29 ta’ Diċembru: San Tumas Becket

“Min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jżommha sħiħa għall-ħajja ta’ dejjem”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Tumas Becket

St Thomas BecketSAN TUMAS BECKET
Isqof u Martri
1118 – 1170

Tagħrif: San Tumas Becket twieled f’Londra, fil-21 ta’ Diċembru 1118, minn familja sinjura u prominenti. Huwa studja mal-Kanonċi regulari f’Merton, Surrey.

Meta kellu 24 sena daħal skrivan ma’ Teoboldu, Arċisqof ta’ Canterbury, u malajr sar kunfidenti ewlieni tiegħu.

Fl-1154 ordna djaknu u l-Arċisqof ħatru Arċidjaknu ta’ Canterbury, u fl-1155 ir-Re Neriku II ħatru l-Kanċillier tal-Ingilterra. Malajr sar bniedem setgħan u għani ħafna.

Meta Teoboldu miet fl-1161, Tumas ġie nnominat mir-Re stess biex jilħaq floku. Għalhekk, fl-1162 Tumas ġie ordnat saċerdot u wara kkonsagrat isqof. Hekk Tumas sar l-Arċisqof ta’ Canterbury u Primat tal-Ingilterra.

Wara l-ħatra tiegħu, Tumas irriżenja minn kanċillier, ħalla l-ħajja lussuża tiegħu u ħaddan waħda l-iktar sempliċi, u beda jagħmel id-doveri reliġjużi tiegħu bl-ikbar reqqa.

Il-ħbiberija li kien hemm bejn ir-Re u l-Arċisqof bdiet titħassar minħabba l-konflitti li bdew jinqalgħu bejn il-Gvern u l-Knisja. Neriku ried li l-Knisja tkun ubbidjenti lejh, waqt li Tumas ma setax skont il-kuxjenza tiegħu jħalli l-Knisja titlef il-liberta’ u d-drittijiet tagħha.

Fl-1164, l-Arċisqof irrifjuta li jaċċetta l-Kostituzzjoni ta’ Clarendon li fost kollox kienu jiċħdu lill-kleru d-dritt li jappella għand il-Papa. Minħabba f’hekk l-Arċisqof kellu jaħrab u jmur fi Franza fejn dam eżiljat għal sitt snin sakemm reġa’ lura l-Ingilterra fl-1170.

Meta r-Re sar jaf li l-Arċisqof irritorna, ir-Re mitluf bir-rabja qal: “Kif? Ma hawn ħadd f’saltnati li jista’ jeħlisni minn dal-qassis insolenti?”

Għal dan il-kliem, erba’ kavallieri tar-Re marru immedjatament fil-Katidral ta’ Canterbury u qatlu lill-Arċisqof bix-xwabel tagħhom fid-29 ta’ Diċembru 1170.

Il-mewt ta’ San Tumas ħasdet l-Ewropa kollha. Sentejn wara mewtu ġie kkanonizzat Qaddis mill-Papa Alessandru III.

Ħsieb: Mal-Verita’ m’hemmx kompromessi! Ma nistgħux insejħulu abjad dak li nafu li hu iswed, anki jekk l-avversarji tagħna jaslu joqtluna! Kemm hu nobbli n-nisrani li jirraġuna b’dan il-mod. “Min jibqa’ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.” (Mattew 24:13) qalilna Ġesu’ u f’post ieħor qal: “Dan ngħidilkom, ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem u mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iżjed.” (Luqa 12:4)

San Tumas Becket iddefenda bis-sħiħ id-drittijiet li l-kariga tiegħu kienet titlob li għandu jħares. Żamm iebes kontra pressjoni u intimidazzjoni l-iktar qawwijin. Ma ċediex akkost li jitlef ħajtu.

  • Aħna kemm naqdu l-kariga jew nagħmlu x-xogħol tagħna kuxjenzjożament?
  • Kemm ma nħallux il-flus, il-prestiġju, il-poter, l-avvanz, impieg ieħor, jew xi gwadann ieħor jinfluwenzana b’mod li nittraskuraw il-qadi ta’ dmirijietna?

Il-Papa Franġisku qal dan id-diskors fis-16 ta’ Novembru 2015 waqt omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta:

“L-idea li kulħadd ikun jaħsibha l-istess, l-umaneżmu li jieħu post Kristu, il-bniedem veru, teqred l-identità Kristjana. Ma nirkantawx il-karta tal-identità tagħna. 

Naraw dawn it-tliet kelmiet: mondanità, apostasija (ċaħda), persekuzzjoni:

Il-mondanità tfisser li nagħmlu dak li tagħmel id-dinja. Tfisser li nirkantaw il-karta tal-identità tagħna: aħna ugwali mal-oħrajn. B’hekk insibu li ħafna Iżraeliti ċaħdu l-fidi tagħhom u tbiegħdu mill-Patt il-Qaddis. U dak li deher tant raġonevoli – aħna bħal kulħadd, aħna normali – sar il-qerda.

L-apostasija, hi ċ-ċaħda. Jiġifieri li l-mondanità twasslek għall-ħsieb uniku u għall-apostasija. Mhux aktar permess li jkun hemm differenzi: ilkoll l-istess. Qed ifakkruni f’każ: li l-festi reliġjużi nbidlilhom isimhom, – eżempju t-twelid tal-Mulej jingħata isem ieħor – biex tinqered l-identità.

Dan jibda minn għerq, għerq żgħir, u jispiċċa biex isir deżolazzjoni ta’ min jistmerrha, jispiċċa jsir persekuzzjoni. Dan hu l-ingann tal-mondanità u għalhekk Ġesù kien talab lill-Missier f’dik iċ-Ċena: ‘Missier ma nitolbokx biex tneħħihom mid-dinja, imma ħarishom minnha’ – minn din il-mentalità, minn dan l-umaneżmu, li ġej biex jieħu post il-bniedem veru, Ġesù Kristu, li ġej biex ineħħilna l-identità Nisranija u jridna kollha naħsbu l-istess ħaġa: ħafna jagħmlu hekk, jien għaliex le?

Dal-ħsieb dominanti ta’ żmienna għandu jġegħelna naħsbu:

  • kif inhi l-identità tiegħi?
  • Hija Nisranija jew mondana?
  • Jew jien ngħid li jien Nisrani għax meta kont tarbija għammduni u għax twelidt f’pajjiż Nisrani, fejn kulħadd hu Nisrani?

Il-mondanità tidħol inkiss inkiss, tikber, tiġġustifika ruħha u tniġġes. Tikber bħal dak l-għerq, tiġġustifika ruħha: ‘Imma ħa nagħmlu bħalma jagħmel kulħadd, fl-aħħar mill-aħħar m’aħniex differenti!’ Infittxu dejjem ġustifikazzjoni, u fl-aħħar nitniġġsu u ħafna mill-gwaj jinbet minn hemm.

Nitolbu lill-Mulej għall-Knisja, biex il-Mulej iħarisha minn kull forma ta’ mondanità. Jalla l-Knisja jkollha dejjem l-identità li taha Ġesù Kristu; jalla aħna lkoll ikollna l-identità li rċevejna fil-Magħmudija, u li din l-identità li rridu nkunu bħal kulħadd, biex inkunu ‘normali’, tintrema ‘l barra. Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nżommu u nħarsu l-identità Nisranija tagħna kontra l-ispirtu tal-mondanità li dejjem qed jikber, li jiġġustifika ruħu u jniġġes”.

Talba: O Alla, int tajt il-grazzja lill-martri San Tumas biex bi qlubija kbira jxerred demmu għall-ġustizzja; bit-talb tiegħu, agħtina li f’din id-dinja niċħdu ħajjitna għal Kristu ħalli nsibuha fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/saint-thomas-becket.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-thomas-becket/ 

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Thomas_Becket

Film on the life of Saint Thomas Becket:

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements