21 ta’ Diċembru: San Pietru Kanisju

Verżjoni Vidjo: San Pietru Kanisju

“Għandek kemm għandek x’tagħmel, bil-għajnuna ta’ Alla, tista’ tlaħħaq ma’ kollox”. ~ San Pietru Kanisju

prt.stpetercanisius_2048xSAN PIETRU KANISJU
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
1521 – 1597

Tagħrif: San Pietru twieled f’Nijmegen, l-Olanda fl-1521. Missieru kien is-Sindku tal-Belt.

Meta kellu 15-il sena mar jistudja fl-Universita’ ta’ Cologne fejn iggradwa fil-filosofija. Hawhekk iltaqa’ ma’ San Pietru Faber, kumpann ewlieni ta’ San Injazju ta’ Loyola.

Minn Cologne mar fl-Universita’ ta’ Louvain biex jistudja l-liġi, iżda hawnhekk ġietu l-ħajra li jsir saċerdot. Mar sab lil Patri Faber li kien f’Mainz, u għamel l-eżerċizzi spiritwali taħt id-direzzjoni tiegħu u daħal Ġiżwita.

Qaddes fis-sena 1546, u sar l-ewwel Ġiżwita Ġermaniż. Fetaħ dar tal-Ġiżwiti f’Cologne u ntefa’ jikteb u jippriedka waqt li kien jgħallem fl-Universita’.

Attenda għall-Konċilju ta’ Trentu u tkellem fih darbtejn. Wara, mar Ruma fejn San Injazju ma damx ma bagħtu jgħallem fl-ewwel skola li l-Ġiżwiti kienu għadhom kemm fetħu f’Messina.

Fl-1549, Il-Papa Pawlu III talab lil San Injazju jibgħat xi Professuri Ġiżwiti fl-Universita’ ta’ Ingolstadt. L-għażla ta’ San Injazju waqgħet fuq San Kanisju.

Fl-1552, fuq talba tar-Re Ferdinand, San Kanisju mar jgħallem fl-Universita’ ta’ Vjenna. Riduh isir Isqof tal-belt iżda ma’ aċċettax, u meta l-Papa Ġulju III għamlu amministratur tad-Djoċesi, irnexxielu jeħles minn din il-kariga wara sena. Fl-1556, ġie maħtur minn San Injazju l-ewwel Provinċjal tal-Ġermanja ta’ Fuq. Sadanittant baqa’ jaħdem bla heda għar-riforma kattolika kontra l-Protestantiżmu. Ippriedka fil-biċċa l-kbira tal-ibliet u l-irħula kollha tal-Ġermanja.

Il-lista tal-kitbiet tiegħu hi twila ferm. L-ittri biss ilaħħqu mat-tmien volumi. Hawn msemmi ħafna għat-tliet kotba tal-Katekiżmu li kiteb għat-tfal, għaż-żgħażagħ u għall-kbar.

Fl-1580 mar fi Fribourg, l-Iżvizzera biex iwaqqaf kulleġġ li llum sar l-Universita’ ta’ Fribourg. Baqa’ fl-Iżvizzera għall-aħħar 17-il sena ta’ ħajtu, u miet fl-istess kulleġġ, fil-21 ta’ Diċembru 1597. Ħalla warajh legat kbir enormi ta’ xogħol appostoliku li wettaq għall-Knisja li hu tant ħabb.

Il-Papa Piju XI żied ismu fil-lista tal-Qaddisin u ddikjarah Duttur tal-Knisja. Hu magħruf bħala “t-Tieni Appostlu tal-Ġermanja”, wara San Bonifazju.

Ħsieb: L-isforzi bla jaqtgħu ta’ Pietru Kanisju huma eżempju tajjeb għal dawk involuti fit-tiġdid tal-Knisja jew fit-tkabbir tal-morali fin-negozju jew fil-gvern. Huwa meqjus bħala wieħed li ħoloq l-istampa Kattolika, u jista’ faċilment ikun mudell għall-awturi jew il-ġurnalisti nsara ta’ żminijietna. L-għalliema jistgħu jaraw fil-ħajja tiegħu passjoni għat-trażmissjoni tal-verità.

L-istemma tal-Ġiżwiti hi monogramma, it-tlitt ittri ta’ “Iesus Hominum Salvator” (IHS). Forsi dan nafuh diġa’. Imma din l-istemma tffakkarna l-ħin kollu f’realta’ li aħna m’għandna ninsew qatt: iċ-ċentralita’ ta’ Kristu, li Sant’Injazju ried proprju jsejjħilha “ta’ Ġesu'” biex juri il-punt ta’ riferenza. Mhux biss, imma fil-bidu tal-Eżerċizzi Spiritwali wkoll, iqegħedna quddiem il-Mulej tagħna Ġesu’ Kristu, quddiem il-Ħallieq u s-Salvatur tagħna “biex noħorġu mill-imħabba tagħna nfusna, mix-xewqat u l-interessi tagħna”.

M’hijiex għalxejn il-mistoqsija għalina lkoll:

  • Kristu huwa ċ-ċentru ta’ ħajti?
  • Inqiegħed jien tassew lil Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajti?

Għaliex dejjem hemm it-tentazzjoni li naħsbu li nkunu aħna fiċ-ċentru. U meta nqiegħdu lilna nfusna u mhux lil Kristu fiċ-ċentru, niżbaljaw.  Kristu huwa l-ħajja tagħna!

Għaċ-ċentralita’ ta’ Kristu tikkorispondi wkoll iċ-ċentralita’ tal-Knisja: huma żewġ nirien li ma jistgħux jiġu mifrudin: jien ma nistax nimxi wara Kristu jekk mhux fil-Knisja u mal-Knisja. U f’dan il-każ ukoll, aħna qegħdin għall-qadi ta’ Kristu u tal-Knisja, l-Għarusa ta’ Kristu l-Mulej tagħna, li hija l-Knisja Qaddisa Ommna Ġerarkika.

Irridu nħallu lilna nfusna niġu mirbuħa minn Kristu u dan ifisser inkunu dejjem b’ħarsitna lejn dak li hemm quddiemna, lejn l-għan tagħna, li hu Kristu (ara Filippin 3:14) u nsaqsi lili nnifsi bil-verita’ u bis-sinċerita’:

  • X’għamilt jien għal Kristu?
  • X’qiegħed nagħmel jien għal Kristu?
  • X’għandi nagħmel jien għal Kristu?

Ejjew nitolbu li San Pietru Kanisju jgħinna nqiegħdu dejjem fiċ-ċentru ta’ ħajjitna u tal-qadi tagħna lil Kristu u l-Knisja tiegħu; nitolbuh jgħinna nħallu lilna nfusna niġu mirbuħa minn Kristu biex nimxu warajh u naqduh f’kull sitwazzjoni. Ħa nimxu fuq l-eżempji u t-tagħlim tiegħu, u nitolbu lilu u lill-qaddisin l-oħra, biex jimxu magħna fi triqtna, u jkomplu jgħallmuna biex nagħmlu kollox bl-umilta’, għall-akbar glorja t’Alla!

Jekk għandna ħafna x’nagħtu, kif għamel Pietru Kanisju, jew jekk għandna biss ftit x’nagħtu, kif għamlet l-armla fqira fl-Evanġelju ta’ Luqa (ara Luqa 21:1-4), l-importanti hu li lkoll nagħtu milli għandna. Huwa b’dan il-mod li Pietru tant baqa’ eżemplari għall-insara f’età ta’ bidla mgħaġġla meta aħna msejħa li nkunu fid-dinja imma mhux tad-dinja.

Talba: Għażiż San Pietru Kanisju, Duttur u Difensur tal-Knisja, li fost affarijiet oħra, ikkomponejt kotba li għenu u ispiraw għadd kbir ta’ nies f’ħafna artijiet, għin lil dawk li għandhom f’idejhom il-ministeru tal-katekiżmu biex jikkomunikaw it-tagħlim vera ta’ Kristu b’modi li jistgħu jinftiehmu fiż-żminijiet tal-lum sabiex kulħadd jitqanqal biex jimxi wara Kristu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-petrus-canisius.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-peter-canisius/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_Canisius

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements