Fra Diegu Bonanno

Verżjoni Vidjo: Fra Diegu Bonanno

FDB-Fra-Diegu-Bonanno-1831-1902FRA DIEGU BONANNO
Fundatur
1831 – 1902

Tagħrif: Fra Diegu kien jismu Ġakkinu u twieled il-Belt Valletta fil-21 ta’ Marzu 1831. Imma kienu jsejħulu Guliermu – li kien it-tielet isem tal-Magħmudija.

Kien devot tal-Madonna tal-Karmnu u ta’ San Franġisk u fil-1852 sar Terzjarju Franġiskan fil-Knisja ta’ Ġieżu tal-Belt. Sadanittant kien lavrant ma’ wieħed ħajjat fil-Belt, imma fl-1856 daħal ajk Franġiskan fl-istess knisja ta’ Ġieżu l-Belt.

Għall-ewwel ismu ma bidluhulux, imma wara semmewh Fra Diegu għall-qaddis ajk Franġiskan spanjol, San Diegu ta’ Alcala. Mibgħut mis-superjuri għall-ġbir, irnexxielu jagħmel kuntatt mal-poplu.

L-ewwel ma ħadem kien biex ireġġa’ lura għat triq it-tajba ċerti xebbiet li kienu qabdu ħajja ħażina. Għal dawn akkwista dar f’Bormla, imbagħad Raħal Ġdid u wara Ħal Balzan. Iktar tard kera dar kbira f’Birkirkara, u fl-aħħarnett il-Ħamrun. Għenitu ħafna oħtu Giovanna u żewġha Pawlu Marmara; dawn flimkien ma’ xi ltiema tal-istitut saru terzjarji Franġiskani fil-Kappella.

Fl-Istitut tiegħu, Fra Diegu kellu għadd kbir ta’ tfal foqra u ltiema minn kull rokna ta’ Malta. Imma anki din id-dar sfat ċkejkna għall-għadd tat-tfal. Kienet it-tjieba u l-ġenerożità kbira tal-Markiż Ġużepp Scicluna li bniet l-istitut kbir u sabiħ tal-lum. Ix-xogħol beda fil-1899, fuq pjanta tal-Perit Lupi u ntemm fit-1905 – wara il-mewt ta’ Fra Diegu.

Barra li kien bniedem ta’ ħidma kbira, Fra Diegu kien ukoll bniedem ta’ umiltà, ta’ ubbidjenza, ta’ ċaħda, ta’ skiet u fuq kollox ta’ talb. U kien verament il-maħbub t’Alla u tal-bniedem, imfaħħar mis-superjuri, mill-Ġeneral tal-Ordni, u mill-Papa Ljun XIII innifsu. Kien ukoll stmat ħafna mill-awtoritajiet ċivili, bħall-Gvernaturi Fremantle u Grenfell, u saħansitra mid-Duka ta’ Edinburgh u mill-Prinċep ta’ Wales, li wara sar Re ta’ l-Ingilterra: ir-Re Ġorġ V.

Fra Diegu miet ta’ 71 sena fil-14 ta’ Mejju 1902, fl-istitut tal-Ħamrun, u wara li sarlu funeral mill-aqwa fil-Belt, ġie midfun fil-Knisja ta’ Ġieżu tar-Rabat, Il-monument tiegħu fil-Ħamrun sar fil-1932.

Links about Fra Diegu Bonanno:

  1. http://www.sanfrangisk.com/19Kotba/Ko-10Fra%20Diegu.htm
  2. http://ofm.org.mt/ofm/?p=168
  3. https://bdlbooks.com/product/fra-diegu-bonanno-1831-1902/
  4. http://fionavella.com/features/tag/dar-fra-diegu-hamrun/

 

Nota: It-Tagħrif dwar Fra Diegu huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.