Frenċ tal-Għarb

Verżjoni Vidjo: Frenċ tal-Għarb

c74247b01d99e832fae222405c1b17a89735e3e0-1452194447-568eba8f-360x251FRENĊ TAL-GĦARB
1892 – 1967

Tagħrif: Għal ħafna snin, ir-raħal ċkejken tal-Għarb, Għawdex, kien ikaxkar ħafna nies lejh u dan minħabba biex jitkellmu ma’ bniedem tassew sempliċi, ma’ bidwi li l-għejxien u l-ħobża tiegħu kienu biss mill-għelieqi. Dan il-bniedem hu Frenċ tal-Għarb li ismu hu marbut ukoll mal-istess raħal. Frenċ kien ġej minn familja fqira u ma kellux ix-xorti li jitgħallem l-iskola, iżda minkejja dan hu kellu ħafna għerf u kliemu kien ta’ ġid kbir għal ħafna nies.

Twieled l-Għarb fit-3 ta’ Diċembru fl-1892 minn Salvu u Beneditta Mercieca. Hu kien it-tmien wieħed minn familja ta’ ħdax. Frenċ kien devot kbir tal-Madonna u kien jitkellem dejjem fuq imħabbitha lejna l-bnedmin, u jonqox isimha fil-qalb ta’ dawk li jfittxuh. Hu kien iqim lill-Madonna taħt it-titlu tal-Madonna Ta’ Pinu (ara Madonna Ta’ Pinu), għar-rabta speċjali li hu kellu lejn is-Santwarju tagħha.

Kemm-il darba kien jitlob sagrifiċċji mingħand il-bnedmin għall-ġieħ ta’ Marija, sabiex, meta huma jaqilgħu dak li jitolbu, ma jinsewx li l-grazzja ingħatat lilhom bl-interċessjoni tagħha. Frenċ kien ċert li l-Madonna kienet qed tnebbħu x’kellu jagħmel. Ma kienx it-tip ta’ bniedem li joqgħod ixandar affarijiet straordinarji, anzi kien pjuttost jaħbi li jkun ġara. Kien tassew bniedem ferrieħi u mħabbtu lejn Alla, il-Madonna u l-qaddisin ma kellha l-ebda fanatiżmu. Hu kien ikun iddispjaċut ħafna meta kien jisma’ bl-offiżi li jsiru kontra l-qaddisin.

Frenċ kien jitkellem ħafna dwar xi pariri li jkun ta, imma hu qatt ma kixef l-isem ta’ ħadd. Kien jgħin ukoll finanzjarjament lin-nies u lill-Knisja. Frenċ kellu kull qima lejn il-qassis għaliex fih jara l-ministru ta’ Alla. Fl-imħabba li kellu lejn kull qassis, meta xi wieħed kien imur biex ikellmu, Frenċ kien iħoss li għandu jagħmel preferenza miegħu, u ma joqgħodx iħallih jistenna wara l-oħrajn. Hu ġieli ħadha ma’ dawk li gergru għad-drawwa tiegħu. Imma, biex insemmi każ wieħed, meta sema’ t-tgergir, Frenċ kien pront wieġeb: “Morru, jekk ma tridux tistennew. Jien lis-saċerdot nistmah qabel u fuq kulħadd“.

Frenċ kien sar magħruf ħafna mal-Isqof ta’ Għawdex. L-isqof Mikiel Gonzi kien jistaqsi fuq Frenċ biex isir jafu aħjar, u fl-Omelija li għamel wara l-mewt tiegħu fis-Santwarju ta’ Pinu, faħħru għall-kwalitajiet sbieħ tiegħu u għall-ġid kbir li kien għamel. L-isqof Ġużeppi Pace kien jafu ħafna aħjar, hu kien imur għand Frenċ ta’ sikwit, saħansitra għal xi messaġġi għax kien jemmen ħafna fi Frenċ. Darba l-isqof talab mingħand Frenċ xi kura għal bint in-neputija tiegħu.

Ġrajjiet u Fejqan
Għand Frenċ kien imur kulħadd, żgħażagħ, anzjani, politiċi, professuri, barranin bħal ma huma l-Ingliżi u t-Taljani. Kienu imorru nies minn kull livell soċjali. Kienu jmorru mijiet għandu. Żjara għandu kienet tnissel ferħ kbir. Persuna tgħid hekk: “Kull meta kellimtu ħassejt konsolazzjoni kbira, li qatt ma ħassejt bħalha f’ħajti”.”Ġieli marru għandu xi barranin ukoll; dawn aktarx li kienu jkunu mqanqlin mill-kurżita’ hu kien jitkellem magħhom permezz ta’ interpretu”.

Mara mill-Isla kitbet hekk : “Għandi t-tifel ta’ binti li ħa skoss f’riġlejh. Ħadtu għar-ritratt u fir-ritratt ma rriżulta li għandu xejn; iżda xorta waħda għadu muġugħ ħafna. Jiena qiegħda nibża’ li għandu xi ħaġa. Jiena b’fiduċja kbira fil-Madonna, nitolbok imqar werqa minn tal-fjuri li inti ikollok quddiem il-Madonna biex nagħmilhom ma’ riġlejh.”

Wieħed raġel ittama fil-qawwa tat-talb tiegħu għax ommu kienet marida, mal-mara ma setgħax jasal għal ftehim, u kellu il-bwiet xotti. Oħrajn rieduh li jitlob għalihom biex il-qorti taqta’ sentenza skont il-ġustizzja. Xi żgħażagħ xtaqu t-talb tiegħu biex jgħaddu mill-eżami.

Frenċ kien japprezza ħafna l-ittri ta’ dawk li kitbulu biex jitlob għalihom ħalli Alla jagħtihom il-fejqan spiritwali ta’ xi persuna li huma kienu jħobbu.

Kliem Misterjuż
Ħafna nies kienu jibqgħu skantati meta hu wriehom li kien jaf x’riedu mingħandu qabel ma qalulu. Frenċ kien ikun jaf il-ħajja moħbija tagħhom. Rakkonti minn dawn jeżistu ħafna. Mara minn tas-Sliema tgħid hekk: “L-ewwel darba li mort għandu biex inkellmu, hekk kif rani, qalli f’mument wieħed ħwejjeġ li jiena u l-konfessur tiegħi biss konna nafuhom. Mill-ewwel bdejt inżommu b’qaddis.”

Bidwi imma tabib tal-ġisem u tar-ruħ
Frenċ jgħid hekk: “Jiena qatt ma ħdimt fi sptar lanqas ma’ spiżjar” Nafu wkoll li Frenċ qatt ma studja l-mediċina, bħal ma jagħmlu t-tobba. Ħafna tobba kienu jitħassruhom lil dawk li jmorru għandu, għaliex x’kura jista’ jagħti wieħed li ma jifhimx fis-sengħa tal-fejqan. Imma xi tobba ħassewhom jinkeddu għax kien hemm nies li marru għandhom u ma tfejqux; imbagħad marru għand Frenċ, u b’li tahom u qalilhom, ħassewhom jgħaddu għall-aħjar. Fi Frenċ, il-Maltin u l-Għawdxin kellhom fiduċja sħiħa. Għalhekk hu kellu fih xi ħaġa li tgħin lil dak li jkun ifieq.

Kliem Frenċ, kien juri li l-qawwiet tiegħu ma kienux fil-mediċini. Imma t-tobba bdew iħarsu bl-ikrah lejh. X’uħud bdew ukoll igemgmu għaliex, lilhom dehrilhom li bniedem marid, jekk ried ifiq tassew, ma kellux għalfejn imur għand Frenċ. Ma naqsux lanqas dawk it-tobba li ma kienux jidħlu fid-djar li fihom ikun mar Frenċ.

Imma aktar mal-morda bdew ifaħħruh, aktar bdew ikabbrulu d-diffikultajiet tiegħu. Xi tobba Għawdxin riedu jieħdu passi kontra tiegħu bil-ġustizzja. Kien żmien meta x’uħud bdew imorru għand Frenċ fid-dlam tal-lejl, biex ħadd ma jarahom!

Żewġ żgħażagħ dilku bl-ingwent li tahom Frenċ bis-sabar lil missierhom muġugħ; it-tabib ried jara dak l-ingwent misterjuż, imma ma setax jifhem x’kien. Frenċ kien jgħidilhom ukoll biex jgħidu Sliema u Qaddisa lill-Madonna. Ħafna kien il-fejqan mirakuluż.

Frenċ jispiċċa l-qorti
Minħabba dawn it-tip ta’ każijiet kien hemm min spiċċa biex lil Frenċ tellgħuh l-qorti. Nisimgħu għal darb’oħra l-kelmiet ta’ Frenċ : “Fi żmien it-tabib Frank Vella, Malti li kien joqgħod l-Għarb, u s-surġent kien Michael Xerri mir-Rabat, jiena ġejt imħarrek, u mwaqqaf minn din il-ħidma ta’ fejqan”.

Kienet saritlu ċitazzjoni, u kellu jitla’ l-qorti ta’ Għawdex fil-11 ta’ Ġunju, 1938. Il-Maġistrat Karmnu Parnis xlieh li għamilha ta’ tabib mingħajr il-liċenzja tal-Kap tal-Gvern. L-avukat ta’ Frenċ kien Franġisk Masini. X’ħin il-maġistrat staqsieh jekk kienx minnu li għamilha ta’ tabib, u qeda lin-nies, Frenċ baxxa rasu u ma wieġeb xejn. Bis-skiet tiegħu, hu deher li ammetta l-ħtija. Imma kien hemm tabib li pprova jiddefendih, billi qal li Frenċ ma kien qed jagħmel ħsara lil ħadd billi jgħalli ħaxixa. Kien hemm xi għoxrin li telgħu biex jiddefenduh, imma dawn ma ssejħux. Frenċ ġie meqjus ħati. Il-Qorti kkonsidrat il-kondotta tajba tiegħu, u għalhekk ma weħel xejn. Imma hu ġie mwissi li jekk jerġa’ jinqabad mill-ġdid, il-qorti kellha kull setgħa li tikkundannah. Għal dan wkoll li ġie mixli bih din id-darba, u ħelisha b’sempliċi twissija. Dan kien jissejjaħ l-artiklu 23.

Mgħasses mill-pulizija
Frenċ kien jibża’ ħafna li jeħel xi multa. Fl-istess żmien tal-kawża, l-pulizija kienet tgħasses fuqu l-ħin kollu. Iżda triq tan-nofs kellu jinstab u dan sabiex il-ġid ma jonqosx. Lil Frenċ qalulu li, jekk tabib jagħti ċertifikat lil xi ħadd biex dan imur għand Frenċ, dik il-biċċa karta tkun qisha permess. Ħafna tobba ma riedux jagħmlu dan; imma oħrajn aċċettaw.

Nisimgħu mill-ġdid il-kliem ta’ Frenċ: “Wara dan, lil dawk li kienu jiġu għandi, kont nitlobhom ċertifikat mit-tabib tad-distrett tagħhom jew tabib ieħor, basta biċ-ċertifikat” Frenċ jissokta jgħid “Pazjenti minn Malta ġew bil-mijiet u bqajt insewihom b’din is-sistema”.

Il-Post fejn Frenċ kien jara lin-nies.

Ġieli kienu jgħadduh biż-żmien
Fost dawk li ma emmnux fih, Frenċ sab ukoll lil min jipprova jgħaddih biż-żmien. Ma’ dawn, Frenċ ġieli kien iebes fi kliemu. Tlett tfajliet marru għandu biex jgħadduh biż-żmien. Imma Frenċ qalilhom b’serjeta’: “Idħku! Idħku! Imma ħa naraw kemm ser iddumu. Intom it-tlieta morda u sa ħmistax oħra, waħda minnkom tkun diġa’ mietet”.

Meta semgħu hekk, huma tbikkmu, u telqu ‘l barra. Wara tlett gimgħat, reġgħu lura tnejn minnhom, u qalulu li seħbithom kienet mietet tassew. Fl-istess ħin, huma talbuh maħfra talli riedu jwaqqgħuh għaċ-ċajt. Dan kien fatt li ħalla impressjoni kbira, u ħafna baqgħu sal-lum isemmuh.

Ġieli ma qabilx mat-tobba
Kultant, Frenċ kien jeħodha kontra d-deċiżjoni tat-tabib. Lil wieħed mix-Xagħra li sempliċiment xtaq li Frenċ jitlob għalih għax kien sejjer jagħmel operazzjoni, qallu: “Ara ma jfettillekx tagħmel xi operazzjoni, kul ikla minestra, u minflok ponn ful, itfa’ tnejn, u għada erġa’ ejja għax ikun għaddielek kollox!”

Frenċ ġieli bidel mediċina mogħtija mit-tabib. Hu ġieli kien jiġġudika lit-tobba li kienu jiżbaljaw, meta jiddikjaraw, li xi ħadd kien marid b’ħaġa waqt li kien b’oħra. Lil dan, Frenċ qallu ċar u tond li t-tobba riedu jieklu minn fuq dahru. Huma żammewh għall-kura, skont kliem Frenċ, sakemm dan kellu x’jibgħatilhom! F’dan il-każ ta’ akkuża gravi, jissemma l-isem tat-tabib, u dak tal-isptar ukoll.

Tifel ma setgħax jimxi, u t-tabib ordnalu l-ħadid għal saqajh biex jieħdu s-saħħa. Imma baqa’ kif kien. Missieru ħadu għand Frenċ, li qallu: “Neħħilu l-ħadid u itilqu jiġri fir-raba'”. It-tifel innifsu jgħid: “Hu kien qalli biex nidlek iż-żejt tal-ikel magħmul mill-fejġel u, bil-għajnuna tal-Madonna u ta’ Frenċ tal-Għarb, ninsab tajjeb bħal ħaddieħor.”

Każ ieħor ….
Waqt li t-tabib iddikjara li tarbija kellha l-ażma, Frenċ qal li hi kienet belgħet xi ħaġa. “Frenċ ippreskrivielna ftit ingwent minn tiegħu, li kellu jindilek fuq sidirha u mbagħad, inqegħdulha biċċa drapp sħuna. Wara dan kollu, l-istess ħaġa qatt ma ġratilha iżjed. It-tabib innifsu ma riedx jemmen b’dak il-fejqan immedjat li kien ġara quddiemu stess”.

Il-ġrajjiet tal-fejqan huwa tremend, dan hu każ ieħor: Lil tifel, minħabba l-mard, it-tobba kienu qalgħulu għajn, u kienu se jaqilgħulu l-oħra. Imma l-ġenituri tiegħu riedu l-parir ta’ Frenċ. Kif sema’ bil-każ, Frenċ ħatafhom, u qalilhom: “X’tagħmlu? Taqilgħulu għajnu l-oħra? Mela tridu li jkollkom tifel għami? Issa, jien nagħmlilkom ftit ingwent. Agħmlulu l-ingwent fuq ċarruta, u għidu Ave Marija lill-Madonna. Agħmlulu fuq moħħu u tibżgħux, ma jkollu xejn.” It-tifel baqa’ jgawdi l-għajn li kien fadallu, u għalhekk ma għamiex.

