-ħtiġijiet spiritwali u temporali matul iż-żmien tar-ripatrijazzjoni.

Meta l-jasar intemm, l-ordni ndaħal għal xogħol edukattiv flimkien mal-forom tas-soltu ta’ ħidma pastorali, iżda dejjem b’enfasi ewlenija fuq id-devozzjoni lejn it-Trinità Qaddisa. Illum dan l-ordni fih xi 800 patri.

San Ġwann ta’ Matha miet Ruma fis-17 ta’ Diċembru 1213, u r-relikwi tiegħu ġew trasferiti min Ruma għal Madrid fi Spanja fl-1655 u l-kult lejh kien approvat fl-1694. Xi kalendarji jfakkruh fit-8 ta’ Frar.

Ħsieb: San Ġwann ta’ Matha kien figura interessanti, storikament. Huwa kien l-ewwel li waqqaf komunità reliġjuża li ħalliet il-konfini tal-monasteru. Illum il-ġurnata mdorrijin b’din il-ħaġa, imma fi żmienu, lanqas kienet titwemmen. Huwa witta t-triq għall-Franġiskani u d-Dumnikani u l-Ordnijiet l-oħra kollha li għażlu appostolat attiv. U, fi żmien ta’ rabja, meta l-Insara kienu jagħmlu kuntatt mal-Musulmani u l-Musulmani mal-Insara bl-użu tax-xabla kontra xulxin, huwa għażel li jsib mod biex “iħobb lin-nies lura fejn jappartjenu”. Fi żmien ta’ rabja u korla, huwa tkellem dwar mogħdija ġentili. Fi żmien ta’ gwerra u vjolenza, huwa ħareġ l-idejn tal-ħbiberija.

Fil-preżent, hu jrid jgħin lil kull wieħed u waħda minna biex neħilsu lilna nfusna bil-qawwa tal-Mulej, l-ewwel nett minn xi dnub li għadu jassarna, forsi minn nuqqas ta’ saħħa fiżika jew mentali, minn ċirkustanza li qed tgħakkisna jew forsi minn rutina bla produzzjoni li qed tisraqilna l-enerġija għall-Ħajja vera.

Ġesu’ ġie fid-dinja biex jeħlisna mill-jasar. F’Luqa 4:18-19, Hu qal hekk:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani, Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, nrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.”

Il-Mulej, għalhekk irid iġibilna ħelsien fil-ħajja tagħna; ħelsien mill-iskjavitu lix-Xitan tegħfani fih minħabba l-misħut dnub! L-għadu tagħna se jkompli jipprova jżommna marbuta u miżmuma fil-“jasar”. Jibqa’ jipprova jżommna oppressi u dipressi, konfużi, imqarrqa, b’nuqqas ta’ tagħlim veru u bla ħajja. Dan hu x-xogħol tiegħu li jagħmlu bla ma jaqta’ sakemm il-bniedem li jibqa’ skjav tiegħu, jasal għad-disperazzjoni, jitlef kull tama u forsi joħodha kontra Alla u jindanna. Din hi l-ħidma tax-Xitan li jgħir għalina. Jaf li hu tilef iċ-ċans li jmur fit-tgawdija tal-ġenna. Għalhekk irid itellef dan iċ-ċans lilna wkoll.

F’1Ġwanni 3:8 insibu li: “Kien għalhekk li deher l-Iben ta’ Alla, biex iħott kull ma għamel ix-Xitan”. U fi Ġwanni 8:36, insibu li: “Jekk l-Iben jeħliskom, tkunu tabilħaqq ħielsa”. 

  • Ġesu’ irid jeħlisna imma aħna rridu ninħelsu?
  • Immorru għandu fit-talb?
  • Nobdu l-Kmandamenti u t-Tagħlim tal-Knisja?
  • Nagħmlu użu mis-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin?
  • Infittxu li nitqaddsu bl-istill ta’ ħajja li ngħixu?

Il-Mulej se jibqa’ jħabbat fuq il-bieb tal-qalb tagħna imma jekk minn naħa tagħna ma niftħulux, ma jistax jidħol u jeħlisna minn dak li qed jassarna. l-għażla f’idejna.

Minħabba n-natura midinba tagħna, post ġie rriservat b’mod speċjali għalik fl-Infern. Permezz tat-tbatija tiegħu u l-mewt fuq is-Salib, Ġesù ħa fuqu l-piena li ħaqqek tad-dnubiet. Wara l-qawmien Tiegħu, Hu fetaħ il-bieb tal-Ġenna għalik, u għalhekk ġie rriservat post ieħor b’mod speċjali għalik hemmhekk ukoll. Dan tal-aħħar ma jeskludix il-post l-ieħor riservat fl-Infern. Issa aħna lkoll għandna żewġ postijiet immarkati bl-ismijiet personali tagħna. L-għażla titħalla f’idejna. Għal liema post qed timmira?

Talba: Trinità qaddisa u mbierka, qanqal f’qalbna dik l-imħabba li ħeġġet lil San Ġwann ta’ Matha biex jaħdem għall-libertà spiritwali u fiżika ta’ wliedek. Agħmel li nuru ħniena u ġenerożita’ profonda lejn il-foqra u dawk inqas ixxurtjati fis-soċjetà, u ibdilna f’dixxipli veri li jaħdmu għall-ġustizzja u l-paċi fis-Saltna tiegħek fid-dinja kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintsresource.com/john-of-matha

Alternative Reading: http://faith.nd.edu/s/1210/faith/interior.aspx?sid=1210&gid=609&pgid=12460&cid=26590&ecid=26590&crid=0

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_of_Matha

 

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements