Ġuża Mifsud (tal-Girgenti)

Verżjoni Vidjo: Ġuża Mifsud (tal-Girgenti)

Capture1ĠUŻA MIFSUD (TAL-GIRGENTI)
1923 – 1996

Tagħrif: Ġuża kienet spiss tgħid, “Min jien? Jiena xejn. Ix-xejn hu aħjar minni.” Madankollu, dawk kollha li kienu jafuha jistgħu ġustament jgħidu li Ġuża kienet mara qalbiena, dejjem lesta biex tgħin lill-oħrajn u determinata li taqdi lil Alla fil-missjoni fdata lilha. Kienet dejjem lesta biex twettaq ir-rieda ta’ Alla f’kollox, offriet lilha nfisha bħala vittma għall-konverżjoni tal-midinbin, ħajjitha kienet talb kontinwu għall-bżonnijiet ta’ ħutha l-bnedmin.

Minkejja d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom, wiċċha kien dejjem jitbissem, anke fl-iktar mumenti diffiċli. It-tbissima tagħha, sinjal tal-paċi li kellha f’qalbha, qatt ma ġiet nieqsa. Għall-imħabba ta’ Alla, hi sofriet kontinwament fis-skiet kemm il-mard tagħha kif ukoll l-inġustizzji li rċeviet mingħand in-nies, u minkejja l-imġieba tagħhom, hija baqgħet titlob għalihom. Hija kienet tgħid li ħadet pjaċir b’dawn l-inġustizzji minħabba li kellha toffri aktar tbatijiet għal dawk il-persuni li tbiegħdu minn Alla sabiex dawn jibdlu ħajjithom u jduru lejn Alla. Ġuża Mifsud, bint Isidoro u Nicolina nee Cassar, twieldet fis-Siġġiewi, Malta, fis-27 ta’ Jannar, 1923. Hija kienet l-iżgħar minn sebat itfal, li tnejn minnhom mietu żgħar.

Hija kienet tiftakar lil ommha tgħidilha, “Ġuża hekk kif twilidt ħabbejtek tant minkejja li diġà kelli sitt itfal. Int kont daqshekk fraġli li kellna ngħammduk dakinhar li twelidt. Ma nistax nifhem kif bqajt ħajja, billi kont qed tieħu aktar mediċina milli ikel. Imbagħad fi tliet xhur iz-zija tiegħek Ubaldesca u jien ħadniek il-Kurja biex jagħmlulek il-Griżma.”

Ġuża tirrakkonta dan li ġej: “Fi tfuliti aħna, naturalment, kellna d-dar tagħna fis-Siġġiewi, anki jekk il-familja tiegħi kienet toqgħod l-iktar f’razzett fil-Girgenti fil-limiti tas-Siġġiewi. Niftakar li meta kelli madwar tlett snin, kont immur bil-mixi lejn il-razzett bl-ikel għall-familja li kienet tkun qed taħdem fl-għelieqi. Imbagħad filgħaxija nirritorna fir-raħal għall-katekiżmu, speċjalment waqt li konna qed nippreparaw għat-Tqarbin Imqaddes. Bil-lejl kont norqod id-dar taz-ziju u z-zija, ġuvni u xebba, biex ma nirritornax fil-Girgenti qabel l-għada filgħodu. Nirringrazzja lil Alla talli tani l-grazzja li nirċievi l-ewwel Tqarbina Imqaddsa tiegħi fid-19 ta’ Lulju, 1931. Dakinhar il-familja tiegħi kienet pjuttost inkwetata hekk kif minn imnieħri spiss kien joħroġ id-demm b’tali mod li kont saħansitra intebba’ ħwejġi. Għadni niftakar il-mibki Dun Patri Joseph Delia S.J., Alla jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem, jipprova jfejjaqni billi jqiegħed ċwievet kbar tal-bibien madwar għonqi biex jipprova jwaqqaf id-demm.

Meta kelli ħdax-il sena, kemm iz-zija, kif ukoll jien ħadna d-deni tat-tifojde. Kont daqshekk ħżiena li għal darb’oħra kont qed naffaċċja l-mewt. Qabel ma kaxkruni lejn l-isptar, irċevejt il-vjatku. Il-familja tiegħi kienu jżuruni ftit kull wieħed. Darba, meta kienu qed jirritornaw fir-razzett, missieri u ħija kellhom aħbar ħażina. “Kolin,” qalu lil ommi, “Meta tmur iżżur lil Ġuża, ħu liżar miegħek. Hija kważi mejta, b’deni qawwi ta’ 105 jew iktar.”

