Qaddej ta’ Alla Ewġenju Borg

Verżjoni Vidjo: Qaddej ta’ Alla Ewġenju Borg

5c1_eugenio_borgEWĠENJU BORG
Superjur
1886 -1967

Tagħrif: Nhar it-12 ta’ Marzu 1997 Mons. Arċisqof ħareġ editt biex tinbeda l-Kawża għall-Beatifikazzjoni ta’ Ewġenju Borġ, magħruf bħala Ġeġe’, l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjeta` tat-Tagħlim Nisrani (MUSEUM), li kien ħaddiem tat-Tarzna.

Ewġenju Borġ (1886-1967), jew Ġeġe’, kif kien iħobb isejjaħlu San Ġorġ Preca, twieled l-Isla, nhar l-24 ta’ Lulju. Huwa meqjus bħala l-ġebla tax-xewka li fuqha Dun Ġorġ bena l-għaqda tiegħu. Kien hu l-ewwel wieħed li ħareġ u fetaħ l-ewwel dar tal-Museum barra mill-Ħamrun. Kien ukoll l-ewwel wieħed fis-soċjeta’ tal-Museum li ta bidu għall-konferenzi reliġjużi lil dawk li mhumiex membri fis-Soċjeta’.

Ta’ ħames snin, il-familja tiegħu marret toqgħod il-Ħamrun (l-istess kif għamel Dun Ġorġ t’eta’ żgħira mill-Belt għall-Ħamrun). F’żgħożitu Ġeġe’ kien iħobb ħafna l-futbol u l-ħbieb. Kien il-leader ta’ sħabu li kienu jiltaqgħu f’għalqa fejn il-Knisja ta’ San Gejtanu, jilagħbu, jiċċajtaw u jpejpu qishom ċumnija. Wara eżami li għadda minnu mat-tieni darba, daħal it-Tarzna bħala mudellatur, sengħa li baqa’ jżommha sakemm irtira, 40 sena wara.

Dixxiplu ta’ San Ġorġ
Meta kellu xi dsatax -il sena iltaqa’ għall-ewwel darba ma’ Dun Ġorġ, (li dik il-ħabta kien għadu qed jistudja għal qassis). Dun Ġorġ talabhom sigarett u waqaf jitkellem miegħu u ma’ sħabu fl-għalqa. Poġġa bilqiegħda ħdejhom fuq ġebla u qagħad ikellimhom fuq it-tbatija ta’ Kristu. L-għada reġa’ mar ikellimhom jew aħjar jgħallimhom fuq Alla u baqa’ jagħmel dan għal ħafna ġranet. Iżda “darba,” jgħid Ġeġe’, “kif konna hemm, dar fuqi u qalli: Nhar il-Ħadd, int u jien immorru passiġġata flimkien, ġib biċċa ħobż… u xi ħaġa x’tixrob.” U hekk għamilt; niftakar kont ħadt miegħi Bibbja bl-Ingliż (niftakru li kien għad m’hawnx bil-Malti). Morna l-istazzjon… dħalna ġo għalqa, u bilqiegħda fuq blata taħt siġra kont naqra mill-Bibbja u Dun Ġorġ joqgħod ifissirli. U din mhux darba għamilnieha. Konna ndumu siegħa u nofs, sagħtejn, u ġieli anki aktar, u mbagħad konna mmorru lura d-dar, jiena nerġa’ mmur insib lil sħabi.”

Inqas minn sentejn wara l-ewwel laqgħa ta’ Ewġenju Borġ ma’ Dun Ġorġ, Dun Ġorġ sar qassis. Ġeġe’ beża’ li kien se jitlef lil dan il-ħabib kbir għax fil-fehma ta’ dak iż-żmien, il-qassis biex iżomm id-dinjita’ tiegħu ma kienx jitħallat ma’ kulħadd u jpoġġi fuq il-ġebel tal-għelieqi. Iżda Dun Ġorġ li x-xewqa kbira tiegħu kienet li jixbah lil Ġesu’, baqa’ jiltaqa’ magħhom. Mhux talli hekk, talli fis-7 ta’ Marzu 1907, Ġeġe’‚ u sħabu krew dar b’żewġt ikmamar fejn bdew jiltaqgħu fiha kuljum wara x-xogħol u l-Ħadd filgħodu u wara nofsinhar. Meta Dun Ġorġ talab miż-żgħażagħ li ma jridx iżjed tipjip, ma kinitx faċli u b’mod speċjali għal Ġeġe’ li ġieli pejjep mitt sigarett f’ġurnata. Iżda Ġeġe’‚ li kien jobdi lil Dun Ġorġ b’għajnejh magħluqa, mal-kliem ta’ Dun Ġorġ, qabad il-pakkett tas-sigaretti u rmieh dak il-ħin stess.

Dun Ġorġ għażel lil Ewġenju Borġ bħala l-ewwel superjur ġenerali tas-Soċjeta’ tal-MUSEUM, għażla li ġiet konfermata b’elezzjoni mis-soċji fl-1926. L-editt tal-Arċisqof jgħid li Ġeġe’ kien l-aktar membru fidil ta’ Dun Ġorġ, doċli u li kien josserva r-Regola. Kien bniedem ta’ talb u devot kbir tal-Ewkaristija. Minħabba f’hekk, hu kien miżmum bħala eżempju ħaj ta’ kif għandu jkun membru tal-Museum. Min-naħa tiegħu, Dun Ġorġ kien iqisu bħala dixxiplu fidil u, fl-assenza tiegħu, ġieli wkoll faħħar il-qdusija tiegħu.

