Beata Adeodata Pisani (25 ta’ Frar)

Verżjoni Vidjo: Beata Adeodata Pisani

Mulej, kull min jitbiegħed minnek jintilef. Jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla; f’Sidi l-Mulej qegħedt il-kenn tiegħi. Min jingħaqad mal-Mulej huwa spirtu wieħed miegħu”. ~ Salm 72(73):27a. 28a; 1 Korintin 6:17 

25-Beata Maria Adeodata Pisani-25BEATA ADEODATA PISANI
Verġni u Reliġjuża
1806 – 1855

Tagħrif: Twieldet Napli fid-29 ta’ Diċembru 1806 u ngħatat l-isem ta’ Marija Tereża. Missierha kien mogħti għax-xorb u l-ġenituri tagħha kellhom jinfirdu meta l-beata kienet tarbija, u hi trabbiet minn omm missierha, iżda din mietet meta l-beata kellha għaxar snin. Hi ntbagħtet f’kulleġġ tal-bniet f’Napli sakemm għalqet 17-il sena.

Sentejn wara, ġiet Malta għal kollox flimkien ma’ ommha u marru joqogħdu r-Rabat. Ommha kemm-il darba ppruvat issibilha għarus biex tiżżewweġ, iżda Marija Tereża qatt ma riedet. Ma’ missierha ltaqgħet bosta drabi u dejjem ġabitlu rispett. Ħafna kienu jammiraw il-ħajja eżemplari tagħha u ċerta qdusija diġà kienet bdiet tidher fiha.

Marija Tereża kienet issib l-għaxqa tagħha titlob fil-knisja ta’ San Mark, li l-Agostinjani għandhom fir-Rabat. Kien proprju f’dil-knisja quddiem ix-xbieha tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, li ħasset is-sejħa li tidħol soru. Marija Tereża daħlet fil-monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-1828 meta kellha 22 sena. Hawn ingħatat l-isem ta’ Marija Adeodata u fit-8 ta’ Marzu 1830 hi għamlet il-professjoni reliġjuża solenni.

Fl-1851 intgħażlet bħala Badessa u fi żmienha mexxiet riforma fil-ħajja komunitarja b’ħarsien aktar bir-reqqa tar-regola. Dak li setgħet tiddisponi minnu qassmitu lill-foqra li kienu jħabbtu l-bieb tal-monasteru. Il-beata baqgħet imsemmija għall-ispirtu ta’ talb u sagrifiċċju. Mietet fil-25 ta’ Frar 1855 fil-għomor ta’ 49 sena.

Hija ġiet ibbeatifikata nhar id-9 ta’ Mejju, 2001 mill-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II, flimkien ma’ Dun Ġorġ Preca u l-Kjeriku Nazju Falzon.

Ħsieb: Swor Marija Adeodata Pisani għaddiet il-biċċa l-kbira ta’ ħajjitha bħala xbieha mill-aqwa ta’ konsagrazzjoni reliġjuża Benedittina fil-Monasteru ta’ San Pietru. It-talb, l-ubbidjenza, is-servizz lejn ħutha s-sorijiet u l-maturita’ fil-qadi tad-dmirijiet tagħha: dawn kienu jiffurmaw il-ħajja qaddisa u fis-skiet ta’ Marija Adeodata. Moħbija fil-qalba tal-Knisja, qagħdet f’riġlejn il-Mulej tisma’ t-tagħlim tiegħu (ara Luqa 10:39), filwaqt li daqet dak li jibqa’ għal dejjem (ara Kolossin 3:2). Bit-talb, bix-xogħol u bl-imħabba, saret nixxiegħa ta’ dak il-frott spiritwali u missjunarju li mingħajru l-Knisja ma tistax tippriedka l-Evanġelju ta’ Kristu, għax il-missjoni u l-kontemplazzjoni ma jgħaddux mingħajr xulxin.

