18 ta’ Diċembru: San Gatjanu

Verżjoni Vidjo: San Gatjanu

“Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.” ~ Ġesu’ fMark 16:15-16

800px-La_Celle-Guenand_Notre-Dame_Vitrail_357SAN GATJANU
L-ewwel isqof ta’ Tours
ċ†337

Tagħrif: Aktarx kien ġej mill-inħawi ta’ Tours. Hawn, kien l-ewwel wieħed li daħħal il-fidi Nisranija, xi ftit għaxriet ta’ snin qabel San Martin, u kien l-ewwel isqof ta’ Tours.

Kiseb bosta għall-fidi. Għall-ewwel kien jiġbor il-merħla żgħira tiegħu fl-għerien, fejn kien iqaddes, biex jaħrab it-theddid tal-pagani. Dam jaħdem mal-ħamsin sena u miet fil-paċi madwar it-337 w.K.

Iżda meta San Martinu mar Tours it-traċċi tal-appostolat ta’ San Gatjanu kienu għebu kważi għal kollox, għax Sulpizju Severu jgħid: “kważi ħadd ma kien jaf b’isem Kristu”. Iżda xi ftit kienu jiftakru f’San Gatjanu, li kien mar jippriedkalhom il-Vanġelu u li kien temm ħajtu hemm.

Skont leġġenda taż-żminijiet tan-nofs, San Gatjanu kien wieħed mir-rgħajja li marru jqimu ‘l Ġesù f’Betlemm u wieħed mit-72 dixxiplu ta’ Kristu, u San Pietru nnifsu bagħtu l-Gallja. Din hi fi żgur invenzjoni, bħall-oħrajn tal-istess għamla.

San Girgor, isqof ta’ Tours, fis-seklu 6, jgħid fl-“Istorja tal-Franki”, li San Gatjanu kien wieħed mis-seba’ isfqijiet li l-Papa San Fabjanu bagħat minn Ruma, madwar nofs is-seklu 3. Iżda dan il-grupp ta’ seba’ isqfijiet, numru simboliku, hu wkoll leġġendarju.

Ħsieb: San Gatjanu stabbilixxa ospizju għall-foqra ‘l barra mill-ħitan ta’ Tours. Hemm hu, ħass l-għejja tegħlbu, wara ħames deċennji ta’ sawm, penanzi u tiġrib. U hemm, l-abbati Jaud jirrelata, li s-Salvatur deherlu, u qallu, “La tibżax! Il-kuruna tiegħek imħejjija u l-Qaddisin qed jistennew il-wasla tiegħek fil-Ġenna.” B’dawn il-kliem, is-Salvatur qarbnu u amministralu l-aħħar riti Hu nnifsu. Għalhekk, minn dan nafu li  San Gatjanu għamel suċċess kbir quddiem Alla u l-qaddisin tiegħu. Imma mhux hekk jingħad għas-suċċessi tiegħu hawn fuq l-art, għax il-predikazzjoni tiegħu donnha ma qabditx għeruq u l-frott tat-tagħlim tiegħu ntesa maż-żmien. Imma għal Alla, li ma jaħrablu xejn u li jara kull sforz minn naħa tagħna, Gatjanu kien ħaqqu l-kuruna tal-glorja mal-qaddisin. Kemm ikejjel b’mod differenti minna l-bnedmin il-Mulej! U mnalla li kien hekk! Għax ħafna minna, aktar jidhru telliefa milli rebbieħa f’għajnejn in-nies tad-dinja.

Id-dinja u s-soċjeta’ jriduk tagħmel u tkun suċċess. Is-suċċess li jrid minnek Alla hu differenti. Alla jridek tħobb u tibqa’ tħobb akkost ta’ kollox u tipprova u tibqa’ tipprova togħbod id-dnub akkost ta’ kollox. Dan tal-aħħar tagħmlu billi taħrab id-dnub b’imħabba lejH li ma jixtieqx li d-dnub jidħol bejnietkom u jifridkom.

Jekk jirnexxilekx u jekk tkunx suċċess f’dawn, għal Alla mhux importanti. Sa mewtek, jista’ jkun li f’għajnejn dawk li jiġġudikawk int se tibqa’ tidher falliment, imma għal Alla li jħares lejn l-isforzi moħbija tiegħek biex tegħleb id-dnub, biex tkun xhud veru tiegħu bil-kliem u bl-għemil u biex tħobb u taqdi lill-oħrajn, int jista’ jkun li jkun ħaqqek is-suċċess u l-premju tal-ġusti fil-Ġenna.

Fir-realta’, kull ma n-nisrani għandu bżonn iżomm f’moħħu huwa li hu qiegħed f’din id-dinja biss għall-imħabba – biex iħobb. L-affarijiet l-oħra kollha (sitwazzjonijiet u azzjonijiet tan-nies) m’humiex importanti u m’għandux bżonn jogħqod jieqaf jinkwieta dwarhom. Lanqas biss għandu jaħseb wisq dwar il-bżonnijiet u x-xewqat tiegħu stess. Filwaqt li minn naħa tiegħu, għandu jipprova jagħmel dak li jista’, għal dawn li huma r-riżultati, għandu jafda kompletament f’idejn Dak li wiegħed li jagħtini dak li għandna bżonn, filwaqt li nkunu qed nippruvaw b’ħilitna kollha, nobdu l-kmandamenti Tiegħu u nħobbu lin-nies kollha mingħajr kundizzjoni hekk kif ħabbna Hu.

Talba: Mulej Alla tagħna, int għażilt lil San Gatjanu biex ixandar il-misteru tal-imħabba tiegħek ġewwa Tours; ħares lil dawk li tajthom il-ġieħ ta’ wliedek u żommhom sal-aħħar qalb waħda u ruħ waħda, u agħmel li l-ġnus kollha jaraw is-salvazzjoni tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://catholicexchange.com/st-gatian

Alternative Reading: https://wikivisually.com/wiki/Gatianus_of_Tours 

or http://logismoitouaaron.blogspot.com/2009/12/very-pious-god-fearing-manst-gatianus.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gatianus_of_Tours

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements