26 ta’ Diċembru: San Stiefnu

Verżjoni Vidjo: San Stiefnu

“Kristu, li twieled għalina, żejjen lil San Stiefnu bil-kuruna tal-glorja: ejjew nadurawh.” ~ Antifona tad-dħul mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Stiefnu

Bellafiore-Stephen-2SAN STIEFNU
Djaknu u l-Ewwel Martri
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: Kull ma nafu dwar San Stiefnu nafuh mis-sitta u s-seba’ kapitli tal-Atti tal-Appostli.

San Stiefnu kien Lhudi, iżda ta’ kultura Griega. Ismu bil-Grieg ifisser kuruna. Sar dixxiplu ta’ Ġesù wara l-Axxensjoni, u ntagħżel biex ikun wieħed mis-seba’ Djakni. Il-kelma djakni ġejja mill-Grieg “diakonia” li tfisser servizz.

In-numru tal-Insara kien qed joktor. Dawk li kienu ta’ kultura Griega (Hellenin) bdew igergru li n-nisa romol tagħhom ma kinux jieħdu ħsiebhom bħalma kienu jieħdu ħsieb ir-romol tal-Lhud. L-appostli ma setgħux iħallu l-Kelma ta’ Alla biex jaqdu fl-imwejjed, għalhekk talbu l-komunita’ biex jagħżlu sebat irġiel prudenti u twajbin biex jagħmlu dan ix-xogħol. L-ewwel li għażlu kien San Stiefnu, żagħżugħ mimli bl-Ispirtu u bil-għerf.

Kellu inizjattiva straordinarja, għamel bosta għeġubijiet u kien jitkellem b’għerf u b’enerġija hekk qawwija li ħadd ma kien jista’ jirreżistih.

Il-Lhud xegħlu kontrieh, u billi ma setgħux ilaħħqu mal-għerf tiegħu xlewh quddiem is-Sinedriju li kien qed jinsulta l-liġi ta’ Alla u ta’ Mose’.

Huma karkruh barra mill-belt u ħaġġruh. Hekk sar l-ewwel wieħed li ta ħajtu għall-fidi tiegħu f’Ġesù. Meta kien quddiem din il-ġemgħa ta’ nies mimlija qilla għalih biex joqtluh wera kuraġġ kbir liema bħalu meta għamel kif għamel qablu Ġesù, talab għall-għedewwa tiegħu.

Fost dawk li kienu preżenti kien hemm Sawlu, dak li mbagħad sar l-Appostlu tal-Ġnus, kien l-ewwel u l-akbar frotta tad-demm li xerred San Stiefnu fil-martirju tiegħu.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi ta’ San Fulġenzju, Isqof ta’ Ruspe bit-titlu ‘L-armi tal-imħabba’:

“Il-bieraħ iċċelebrajna t-twelid temporali tas-Sultan etern tagħna; illum qegħdin niċċelebraw it-tbatija u l-mewt rebbieħa tas-suldat tiegħu.

Il-bieraħ is-Sultan tagħna, liebes il-ġisem ta’ bniedem bħal b’libsa rjali, ħareġ minn ġuf il-Verġni qisu mill-palazz tiegħu, u għoġbu jiġi u jżur id-dinja; illum is-suldat tiegħu ħareġ mit-tinda tal-ġisem, u telaq rebbieħ lejn is-sema.

Stiefnu, biex tkun tistħoqqlu l-kuruna li tfisser ismu:

  • kellu l-imħabba bħala l-arma tiegħu, 
  • biha ħareġ rebbieħ kullimkien.
  • Bl-imħabba ta’ Alla ma ċediex quddiem il-qilla tal-Lhud, 
  • bl-imħabba ta’ għajru talab għal min kien iħaġġru.
  • Bl-imħabba qagħad iħaqqaq ma’ min kien fl-iżball, biex dawn jerġgħu lura għas-sewwa;
  • bl-imħabba talab għal min ħaġġru, biex ma jiġux ikkastigati.

Bl-għajnuna u l-qawwa tal-imħabba rebaħ lil Sawl, qalil u aħrax, hekk li fis-sema stħaqqlu jaqsam fl-hena ma’ dak li kien ippersegwitah fuq l-art. L-istess imħabba qaddisa u sħiħa xtaqet tikseb bit-talb lil dawk li ma setgħetx tiksibhom għal Alla bit-twissijiet.

Għalhekk, ħuti, ladarba Kristu tana l-imħabba bħala s-sellum li bih kull nisrani jista’ jitla’ fis-sema, fittxu li jkollkom l-imħabba safja u qawwija, uruha lil xulxin bejnietkom, u permezz tagħha imxu u itilgħu ‘l fuq.

San Stiefnu ħaddan il-mewt li ġiet għalih fl-aħjar ta’ ħajtu, b’kuraġġ mill-akbar, b’tama l-iktar qawwija li kien ser jingħaqad ma’ Ġesù fil-ġenna, u bl-imħabba liema bħalha lejn kulħadd, ukoll lejn dawk li kienu qed joqtluh. Tgħid aħna kapaċi naslu li nagħmlu bħalu meta xi ħadd joffendina bil-kbir! Iva naslu jekk inkunu nħobbu lil Ġesù bħalma kien iħobbu hu”.

Talba: Aħna u nagħtu ġieħ lil San Stiefnu fit-tifkira tad-daħla tiegħu fis-sema, agħtina l-grazzja, Mulej, li nsiru nixbħuh, u nitgħallmu nħobbu wkoll l-għedewwa, kif talab hu għal dawk li ħaqruh. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-stephen_21.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-stephen/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Stephen

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.