Ħaddiem tat-Tarzna
“Iżda l-iktar ħaġa li tolqotna u li jista’ jkollha rifless fuq is-soċjeta’ attwali tagħna fi żminijietna huwa l-fatt li Ewġenju kien ħaddiem tat-Tarzna u hemmhekk wettaq ħafna mill-appostolat tiegħu fost l-istess ħaddiema.” It-Tarzna, “is-sur Ewġen” kien irrispettat ħafna u tant kien jaqdi dmiru bir-reqqa li wħud kienu jsejħulu “l-qaddis”. Fil-ħin ta’ nofsinhar, Ġeġe’ kien jirkeb il-lanċa u jmur jiekol f’restorant, il-Belt. Meta kien jidħol Ġeġe’ hemmhekk, l-irġiel kienu jwissu ‘l xulxin biex iġibu ruħhom sew quddiemu u ma jidgħux. Ġeġe’, li sar jaf b’dil-biċċa xogħol, ġieli dam apposta, ħa jiġi evitat dagħa kemm jista’ jkun! Ġieli wkoll kien jitrakka f’xi ħanut żgħir tal-barklori u jiekol xi ħaġa hemm. Wara li jkellem lill-barklori u n-nies tax-xatt mimlija tpinġija ma’ ġisimhom u magħrufin bħala “injoranti”, kien joqgħod ifissrilhom id-duttrina Nisranija u jgħallimhom jitolbu r-rużarju.

Bniedem bħal Ewġenju Borġ ma setax ma jħallix influwenza kbira fost sħabu l-ħaddiema. L-ispirtu tiegħu baqa’ jinħass fil-ħanut (“il-ħanut tal-appostli”) fejn kien jaħdem fit-tarzna għal ħafna snin wara li rtira mix-xogħol. Il-ħaddiema t’hemmhekk kienu jinħassu mill-mod ta’ kif kienu jġibu ruħhom li ma kinux bħall-oħrajn. Ewġenju “kien ħabib ma’ kulħadd, stmat ħafna mis-superjuri tiegħu u bniedem li jħobb is-skiet. Bil-ħidma bieżla tiegħu Ewġenju wera kif bniedem jista’ jitqaddes ukoll permezz tax-xogħol.”

Problemi ta’ saħħa u mwiet
Fl-1931, Ġeġe’ sar jaf li kien dijabetiku. Il-mewt t’ommu u missieru, li ġrat sena qabel, ħaffietlu t-triq għal din il-marda. Id-dijabete bdiet sa mill-bidu ddgħajjef lil Ġeġe’ minn saħħtu iżda minkejja dan hu baqa’ sal-aħħar jaqdi dmiru lejn Alla, lejn il-MUSEUM u lejn ħutu l-bnedmin. Kien jipprova ma jħallix jum jgħaddi li ma jmurx jgħallem f’xi post jew ieħor. Kien konvint li bniedem bla tagħlim sod ma jistax iħobb lil Ġesu’ u jgħidlu “iva” b’qalbu kollha. Fl-1941 tah attakk gravi tal-marda u kulħadd ħaseb li se jmut iżda ftit wara għaddielu. Meta faqqgħet it-tieni gwerra dinjija, Ġeġe’ u oħtu evakwaw flimkien ma’ familja f’dar f’Ħal Balzan. Fl-1942 id-dar intlaqtet b’bomba, iġġarfet u qatlet lil oħtu Ġorġina. Ftit xhur wara, Ġeġe’ mar jgħix mas-soċi interni ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Fl-1962 miet Dun Ġorġ. Ġeġe’ ddispjaċieh ferm u ma staħax juri minn barra l-biki tiegħu. Qabel ma miet huwa mar iżuru kemm-il darba u darba minnhom Dun Ġorġ qallu: “Ġeġe’ issa ħallina mill-biki” u filwaqt li resqu lejh, bierku u qallu: “Fik jiena nbierek is-Soċjeta’ kollha”. Bejnu u Dun Ġorġ kien hemm rabta soda u qaddisa. Ewġenju Borġ miet ħames snin wara, nhar it-12 ta’ Marzu 1967 fl-eta’ ta’ 81 sena.

Ħsieb: Ftit riflessjonijiet għalik:

* Kemm int lest tqatta’ ħin taqra u titlob bil-kelma t’Alla?
* Kemm int lest tiċċaħħad minn xi ħaġa biex tissoda fil-fidi ?
* Tfittex li twassal il-Kelma t’Alla ma’ kull min tiltaqa’?
* X’jgħidu n-nies fuqek meta tkun riesaq lejhom?
* Taf taċċetta t-tbatija li tiġi fuqek u tgħaqqadha ma’ dik ta’ Kristu?
* Għalik ix-xogħol huwa mezz li bih titqaddes?

Links about Ewġenju Borg:  

  1. https://www.findagrave.com/memorial/88250111/eugenio-borg
  2. http://precacommunity.org/who-we-are/pioneers/eugene-borg/
  3. https://www.newsbook.com.mt/archived-article/?article=filmat-l-umilta-tispikka-fewgenju-borg-l-ewwel-superjur-generali-tal-museum

 

 

Film fuq San Ġorġ Preca u t-twaqqif tas-Soċjeta’ tal-MUSUEM:

 

Playlist San Ġorġ Preca u l-MUSEUM:

 

 

 

NOTA: It-Tagħrif dwar il-Qaddej ta’ Alla Ewġenju Borg huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.