Il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II jgħid hekk dwarha:

“L-eżempju qaddis ta’ Swor Adeodata żgur għen biex iġib ‘il quddiem it-tiġdid tal-ħajja reliġjuża tal-Monasteru tagħha. Nixtieq nirrikmanda għall-interċessjoni tagħha intenzjoni speċjali tiegħi. Dan l-aħħar sar ħafna biex il-ħajja reliġjuża tadatta ruħha għaċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu fil-ħajja tal-lum, u s-siwi ta’ dan jidher fil-ħajjiet ta’ ħafna nisa u rġiel reliġjużi. Iżda hemm bżonn tiġdid tal-apprezzament tar-raġunijiet teoloġiċi profondi għal din il-forma speċjali ta’ konsagrazzjoni. Għadna qed nistennew il-frott sħiħ tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II fuq il-valur traxxendentali ta’ dik l-imħabba speċjali ta’ Alla u ta’ l-oħrajn li twassal għall-ħajja tal-voti tal-faqar, kastita’ u ubbidjenza. Nirrikmanda lill-irgiel u lin-nisa ta’ ħajja kkonsagrata l-eżempju ta’ maturita’ u ta’ responsabbilta’ personali li kienu jidhru b’mod tant sabiħ fil-ħajja tal-Beata Adeodata.”

U dan diskors mill-omelija tal-Isqof Charles J. Scicluna (25 ta’ Frar 2015):

“Illum niftakru fil-Beata Adeodata Pisani li bħal-lum niċċelebraw it-tifkira liturġika tagħha imma din l-imbierka soru tal-klawsura tal-monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina, ħafna drabi, peress li tiġi ċċelebrata fir-Randan, ninsewha. Adeodata Pisani għexet fil-kunvent tal-klawsura l-Imdina bħas-sorijiet li kienu jitolbu f’din il-kappella, mijiet ta’ snin ilu, ingħatat kollha kemm hi għall-ministeru tat-talb u tal-penitenza u sabet it-triq tal-imħabba sabiħa.

Aħna m’aħniex fil-klawsura, qegħdin fid-dinja, aħna wkoll irridu nsibu t-triq tal-imħabba sabiħa billi nagħtu ħajjitna skont l-istat tagħna.

  • Min hu miżżewweġ jagħti ħajtu fl-imħabba skont l-istat ta’ miżżewweġ u jitlob għall-grazzja tal-fedeltà.
  • Min hu armel jgħix il-vokazzjoni tiegħu, kultant ta’ solitudni, billi jfittex li fil-knisja jkun preżenza ta’ għerf, ta’ għaqal u ta’ tama, mhux jingħalaq waħdu.
  • Min hu żagħżugħ igawdi l-ħajja mingħajr ma jitkisser jew ikisser lil ħaddieħor, imma jitlob li jkollu vokazzjoni li tkun ta’ ġid għal kulħadd inkluża għalih innifsu.
  • Min hu saċerdot u min hu Isqof iqis li l-imħabba tiegħu jgħixha billi jagħti ħajtu għall-merħla.

U hekk nitolbu lill-Beata Adeodata Pisani biex titlob għalina ħalli nħarsu lejn il-ħniena ta’ Alla u nagħmlu kuraġġ”.

(ara informazzjoni dwar is-Sorijiet Benedittini tal-Monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina)

Talba: O Alla, għajn ta’ kull ġid, inroddulek ħajr li fil-Beata Marija Adeodata, tajtna mudell ta’ ħajja qaddisa. Mimlija b’imħabbtek, għaddiet ħajjitha fit-talb, fiċ-ċaħda tagħha nnifisha, u fil-ħarsien tar-Regola ta’ San Benedittu fis-skiet tal-Monasteru. Agħmel Mulej, li kif f’ħajjitha l-Beata Marija Adeodata għenet tant lill-oħrajn, hekk issa bl-interċessjoni tagħha tgħinna ngħixu ħajja qaddisa mibnija fuq it-talb, l-imħabba tal-proxxmu, u t-twettiq tar-rieda tiegħek hekk kif għexet hi għall-imħabba tiegħek u ta’ Ommna l-Verġni Marija. Ammen.  

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-maria-adeodata-pisani-158

Alternative Reading: https://www.ewtn.com/footsteps/BL_Maria_Adeodata_Pisani.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Adeodata_Pisani

 

Beatifikazzjoni ta’ Swor Adeodata Pisani, flimkien ma’ Dun Ġorġ Preca u l-Kjeriku Nazju Falzon:

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar il-Beata Adeodata Pisani huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements