19 ta’ Diċembru: Beatu Urbanu V

Verżjoni Vidjo: Beatu Urbanu V

L-imħabba ma tintefaħx biha nnfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn“. ~ 1Korintin 13:4

007968_Papa_Urbanus_Quintus_83BEATU URBANU V
Papa
1310 – 1370

Tagħrif: William de Grimouard, il-futur Papa Urbanu V, kien ġej minn familja nobbli Franċiża u twieled fi Grisac, fil-Languedoc (Franza). Daħal mal-Benedittini f’Chirac, u studja f’Montpellier, Toulouse, Pariġi u Avignon. Kien ordnat saċerdot u ħa d-dottorat fil-liġi, u kiseb fama kbira bħala professur tal-liġi f’Montpellier u f’Avignon, u serva bħala vigarju ġenerali fi Clermont u f’Uzés.

Ta’ 42 sena l-Papa Klement VI ħatru (1352) abbati ta’ St Germain f’Auxerre, u serva fuq ħafna missjonijiet diplomatiċi fl-Italja. Papa Innoċenz VI ħatru abbati ta’ San Vittore f’Marsilja fl-1361 u legat tar-reġina Ġwanna tal-Italja f’Napli. Kien hawn meta huwa ngħażel Papa fl-1362 f’Avignon meta l-kardinali ma setgħux jiftehmu biex jagħżlu wieħed minn fosthom wara l-mewt ta’ Innoċenz VI u ħa l-isem ta’ Urbanu V.

Urbanu kompla juri interess fl-edukazzjoni u waqqaf l-universitajiet ta’ Krakovja u ta’ Vjenna. Hu kien eżempju ta’ sempliċità u integrità, kien ħieles min-nepotiżmu u ħadem ħafna għar-riforma tal-Knisja. L-ikbar att tal-pontifikat tiegħu kien ir-ritorn tiegħu minn Avignon għal Ruma, minn fejn il-Papa kien ilu nieqes 60 sena. Għamel dan il-pass kuraġġuż minkejja l-oppożizzjoni tal-kardinali u l-qorti Franċiżi meta l-Kardinal Albornoz rebaħ mill-ġdid l-Istati tal-Papa fl-1367.

Urbanu V b’enerġija kbira beda jibni mill-ġdid il-bażilki l-kbar li kienu ġġarrfu. Iżda wara 3 snin, mifni mid-diżordnijiet lokali, ċeda għal diversi pressjonijiet, kif ukoll minħabba l-imħabba li kellu għal Franza, huwa reġa’ lura lejn Avignon minkejja t-twissija ta’ Santa Briġida li jekk jitlaq minn Ruma imut f’qasir żmien.

Mewtu ġrat f’Avignon fid-19 ta’ Diċembru 1370, f’inqas minn tliet xhur wara li ħalla Ruma. Il-kult lejh kien approvat minn Piju IX fl-1870.

Ħsieb: Is-sempliċità f’nofs il-poter u l-kobor li kellu tidher li tiddefinixxi lil dan il-qaddis, li aċċetta b’diffikulta’ l-papat tiegħu, iżda baqa’ patri Benedittin f’qalbu. Dak li jiċċirkundana m’għandux għalfejn jinfluwenzana b’mod negattiv.

Tassew li għall-Beatu Papa Urbanu V, nistgħu napplikaw dawn il-versi mil-1 Korintin 13:4-6:

“… l-imħabba ma tintefaħx biha nnfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, … ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità”.

Imma xi jfisser eżatt dan u kif nistgħu bħal Papa Urbanu ma ninqdewx bil-pożizzjonijiet tagħna biex nitkabbru fuq l-oħrajn imma biex inservu lill-oħrajn u nwasslulhom il-Verita’ u l-Imħabba ta’ Kristu?

“L-imħabba ma tintefaħx bija nnfisha”. ma tagħmilx biex tidher hi, anzi l-imħabba tingħata b’mod li tikkonsma lil dak li jkun u għalhekk “l-imħabba ma titkabbarx fuq l-oħrajn”. Aħna, ħafna drabi, meta naħsbu fil-leaders ta’ din id-dinja, naħsbu li l-poter għandu x’jaqsam mal-arroganza, jew inkella mal-agressività, jew mal-vjolenza, imma l-imħabba, għaliex il-qadi huwa forma sabiħa tal-imħabba, “ma titkabbarx fuq l-oħrajn”, ma tmegħekomx taħt saqajha, ma tikkalpestahomx.

“L-imħabba ma tagħmilx dak li mhux xieraq”, l-imħabba allura tgħożż l-onestà, l-integrità: l-imħabba tevita dak kollu li mhux xieraq, l-imħabba tgħin id-dinjità ta’ dak li jkun, tagħrafha, tippromoviha.

“L-imħabba ma tfittixx dak li hu tagħha”. L-imħabba ma toqgħodx tagħmel il-kontijiet. L-imħabba ma tgħidx, ‘dan huwa dritt tiegħi’, l-imħabba tagħti lil hemm mill-eżiġenzi tal-ġustizzja.

“L-imħabba ma tifraħx bl-inġustizzja imma tifraħ bil-verità”. Jalla fuq l-eżempju tal-Beatu Urbanu V, aħna nifirħu bil-ġustizzja, nifirħu bil-verità, nifirħu b’dak kollu li huwa sewwa u nġibu l-ġid u l-barka fuq l-għażiż pajjiż tagħna.

Il-veri dixxipli ta’ Ġesu’ Kristu jħobbu jservu. Huma jafu li meta huma jaqdu lil ħaddieħor huma jkunu qed jesprimu l-imħabba vera tagħhom u jwettqu patt li huma għamlu fil-magħmudija. Hi x’inhi s-sejħa tagħhom fil-Knisja jew l-irwol tagħhom fil-komunità, huma jħossu fihom xewqa akbar li jħobbu u jaqdu lill-Mulej u lil xulxin.

  • U int, f’hiex int fl-imħabba tiegħek lejn l-oħrajn?
  • Tinqeda bil-pożizzjoni tiegħek (kemm jekk hi ta’ livell għoli u kemm jekk le) biex taqdi lill-oħrajn bla ma tfittex dak li hu tiegħek?
  • Kemm inti lest/a li tirsisti biex sakemm ikun possibli għalik, iġġib il-ġustizzja u tixhed għall-Verita’ u s-Sewwa anki jekk dan jiswielek ħafna?

Talba: Missier Etern, aħna nirringrazzjawk għal dak kollu li bil-qawwa tiegħek irnexxielu jwettaq il-Beatu Papa Urbanu V matul il-papat tiegħu. Agħtina aktar irġiel u nisa qaddisin fil-Knisja ta’ Ibnek, li jħabirku għall-kura u s-salvazzjoni tal-erwieħ fi żminijietna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/pope-urban-v.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-pope-urban-v-89

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Urban_V

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.