Ġuża Bugeja

Verżjoni Vidjo: Ġuża Bugeja

guzabugeja (1)ĠUŻA BUGEJA
1927 – 1964

Tagħrif: Ġuża Bugeja bint Mikiel u Karmena nee Vassallo twiEldet fir-Rabat ta’ Malta nhar it-3 ta’ Ottubru 1927 u ġiet imgħammda l-għada. Il-Parrinijiet tagħha kienu Ġovanni u Anna Psaila u t-tieni isem tagħha kien Franġiska. Hija s-seba’ fost għaxart ulied.

Sa minn ċkunitha kienet sinċiera, ċajtiera ħafna, tħobb tgħid is-sewwa u mħeġġa ħafna għat-tagħlim tad-Duttrina, hekk li ta’ erba’ snin u nofs, il-Kappillan ta’ dak iż-żmien, Monsinjur Buhagar, wara li stħarriġha ma’ sħabha u għal tliet darbiet wieġbet tajjeb ħafna, qatagħha li jħalliha tagħmel l-Ewwel Tqarbina. Ġuża ħadet wkoll is-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof u f’dik l-okkazzjoni kellha x-xorti, li minn qalbha u b’ferħ kbir, toffri bukkett fjuri lill-Isqof. Hi kienet dejjem lesta li tgħin lil ħaddieħor.

Fl-età ta’ tlettax-il sena Ġuża kellha titlaq mill-iskola peress li l-għajnuna tagħha kienet meħtieġa minn missierha fix-xogħol tiegħu fl-għelieqi. Hawnhekk Ġuża ħadmet b’mod volontarju u bil-ferħ. Hija dejjem sabet ħin biex tisma’ l-Quddiesa u tirċievi t-Tqarbina ta’ kuljum.

Mill-età ta’ ħmistax-il sena hija sabet ukoll ħin għall-meditazzjoni spiritwali ta’ kuljum. Darba hi stess affermat li din l-użanza kienet żammetha fi stat ta’ grazzja sal-aħħar ta’ ħajjitha.

Ġuża kienet determinata li tibqa’ xebba biex tħossha eqreb lejn il-Mabub magħżul tagħha Kristu, permezz tal-gwida ta’ Marija Mqaddsa, l-Omm tagħha tas-sema.

Huwa maħsub li, ġurnata waħda, meta kellha madwar ħamsa u għoxrin sena, waqt li kienet qed taħdem waħedha fl-għelieqi ta’ missierha, rat ir-Ras Imqaddsa ta’ Kristu qiegħed ibati. Din il-viżżjoni tant impressjonata, li talbet bil-ħerqa lil Kristu biex jippermetti li hija tesperjenza dan l-istess uġigħ f’rasha, imma b’tali mod li ħadd ma jinduna. Hija offriet it-tbatijiet tagħha bħala riparazzjoni għad-dnubiet ta’ kulħadd. Minn dak il-waqt stess beda l-kalvarju tagħha ta’ tbatija fuq din l-art: dan damet matul l-aħħar ħdax-il sena ta’ ħajjitha. Hija kienet titlob biex titħalla tgħix u tbati bil-paċenzja u bil-ferħ għall-imħabba ta’ Kristu.

Din l-imħabba stess ikkawżatha li titlaq minn art twelidha u temigra lejn il-Kanada, biex hemm taħdem u tagħti għajnuna spiritwali lill-Maltin li kienu emigraw u ddawwar in-nies lura lejn Alla. Hija baqgħet ħames snin f’dak il-pajjiż fejn affaċċjat diffikultajiet kbar, imma l-ħidma tagħha baqgħet tagħti l-frott.

F’Jannar tas-sena 1962, Ġuża rritornat Malta minħabba li saħħitha marret għall-agħar. Hija qattet l-aħħar sentejn ta’ ħajjitha tagħmel ħidma għal Alla l-aktar fost il-morda, ix-xjuħ, it-tfal żgħar, filwaqt li tbati ferħana u siekta minħabba l-uġigħ fir-ras tagħha li kien kontinwu.

Minkejja li l-mard dgħajjifha, hija baqgħet ferrieħa sa mewtha, meta marret tissieħeb mal-Ħallieq tagħha, nhar is-Sibt 9 ta’ Mejju, 1964 dakinhar li hija stess kienet bassret madwar erba’ xhur qabel.

Matul il-ħajja tagħha ftit nies kienu jafu dwar Ġuża, minħabba li hi dejjem kienet iżomm ‘il bogħod mill-folol. Kull meta hija għamlet xi ħaġa fil-pubbliku, l-għan tagħha kien dejjem dak li tkun ta’ eżempju tajjeb.

L-uniku persuna li miegħu fetħet qalbha b’mod kontinwu kien id-direttur spiritwali tagħha. Jingħad li dan tal-aħħar dejjem emmen fil-ħajja qaddisa li għexet din ix-xebba, u b’mod partikolari, meta Ġuża fdat miegħu l-viżjoni li kellha tar-Ras Imqaddsa ta’ Kristu.

Anke meta xi kultant kienet tafda lil xi wħud minn ħutha, hija għamlet dan fuq il-parir ta’ saċerdot li saħansitra ssuġġerixxa li tikteb l-istorja tal-ħajja tagħha stess.

Alla li jqajjem lil dawk li huma umli f’qalbhom, ippermetta li naraw xi sinjali li jixhdu l-qdusija ta’ din ix-xebba. Pereżempju, ġisimha wara sentejn u nofs midfun, instab li ma kienx iddekompona u ħafna nies irrappurtaw li rċivew mingħand Alla l-favuri li huma kienu talbu bl-interċessjoni ta’ Ġuża.

Aktar dwar din ‘ix-xebba li mietet fil-fwieħa tal-qdusija’
Din it-tfajla Rabtija bl-isem ta’ Ġuża Bugeja għexet ħajjitha tbati fis-skiet u taħdem għal Alla, l-aktar fost il-morda, ix-xjuħ u t-tfal. Minkejja li mietet f’età żgħira ta’ 37 sena, Ġuża Bugeja baqgħet maħbuba mal-poplu u ħafna nies fil-bżonn għadhom ifittxuha fit-talb tagħhom.

Fil-ktieb tagħha, diversi persuni stqarrew li bl-interċessjoni ta’ Ġuża Bugeja qalgħu xi grazzji. Minkejja li Ġuża ilha mejta mill-1964, il-każ għall-beatifikazzjoni tagħha għadu f’idejn il-Papat. Oħt Ġuża, Sylvia Bugeja, mara anzjana, li għadha tgħix fid-dar fejn twieldet u għexet Ġuża Bugeja stess, baqgħet b’għożża kbira żżomm id-dar tagħha b’ħafna memorji t’oħtha, tant li l-kamra tas-sodda għadha l-istess kif ħallietha Ġuża qabel ħalliet din id-dinja.

“Din il-kamra tas-sodda ħallejtha l-istess kif ħallietha oħti. Din hija l-istess sodda li mietet fiha u dawn huma ħwejjeġ u affarijiet li kienet tuża oħti. Barra minnhekk dan is-salib huwa ferm għażiż għalija għax huwa l-istess salib li żammet f’idha fl-aħħar mumenti ta’ ħajjitha.”

B’nostalġija tirrakkonta dwar it-tfulija tagħha u ta’ ħutha l-oħra fosthom ta’ Ġuża, b’missierha dejjem tafu jaħdem u jbati fir-raba’. Bħal ħutha d-disgħa l-oħra, Ġuża kienet tfajla normali, tilgħab, toħroġ u tmur tajjeb ma’ kulħadd, għalkemm fejn tidħol duttrina u knisja kienet dedikata ħafna, jiġifieri fejn jidħlu ħwejjeġ tar-ruħ.

“Minkejja li kienet tfajla bħalna, fejn jidħlu ħwejjeġ tar-ruħ kellha ħeġġa kbira. Tant kienet tgħallmet id-duttrina li meta kien għad kellha erba’ snin u nofs, il-kappillan ta’ dak iż-żmien Antonio Buhagiar, wara li kien għamlilha l-eżami tliet darbiet, kien ħalliha tagħmel l-ewwel tqarbina.”

B’ritratt kbir t’oħtha f’idha, Sylvia tirrakonta ftit dwar il-ħajja tagħha meta bdiet tikber. Qaltli li dejjem uriet ubbidjenza lejn il-ġenituri tagħha, tant li għalkemm dejjem xtaqet tistudja biex issir għalliema, hija għażlet dak li xtaq missierha, dik li tgħinu fix-xogħol iebes tar-raba’.

“Ħadmet kemm felħet fir-raba’. Kienet taħdem u tgħid ir-Rużarju. Fil-fatt, kien waqt waħda minn dawn il-ġranet, eżattament fit-13 ta’April tas-sena 1953, li fl-għalqa oħti rat il-wiċċ adorabbli ta’ Sidna Ġesù Kristu. Fatt li żammitu moħbi minn kulħadd sa ftit ġranet qabel mietet.”

Fil-fatt Ġuża ftit li xejn kienet turi dak kollu li kienet tesperjenza tul ħajjitha, tant li anke meta ddeċidiet li temigra lejn il-Kanada biex tgħin fil-ġid spiritwali tal-Maltin imsiefrin, kienet qalet li xtaqet temigra biex taqla’ x’tiekol.

“Kienet tagħmel kollox fis-silenzju. Kien ikollha ħafna uġigħ ta’ ras imma qatt ma qalet xejn u sa ftit qabel mietet baqgħet tqum kmieni għall-quddies u meta reġgħet lura wara erba’ snin il-Kanada, reġgħet bdiet tmur l-għalqa qisu ma kellha xejn.”

Il-ħajja vera ta’ Ġuża u t-tgħakkis li kienet tagħmel magħha nnifisha wara dik id-dehra bix-xogħol iebes tagħha li kienet toffrih kollu lil Ġesù bi tpattija, u l-ħidma fost l-aktar nies fil-bżonn saru jafuh matul l-aħħar sitt xhur ta’ ħajjitha minn fomm Ġuża stess.

“Minn dejjem kienet titkellem biss mal-konfessur tagħha Patri Vinċenz Galea. Hu kien dejjem jgħidilha biex tikteb il-ħajja tagħha iżda qatt ma xtaqet tiktibha f’ħajjitha, u qaltilna dak kollu li għaddiet minnu ftit xhur qabel mietet bil-patt li l-istorja tagħha tinkiteb wara mewtha.”

Oħtha għandha diversi ritratti tal-funeral ta’ oħtha bil-poplu numeruż waqt li jagħti l-aħħar tislima tiegħu. Tispjega li wara mewtha bdew isibu ħafna xemgħat fuq il-qabar tagħha, min b’devozzjoni u min biex taqlagħlu xi grazzja. Fil-fatt, maż-żmien kienu ħafna persuni li bdew jersqu lejn oħtha, li hija l-promotur tagħha.

Sylvia, tirrakkonta wkoll kif in-nies bdew jaqsmu l-esperjenzi tagħhom magħha u l-grazzji li qalgħu bl-interċessjoni ta’ Ġuża Bugeja. Minbarra li tixtieq li aktar nies isiru jafu dwar il-ħajja eżemplari u ta’ fidi kbira li kellha oħtha, Sylvia tixtieq ukoll minn qalba u tappella lil kulħadd jitlob biex isseħħ il-volontà t’Alla l-imbierek, biex tinfetaħ il-kawża ta’ Ġuża u jiżviluppaw dak kollu b’konnessjoni magħha skont ma tħabbar.

Links about Ġuża Bugeja:

  1. https://guzabugeja.maltaweb.biz/guza/
  2. https://www.facebook.com/search/top/?q=Guza%20Bugeja

Nota: It-Tagħrif dwar Ġuża Bugeja huwa meħud mis-sit tagħha li jġib isimha u addattata minn kitba ta’ Evan Chetcuti.