Ħafna każi ta’ fejqan ieħor, wieħed jista’ jsibhom fil-ktieb “Frenċ ta’ l-Għarb” (1892-1967) ta’ Patri Alexander Bonnici (Franġiskan Konventwali). Dan il-ktieb wieħed jista’ jixtrih mill-Bażilika tal-Madonna ta’ Pinu.

Min jgħallem lili ma jmut qatt
Kontra dak li ħasbu x’uħud, Frenċ ma qisx ruħu xi professur. Hu emmen li Alla kien qed jgħinu, u, kif għen lilu, jista’ jgħin lil xi ħaddieħor. Inniżżlu silta minn intervista li saritlu minn Ġorġ Pisani u Charles Arrigo.

Pisani: Dawn il-pariri li kont tagħti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq is-saħħa tar-ruħ: issa dawn dnub li jintilfu għal kollox. Issa, dawn ma jkunx tajjeb li tagħtihom lil xi ħadd li jiktibhom biex almenu jibqgħu warajk?

Frenċ: Jiena naħseb li min għallem lili għadu ħaj; ma jmut qatt.

Arrigo: U min għallem lilek ?

Frenċ: Eh! Kulħadd jaf. Min għallem lili ma jmut qatt. Ma tafux min hu? Min ma jmut qatt ???

Dawn il-kelmiet ta’ Frenċ huma ta’ valur kbir. Intqalu ukoll minn bniedem li beża’ li jitkabbar saħansitra jistqarr li Alla kien qiegħed jgħinu. Hu ma riedx jgħid li Alla kien qiegħed jaħdem fih. Imma ried li din il-konklużjoni toħroġ weħidha, bla ma titlissen minn fommu. Għalhekk lil dawk li staqsewh, bi tbissima ħelwa u kważi mistħija daqsxejn mistgħaġeb, staqsiehom: “Kif? ma tafux min hu?” Hu ried jgħidilhom: “Ma tafux li dak li ma jmut qatt hu Alla biss?” Imma dawk it-tnejn kienu fehmu kollox x’ried jgħid.

Ifiequ jekk jersqu lejn Alla
Saċerdot Agostinjan qal hekk dwar Frenċ: “Nistgħu nsejħulu wkoll bniedem ta’ Alla għax ikkonverta bosta rġiel u ġuvintur u anki xebbiet mill-ħajja ħażina tagħhom, u ressaqhom lejn Alla.” Frenċ kemm-il darba ma riedx iwiegħed fejqan jekk dak li jkun ma jagħmilx ħiltu biex jersaq lejn Alla. Lil wieħed li talbu xi mediċina, Frenċ wieġbu: “Int ħsiebek biss fin-negozju, u rużarju qatt ma tgħid. In-negozju jispiċċa, imma ruħna ma tispiċċax”. Lil ieħor li kien jimxi bil-krozzi, Frenċ qallu: “Jekk għandek rieda tajba, tfieq. Imma, qabel, mur Ta’ Pinu, sib saċerdot, itlob maħfra ‘l Alla, u l-Madonna tfejqek”. Għalkemm b’nofs ħajra, hu mar iqerr f’Ta’ Pinu, u talab lill-Madonna biex tidħol għalih. Meta qam minn bilqiegħda biex joħroġ hu sab li seta’ jimxi mingħajr il-krozzi. B’ringrazzjament, hu ħalla l-krozzi f’dak is-Santwarju, u għadhom hemm sal-lum.

Lil wieħed pulizija li qallu kemm kienu għalxejn il-mediċini li ħa, Frenċ wieġbu: “Biex jgħaddilek l-uġigħ kbir li għandek fl-istonku tiegħek, imorrulek id-dwejjaq kbar li għandek, u ma tiblax aktar pilloli għalxejn, trid l-ewwelnett tirrispetta l-mara li għandek u ma toffendix aktar ‘l Alla bid-dagħa”.

L-akbar hena ta’ Frenċ kien meta, qabel kollox, lill-bniedem kien iressqu lejn Alla. Ġieli tkellem b’ton iebes ma’ min ma kellux il-ħsieb li jbiddel ħajtu. Darba waħda, mar biex ikellmu raġel li miegħu kellu mara li ma kenitx martu. Hu ħa taxi mix-xatt biex twassalhom għandu. Iżda, fit-triq, dak tat-taxi ra lil Frenċ ħiereġ mill-Għarb lejn ir-Rabat riekeb f’taxi oħra. Ir-raġel qal lis-sewwieq: “Dawwar lura, u ġerri ftit ħalli nilħquh”. Hekk għamel, u beda wkoll idoqq il-ħorn waħda f’waħda. Is-sewwieq tat-taxi ta’ Frenċ induna li riedu jwaqqfuh; iżda Frenċ ma riedx, u qallu “Suq u tieqafx”. X’ħin waslu r-Rabat, Frenċ niżel mit-taxi, sadanittant ir-ragel laħqu fil-ħin, mar fuqu, u qallu: “Kont ġej biex inkellmek ftit; iżda ma lħaqnikx id-dar”. Frenċ qallu: “Lili m’għandekx xi tridni; mur”. L-ieħor issikah, u talbu bil-ħniena biex ikellmu. Iżda Frenċ baqa’ iebes u wieġbu: “Meta trid tkellimni, ġib lil martek miegħek”.

Kien hemm soru li kien ilha ħafna tibgħat tgħidlu biex imur jaraha, u Frenċ baqa’ ma jagħtix kasha. Fl-aħħar, hi sabet ‘il min wassalha għand Frenċ, u kif daħlet, ħaditha miegħu talli lanqas biss ma kien iweġibha. Frenċ, bil-kalma kollha, weġibha: “Qiegħda tara kemm jiddispjaċih il-marid meta hu jsejjaħlek, u int ma tagħtix kas tiegħu”.

Ħabbar il-mewt
Frenċ ġieli għaraf tajjeb li, għal xi persuni, il-mewt kienet fil-qrib. Imma mhux dejjem ried jitkellem b’mod ċar dwar dan. Waħda mara marret titolbu xi ħaġa għall-fejqan ta’ żewġha. Meta ħarġet, hu qal hekk: “Tkellmet tant għal żewġha, u ma qalitx kelma waħda għaliha nnifisha” Wara ftit ġranet, dik il-mara daħlet l-isptar, u mietet fi żmien qasir.

Żagħżugħ mar jitlob xi ħaġa għal missieru. Frenċ wrieh li missieru kellu kanċer, u kien se jmut. Lilu hu tah biss xi ħaġa biex jonqoslu l-uġigħ. Frenċ innifsu qal: “Il-mediċina li tajtu kienet ftit żejt ta’ quddiem il-Madonna ta’ Pinu.”

Ir-rakkonti hawn ukoll huma ħafna. Inġibu wieħed ieħor biss. Ġużeppi Cassar, minn Ħal Tarxien, kiteb hekk: “Meta l-mara tiegħi kienet marida l-isptar, billi jien kont naf li hi ma riditx toqgħod hemm, mort għand Frenċ biex nistaqsih x’għandi nagħmel: noħroġhiex jew inħallihiex hemm. Jiena wasalt għandu fil-ħdax neqsin għaxra ta’ figħodu. Kif wasalt għandu, Frenċ għamel miegħi ħaġa li qatt ma kien ghamilha. Hu qabad jgħannaqni u jbusni, u ħassejt ukoll id-dmugħ tiegħu. Qalli wkoll: “In-nies ħarġitha li jien mitt”. Jiena weġibtu: “Jivvintaw tant affarijiet. Int erħilhom; tagħtix kashom’. Imbagħad, staqsejtu dwar il-mara tiegħi: jekk għandix noħroġha jew le mill-isptar. Frenċ weġibni: “Ma jgħidlekx il-professur jekk għandekx toħroġha? Int agħmel dak li jgħidlek hu’. Jiena tlaqt lura lejn Malta, u sibt li l-mara tiegħi kienet mietet. Il-ħin tal-mewt tagħha kien ezattament fil-ħdax neqsin għaxra: x’ħin Frenċ kien qiegħed jgħannaqni u x’ħin semmieli li kienu ħarġuha li miet. X’ħin qgħadt naħseb fuq dawk il-kelmiet ta’ Frenċ u fuq dak li għamel miegħi, jiena ħassejt li hu kien sar jaf bil-mewt ta’ marti; imma lili ma riedx jgħidli b’kelmiet ċari.”

Fl-aħħar xhur tal-ħajja ta’ Frenċ
Fis-sena 1962, Frenċ għalaq is-70 sena. Imma f’dan iż-żmien hu marad. Il-ħajja tiegħu kienet tbatija. Wara ix-xogħol hu kien isib in-nies jistennewh u dan kompla żidlu fit-toqol tal-ħajja. Wara ix-xogħol hu kien jaqdi lil kulħadd. Ma tantx kien jagħti kas biex jistrieħ xi ftit. Ġieli ma kienx jiekol jew jorqod. Huwa kien jippreferi li jgħin lill-proxxmu u lanqas biss kien jagħti kas kemm ġieli jkun sar ħin. Minkejja dan kollu in-nies kienet xorta tibqa’ tmur, għalkemm kien ikun jidher li hu għajjien.

Fid-9 ta’ Awwissu, 1966 meta ma kienx jonqsu ħlief disa’ xhur ħajja, Frenċ qal hekk għalih innifsu: “Kemm kemm nitħarrku ftit. Ili ħafna ma niflaħx. Ili sena jew iżjed ma noħroġx mid-dar. Bħalissa, iż-żjajjar lil Ta’ Pinu nqabbad lil min jagħmilhom minfloki. Nitqarben hawn id-dar. Jiġi n-neputi jqarbini”.

Frenċ kien waħħal avviż mal-bieb biex bih jgħarraf li ma kienx għadu jservi nies. Imma ħafna baqgħu jiktbulu. Hu kien isib ħafna aktar ħin biex iwieġeb l-ittri fejn kien jgħidilhom bil-mard li kellu, ħalli ma joqogħdux imorru għalxejn. Kemm-il darba, minħabba d-dgħufija tiegħu, hu kien jiddetta l-ittri lil ħaddiehor. L-ittri ta’ dan iż-żmien jixxiebħu ħafna. Inniżżlu biss silta minn waħda minnhom: “Int għarraftni li qiegħda ssofri xi uġigħ f’riġlejk, u tixtieq li jiena nagħtik xi ħaġa; imma jiddispjaċini m’għandix, għax bħalissa ma niflaħx”. Il-wegħdiet tat-talb ma tonqos qatt fit-tweġibiet tiegħu.

Fl-aħħar erba’ snin ta’ ħajtu, Frenċ, billi qatt ma kien tajjeb għal kollox, ma raqadx iżjed fir-remissa. Hu kien jorqod fis-sodda ta’ kamartu. Kienu snin li Frenċ għaddiehom iqum u joqgħod fis-sodda: daqqa tajjeb u daqqa ħażin. Meta beda jifhem li għalih l-aħħar jum kien qed joqrob, Frenċ beda jlissen l-isem ħelu ta’ Marija aktar ta’ sikwit. Il-Via Sagra minn Ta’ Pinu għal fuq Ta’ Għammar kellha tkun waħda mill-opri li jibqgħu jfakkruh wara mewtu. Fl-aħħar żmien hu kien isemmi dik l-opra ta’ sikwit. Hu kien iħajjar, u jżid imbagħad minn tiegħu. Hu xtaq li jinqalgħu benefatturi li jgħinu f’din l-opra.

Mill-bidu tas-sena 1966, Frenċ ma ħariġx iżjed minn daru. Hu kien ħassu ħażin meta fl-ewwel tas-sena kien ħareġ għall-quddiesa tal-ewwel. Hu kien ikun kiesaħ ħafna, u lil ftit li kienu jmorru jitkellmu miegħu, kien jgħidilhom li ma jdumx ma jsiefer!

U hekk ġara għax fid-19 ta’ Mejju tal-1967 Frenċ ħa l-aħħar nifs, u ruħu daħlet fl-eternita’. Dakinhar kien jaħbat il-ġurnata tal-Ġimgħa. Il-mezzi kollha tar-radju u l-gazzetti xandru l-aħbar tal-mewt tiegħu. Mara mir-Rabat ta’ Għawdex irrakkontat, il-ħasda li ħadet meta, dakinhar tal-mewt tiegħu, hi ħadet lil binha għandu biex titolbu jfejjaqulha. Hi ma kenitx taf li miet. Lilha ħallewha tidħol u ħadet ħasda kbira. Xebba li kienet hemm ħaditilha t-tarbija minn idejha, u missitha ma’ Frenċ. Kif marret lura lejn darha, dik il-mara stagħġbet iżjed għax it-tarbija li ma kenitx timxi bdiet tieqaf fuq riġlejha.

Is-Sibt, 20 ta’ Mejju, 1967 saret il-quddiesa tal-funeral tiegħu fil-Kolleġġjata tal-Għarb. Ħafna marru għall-funeral ta’ Frenċ, u bdew jgħidu kontinwament: “Miet qaddis”, u “bħal Frenċ ma jkollniex ieħor.” Frenċ ġie midfun fiċ-ċimiterju msejjaħ Taż-Żejt. Dan hu ċ-ċimiterju tal-Parroċċa tal-Għarb. Il-Qabar tiegħu jġib in-numru 70 A.

Frenċ għadu jinħass li għadu fostna
Għaddew ħafna snin minn meta miet Frenċ iżda hu ma ntesiex bħalma kien hawn minn bassar dakinhar tal-mewt tiegħu. Kulħadd hu ċert li Frenċ malajr beda jgawdi ‘l Alla fil-hena ta’ dejjem. Kif kienu jitolbuh biex jgħinhom meta hu kien għadu ħaj, hekk ukoll issa għadhom jittamaw li jaqilgħu xi grazzja bl-interċessjoni tiegħu. Fil-fatt ħafna huma il-każijiet ta’ grazzji kbar, wara ukoll il-mewt tiegħu. Illum, Frenċ hu magħruf ħafna iżjed milli kien fl-imgħoddi. Il-‘Ħajja’ dokumentata ta’ Frenċ li kienet ġiet stampata hi eżawrita. Hi ‘ħajja’ li inqrat minn kulħadd: Minn nies fuq kull livell fis-soċjeta’. Il-qdusija ta’ Frenċ hi xhieda li Alla jsejjaħ tassew lil kulħadd għal ħajja perfetta. Frenċ ma kienx qassis jew patri. Hu kien bniedem li għex fid-dinja, bil-problemi kollha tal-ħajja ta’ kuljum.

Links about Frenċ tal-Għarb: 

  1. https://en.wikipedia.org/wiki/Fren%C4%8B_tal-G%C4%A7arb
  2. https://www.facebook.com/Frenc-tal-Gharb-180562548623350/
  3. http://www.imperialbandclub.com/magazine/2017/49%20-%20French%20tal-Gharb%20-%20Ralph%20Micallef.pdf
  4. http://thechurchinmalta.org/en/posts/69276/frenc-tal-gharb-house-opens-its-doors-to-public
  5. http://alfredgrech.blogspot.com/2017/05/lil-frenc-tal-garb-fgeluq-il-amsin-sena.html

 

 

Intervista ma’ Frenċ tal-Għarb:

 

Id-dar ta’ Frenċ tal-Għarb:

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar Frenċ tal-Għarb huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.