San Ġorġ Preca (9 ta’ Mejju)

Verżjoni Vidjo: San Ġorġ Preca

“Dak li jgħid l-għaqli hu mfittex fil-laqgħat u f’qalbhom jibqgħu jaħsbu fuqu. Huwa jixbah lil wieħed sid li mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim”. ~ Sirak 21:17 [20 Vulg.]; Mattew 13:52.

DunGorg01SAN ĠORĠ PRECA
Saċerdot Malti u Fundatur tas-Soċjeta’ tad-Duttrina Nisranija
1880 – 1962

Tagħrif: San Ġorġ Preca twieled il-Belt Valletta nhar it-12 ta’ Frar 1880. Il-ġenituri tiegħu kienu Vinċenzo Preca u Natalina Cervalo. Il-ħajja Nisranija bdieha fis-17 ta’ Frar, meta tgħammed fil-knisja ta’ Santa Marija tal-Portu Salvu jew ta’ San Duminku, fil-Belt Valletta. Ma kienx jinqala’ wisq għal-logħob, imma ġieli daħal f’xi bawxata. Darba wieħed żagħżugħ b’saħħtu dendlu maċ-ċinta ta’ San Gejtanu u werwru.

Ta’ madwar 17-il sena, ħdejn il-Mall tal-Furjana, iltaqa’ ma’ wieħed mill-għalliema tiegħu tal-Liċeo, Dun Ercole Mompalao, u dan qallu: “Preca, int għad tikber, u nies li jirrispettaw lil Alla jidħlu fil-familjarità miegħek u inti magħhom. Int għad issib xortik permezz tagħhom u huma għad isibu xortihom permezz tiegħek”. Wara l-istudji tiegħu fil-Liċeo, daħal is-Seminarju jitħejja għal saċerdot. Fit-8 ta’ April 1905 miet Dun Alwiġ Galea, il-konfessur ta’ Ġorġ. Preca kien jirrakonta li ftit wara mewtu, Dun Alwiġ deherlu f’ħolma u qallu: “Lilek Alla għażlek biex tgħallimlu ’l-poplu tiegħu.” F’żgħożitu dan il-kliem ta’ Dun Ercole sar verità meta bi skuża ta’ sigarett, tħabbeb ma’ grupp ta’ żgħażagħ ta’ Luċitu fil-Ħamrun.

Ftit qabel ma ġie ordinat saċerdot, Ġorġ Preca, żviluppa komplikazzjonijiet fil-pulmun u skont il-professur ma kienx fadallu wisq ħajja. Imma Alla ried mod ieħor u nhar it-22 ta’ Diċembru 1906 ħa l-quddiesa.

Beda jlaqqa’ lill-grupp taż-żgħażagħ u nhar it-2 ta’ Frar iltaqgħu fil-knisja Ta’ Nuzzo, il-Ħamrun, għal lezzjoni tiegħu. Nhar is-7 ta’ Marzu ltaqgħu għall-ewwel darba f’post ċkejken li kienu krew f’nru. 6, Triq Fra Diegu, il-Ħamrun. Dawn iż-żewġ dati jimmarkaw it-twaqqif tas-Societas Doctrinae Christianae (Soċjetà tad-Duttrina Nisranija): grupp ta’ żgħażagħ lajċi ffurmati fil-ħajja tar-ruħ u fil-prinċipji tar-Reliġjon Kattolika, mibgħuta biex jgħallmu lill-poplu.

L-għaqda mwaqqfa minn Dun Ġorġ kellha l-mumenti iebsin tagħha. Fl-1909 Dun Ġorġ irċieva l-ordni li jagħlaq l-oqsma kollha. Il-qaddej ta’ Alla obda bi qsim il-qalb iżda mingħajr tlaqliq. Kienu l-kappillani stess li nsistew li tiġi rrevokata l-ordni tal-Vigarju Ġenerali Mons. Salvatore Grech.

Bejn l-1914 u l-1915 bdew jidhru fil-ġurnali lokali xi artikli kontra l-M.U.S.E.U.M. li kienu mimlijin disprezz u inġurji. Dun Ġorġ impona fuq il-membri tiegħu l-vot jew wegħda tal-manswetudni li biha ntrabtu li jaħfru mill-qalb lil min ikasbarhom u kien jinsisti magħhom biex “iħobbu d-disprezzi” u ma jħallux li dawn itellfulhom il-paċi ta’ qalbhom.

Fl-1916 l-Isqof Dom Mauro Caruana ordna li ssir inkjesta dwar is-Soċjetà. Wara ħafna taħbit u umiljazzjonijiet għall-fundatur, l-istess Isqof Caruana approva s-Soċjetà. Id-digriet tal-erezzjoni kanonika jġib id-data tat-12 ta’ April 1932.

Għall-bidu, Dun Ġorġ sejjaħ l-għaqda tiegħu Societas Papiduum et Papidissarum jew “Xirka ta’ Ulied il-Papa” għaliex ried jisħaq fuq il-lealtà lejn il-Papa. Intant, iżda, kważi b’ċajta, il-post fejn kienu jiltaqgħu l-ewwel soċji ngħata l-laqam ta’ ‘museum’ (mużew) u biż-żmien il-laqam tal-post sar l-isem tal-għaqda, u baqa’. Dun Ġorġ fassal akrostiku mill-kelma “M.U.S.E.U.M” bil-Latin: “Magister Utinam Sequatur Evangelium Universus Mundus!” (Mgħallem, li kien id-dinja kollha timxi fuq l-Evanġelju!). Il-fergħa tan-nisa bdiet Raħal Ġdid fl-1910 bl-għajnuna ta’ Ġannina Cutajar li wara saret l-ewwel Superjura Ġenerali.

Dun Ġorġ, kien magħruf ma’ kulħadd bħala bniedem ta’ Alla u n-nies kienu jfittxuh bi ħġarhom għax kliemu ma kienx dak tas-soltu, kliemu kien iqanqal il-qlub ta’ kulħadd. Fuq kollox in-nies jibqgħu jiftakruh għall-imħabba li kellu lejn Alla u lejn il-proxxmu. Kien bniedem ta’ umiltà, tant li xtaq li ma’ mewtu jintesa. Ħajtu kienet prietka ta’ manswetudni. Kien jimxi bil-ħlewwa ma’ kulħadd u ħafer b’mod sinċier lil kull min għamillu l-ħsara.

San Ġorġ ma qagħadx lura milli jgħallem bil-kitba. Minkejja l-kwistjoni li kien hawn f’Malta bejn it-Taljan u l-Ingliż, Dun Ġorġ għallem u kiteb bil-Malti, il-lingwa tal-poplu, biex żgur kulħadd jifhem. Il-Publikazzjonijiet tiegħu, bejn kotba u fuljetti, ilaħħqu mal-150. It-talb tiegħu, li minnu waslilna ħafna u fuq bosta suġġetti, jikxef li Dun Ġorġ kien ruħ mistika medhija tfittex lil Alla biss. Mhux ta’ b’xejn li kien konfessur imfittex ħafna għall-pariri, u jidher li Alla saħansitra nqeda bih biex ta l-fejqan lil xi wħud.

Il-kariżma tiegħu li jgħallem għadha ħajja u l-vokazzjonijiet fis-Soċjeta’ tiegħu dejjem jiżdiedu. Fi żmienu, Dun Ġorġ innifsu baghat sitt membri biex jevanġelizzaw fl-Awstralja. Bħalissa s-Soċjeta’ tal-M.U.S.E.U.M. għandha wkoll Djar tat-tagħlim u Skejjel fis-Sudan, fil-Kenja, fil-Peru, f’Londra u fl-Albanija.

Dun Ġorġ Preca ħadem kemm felaħ biex ixerred it-tagħlim tal-Evanġelu fil-gżejjer Maltin. Bla dubju, kien appostlu tal-kelma ta’ Alla, speċjalment tal-Evanġelu li kien isejjaħlu “Leħen il-Maħbub”. Kien jaqra l-qlub tal-bnedmin u kien imżejjen bid-don sopranaturali li jħabbar bil-quddiem dak li kellu jseħħ. Kien b’danakollu saċerdot ta’ umiltà kbira, twajjeb, ħelu, ġeneruż. Kien ragħaj qaddis tal-poplu ta’ Alla.

Stinka ħafna biex tinxtered id-devozzjoni lejn il-misteru tal-inkarnazzjoni. Sa mill-1917 beda jqanqal il-qima lejn il-kliem mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, “Verbum Dei Caro Factum Est” (Ġwanni 1, 14). Ried li s-soċji jilbsu badge b’dan il-kliem. Mill-1921 ħa ħsieb li f’kull raħal u belt, lejlet il-Milied, tigi organizzata ‘dimostrazzjoni ad unur ta’ Ġesù Bambin’, użanza li daħlet sew fost id-drawwiet sbieħ tal-Milied malti.

Fil-mumenti diffiċli ta’ ħajtu u tas-soċjetà tiegħu Dun Ġorġ Preca tgħallem jafda fil-ħarsien qawwi ta’ sidtna Marija. Nhar il-21 ta’ Lulju 1918 inkiteb bħala terzjarju Karmelitan u fil-professjoni li għamel f’Settembru 1919 għażel l-isem ta’ Patri Franku. Ried li t-tfal kollha li jattendu l-M.U.S.E.U.M jinkitbu fil-labtu tal-Karmnu u kellu devozzjoni speċjali lejn il-Madonna tal-Bon Kunsill (ara Madonna tal-Bon Kunsill). Xerred kemm felaħ id-devozzjoni lejn il-Midalja Mirakoluża (ara l-Madonna tal-Midalja Mirakoluża) u minħabba f’hekk il-knisja tad-Dar Ċentrali fil-Blata l-Bajda hi ddedikata lilha.

Fit-2 ta’ Ottubru 1952, il-Papa Piju XII ħatar lil Dun Ġorġ bħala Kamrier Sigriet bit-titlu ta’ Monsinjur. Dun Ġorġ tnikket ħafna minħabba din l-onorifiċenza. Dun Ġorġ Preca miet fid-dar “San Gejtanu”, Triq il-Parroċċa, Santa Venera, Malta, nhar il-Ħamis filgħaxija tas-26 ta’ Lulju, 1962. Huwa ried funeral sempliċi, iżda sarlu wieħed li fih ħadu sehem l-ogħla awtoritajiet tas-soċjetà Maltija u eluf kbar ta’ nies. Indifen fil-kripta taħt il-knisja tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluża fil-Blata l-Bajda, li malajr saret post ta’ pellegrinaġġi.

Il-miraklu approvat għall-beatifikazzjoni sar f’Raħal Ġdid nhar it-3 ta’ Frar 1964 meta Charles Zammit Endrich fieq f’daqqa minn distakk tar-retina wara li qiegħed taħt rasu relikwja ta’ Dun Ġorġ.

Il-Kawża ta’ Beatifikazzjoni tiegħu ġiet mibdija fl-1975. Dun Ġorġ kien iddikjarat Beatu fid-9 ta’ Mejju 2001 mill-Papa Ġwanni Pawlu II waqt quddiesa ta Beatifikazzjoni fuq il-Fosos tal-Furjana, Malta. Huwa kien ikkanonizzat mill-Papa Benedittu XVI li sejjaħlu “ħabib ta’ Ġesù” u ddikjara li San Ġorġ Preca huwa “t-tieni missier tal-fidi tal-poplu Malti u Għawdxi.” Il-festa liturġika tiegħu taħbat fid-9 ta’ Mejju. Nitolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca.

Wara l-fejqan mirakoluż ta’ tarbija (Eric Catania) ftit wara l-beatifikazzjoni, Dun Ġorg ġie ddikjarat qaddis f’Ruma nhar il-festa tat-Trinità Qaddisa, il-Ħadd 3 ta’ Ġunju 2007. Nhar it-8 ta’ Novembru 2008 ġiet inawgurata l-ewwel parroċċa f’Malta ddedikata lil dan l-ewwel qaddis Malti fiż-żona magħrufa bħala s-Swatar.

Agħfas fuq SAN ĠORĠ PRECA biex tniżżel dokument b’aktar tagħrif dwaru.

Ħsieb: Qari mill-Ittri ta’ San Ġorġ Preca, saċerdot (Ittra lil Rakele Camilleri tas-26 ta’ Ġunju 1934: Arkivju tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, Malta) bit-titlu ‘It-Tagħlim huwa l-għajn ta’ kull ġid’:

“Inkellmuhom lit-tfal fuq Alla, fuq in-Novissmi, u fuq il-ħajja tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu fejn naraw tant eżempji ta’ umiltà, ta’ karità, ta’ manswetudni, ta’ paċenzja. X’ħasra hawn mad-dinja kollha akkawża tan-nuqqas tat-tagħlim! Għalhekk nagħmlu kemm nistgħu biex niġbdu żgħażagħ ta’ xi speranza, u fuq kollox nitolbu l-Padrun tal-ħsad li jqanqal u li jibgħat Hu stess fl-Oqsma ħafna soċji.

Biżżejjed li jiena ngħidlek li l-Ispirtu s-Santu jara wisq sbieħ is-saqajn ta’ dawk li jgħallmu ħwejjeġ tajba, ħwejjeġ tal-paċi. Ilkoll intom f’idejn Alla, u għalhekk qatt m’għandkom tiddejqu, għax fl-ebda ħaġa ma jonqoskom. Intom qegħdin tagħmlu l-missjoni tal-Maħbub Ġesù, Mgħallem wieħed tal-bnedmin, li ġie fid-dinja biex jilluminaha bit-tagħlim tiegħu. Dan it-tagħlim tiegħu li aħna qegħdin nikkomunikawh lil min ma jafux, u nagħmlu kuraġġ lil xulxin biex ngħixu l-ħajja spiritwali li hija tant triq dejqa. Jiena kuljum nirrikmandakom fil-quddiesa; u nitolbu ‘l Alla lkoll kemm aħna jagħmel miżerikordja magħna. Oh x’unur li Alla tant maestuż jogħġbu jinqeda bina għal servizz hekk ħelu, hekk glorjuż, hekk importanti!”

Aktar ħsibijiet ta’ San Ġorġ Preca:

  • O Alla, inti ħlaqtna għalik u ħlaqtna biex ngħixu għalik dejjem, u li ma mmutu qatt jekk aħna nħarsu l-ġustizzja tiegħek.
  • Satana, qattiel sa mill-bidu, mimli għira għalina l-bnedmin, bil-qerq tiegħu daħħal fid-dinja d-dnub u l-mewt,
  • U inti għal din id-diżgrazzja li ġiet fuqna mid-dnub oriġinali ftaħt it-teżori tal-ħniena tiegħek.
  • O Alla inkomprensibbli fil-ġudizzji tiegħek u f’kollox, inti tassew tobgħod id-dnub, iżda tippermettih, għalkemm ma tridu qatt.

Xerrdu ma’ kullimkien, bil-kelma u bl-eżempju, id-dawl tad-duttrina tas-saħħa, u intom għadd tiddu bħall-kwiekeb. Meta intom tkunu kawża volontarja li dnub jiġi evitat minħabba fit-tagħlim li intom tkunu tajtu, Alla jbierek mhux biss lil dak li jkun ġab rebħa fit-tentazzjoni, iżda wkoll lil dak li jkun għallmu; u anke ’l dawk ukoll li jkunu kkoperaw biex isir it-tagħlim.

L-Ispirtu t’Alla huwa spirtu ta’ mħabba għaliex Alla huwa mħabba u kwalunkwe imħabba fl-atti tagħha – timxi wisq ’il bogħod minn kull xorta ta’ deni. Min ma jaħfirx żgur li mhux iben t’Alla, missier ħanin ta’ kulħadd, tajbin u ħżiena.

Min hu li jħares lejn il-kurċifiss u ma jikkwitax f’mistrieħ perfett? Dnubietek ibeżżgħuk? Stħajjel lill-kurċifiss jgħidlek: ‘ħares ’l hawn u kwieta għax jien ħallast għalik.’ Xi ħadd ġab ruħu ħażin miegħek? Stħajjel lill-kurċifiss jgħidlek: ‘ħares ’l hawn u kwieta għax jiena għamilt il-ġid u ħallsuni b’deni.’ Inti mweġġa’ jew imnikket? Stħajjel lill-kurċifiss jgħidlek: ‘ħares ’l hawn u kwieta għax jiena innoċenti f’baħar ta’ uġigħ u ta’ niket.’ Tinsab inti nieqes minn xi ħaġa? Stħajjel lill-kurċifiss jgħidlek: ‘ħares ’l hawn u kwieta għax jiena msallab għarwien.’ Inti mżeblaħ? Stħajjel lill-kurċifiss jgħidlek: ‘ħares ’l hawn u kkwieta għax jien Alla, oġġett ta’ tmaqdir, ta’ żufjett u ta’ daħk.’

F’kelma waħda f’kull stat tiegħek spiritwali għandek issib dejjem faraġ x’tiġbed minn Kristu kurċifiss li jgħid lil kull min iħares lejh li kollox jispiċċa mal-mewt: delizzji u biki. Ara qatt taħseb li inti spiritwali, jekk biex timita titfa’ għajnejk band’oħra ħlief fuq il-kurċifiss – Kristu waħdu biss it-triq, is-sewwa u l-ħajja u ħadd ma jasal fis-saltna tal-paċi ta’ dejjem ħlief permezz tiegħu biss. Tfittex il-pjaċiri li jgħaddu? Kun af li m’intix skular veru ta’ Kristu, li bata għalina u ħallielna l-eżempju li nimxu warajh li dnub ma għamilx. Iddeċiedi, immela, li quddiem it-tbatija tgħid sinċerament: “O Salib, is-sliem għalik!”

Alla Missier, jiena nemmen li int kapaċi toħroġ it-tajjeb anki minn esperjenzi ta’ tbatija u mill-iżbalji kbar li nagħmlu aħna l-bnedmin. Għinni biex l-iżbalji li għamilt jiswewli biex nitgħallem minnhom jien u anki ħaddieħor. Ammen.

Sinjur Alla, agħtini l-paċi tiegħek: iż-żmien l-imgħoddi nħares lejh u nsewwed qalbi għan-nuqqasijiet ta’ attenzjoni fuq il-liġi tiegħek. Iżda jien naf li int il-Missier tagħna u li aħna wliedek, kreaturi ta’ jdejk, u b’hekk jiena nistrieħ fik meta nerħi ruħi fl-idejn tiegħek. Ammen.

  • U int kif qed timita lil dan il-Qaddis Malti li għamel bosta ġid f’pajjiżu/pajjiżna?

Talba: Mulej Ġesù, nitolbuk sabiex it-tagħlim u l-eżempju li tana San Ġorġ Preca jkunu ta’ salvazzjoni għal ruħna. J’Alla l-vokazzjonijiet fis-Soċjeta’ tal-MUSEUM jibqgħu jiżdiedu.

O Alla, int sejjaħt lis-saċerdot tiegħek, San Ġorġ Preca għall-ministeru tal-evanġelizzazzjoni, agħtina nitolbuk li mħeġġin bit-tagħlim tiegħu u msaħħin bl-interċessjoni tiegħu, aħna wkoll naħdmu bla heda għas-saħħa tad-dinja u nħabirku biex jitkattar l-għadd ta’ dawk li jemmnu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=7212

Alternative Reading: http://www.independent.com.mt/articles/2007-06-04/news/the-first-maltese-saint-dun-gorg-preca-a-biography-174428/

Wikipedia in English: https://en.wikipedia.org/wiki/George_Preca

Wikipedia in Maltese: https://mt.wikipedia.org/wiki/Dun_%C4%A0or%C4%A1_Preca

Nota: It-Tagħrif dwar San Ġorġ Preca huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.