Hi u ħierġa mir-razzett, ommi nkwetata ġriet lejn ir-Rev Ġużeppi Delia … u qaltlu, “Father Ġużepp, għandi aħbar ħażina, Ġuża qed tmut. Nixtieqek tqaddes quddiesa għall-moribondi biex hi jkollha mewt tajba.” Dak iż-żmien kienet id-drawwa li tagħti xi ħaġa tal-flus għal quddiesa. Ommi tatu xi xelin, imma Fr. Delia qalilha, “Żomm il-flus. Se nqaddes il-quddiesa xorta waħda, imma nassigurak li Ġuża mhux se tmut.” Kliemu wera profetiku. Għal tliet xhur lagħbt mal-mewt, iżda d-deni naqas gradwalment u t-temperatura tiegħi reġgħet għan-normal. Ġejt meħuda l-Imgieret għall-konvalexxenza, u meta rritornajt id-dar irkuprajt kompletament. Fil-fatt, fi żmien ġimgħa jew xi ħaġa hekk, tlaqt il-Girgenti biex ngħin fix-xogħol tar-razzett.

Nista’ ngħid li ħajti, madankollu, qatt ma kienet sodda ta’ ward. Jien kelli sehem ġust ta’ xewk … intoppi, diffikultajiet, traċċi. Meta kelli tmintax-il sena, ġarrejna għal dar oħra. Peress li kont f’żogħżiti, kien naturali għalija li nipprova li jkolli dar sabiħa. Ħett ftit purtieri u, wara li smajna l-Quddiesa tal-Ħadd, ridt inpoġġihom fil-post. Qabel ma telqet lejn ir-razzett, ommi wissitni u qaltli, ‘Illum taħdimx għax il-Ħadd.” Jien weġibt li kelli nagħmilhom ħalli għada mmur sar-rażżett biex ngħin.” Dakinhar kont wasalt biex nirċievi kuruna oħra ta’ xewk. Niftakar li tlajt dan is-sellum għoli bi tnejn u għoxrin skaluna biex inpoġġi l-pavaljun għall-purtieri … u waqajt. Żewġt itfal ġirien, li kienu jgħinu fid-dar, għajtu għajta ​​u fetħu l-bieb. Ħafna nies ġrew biex jgħinu, u xi ħadd poġġieli l-whisky fuq xufftejjha. Il-familja tiegħi fil-Girgenti ġiet infurmata malajr, u ommi għajtet imbikkija, “Ġuża hija sfortunata, jien ċert li se nsibha mejta.” Iżda huma żgurawha li ma kienx hekk. Hija waslet id-dar ġo karettun miġbud miż-żwiemel u meta waslet fil-bieb ta’ barra hi għajtet b’leħen għoli, “Binti mejta, binti mejta!”

Ksirt idi u sieqi f’żewġ postijiet. Ommi kella d-dmugħ jiġri ma wiċċha, hi u tiġri lejn is-sodda u bkejna flimkien … Riġlejja damu fil-ġibs għal xi erba’ xhur u nofs. Kont inżur regolarment id-Dipartiment tal-Out Patients fl-Isptar biex nivverifika jekk l-għadam kienx qed ifieq kif suppost. Ġesù ried li wara din it-traġedja, kollox jispiċċa sew. Mela għal darb’oħra bdejt ngħin lil familti. Bqajt ukoll bil-ħidma reliġjuża tiegħi – billi nkun membru tal-Figlie di Maria, fl-Azzjoni Kattolika, delegat għall-morda. Imbagħad ma tnax-il mara oħra, ħadt inkarigu tal-Adorazzjoni, “il-Lampa tal-Ħajja.” Kien imissni l-ġurnata tas-Sibt, għalhekk, matul il-kumplament tal-ġimgħa stajt xorta nagħti daqqa t’id lill-familja tiegħi …

Meta kelli madwar tnejn u għoxrin sena, għaddejt minn operazzjoni biex inneħħi l-appendiċite u l-ġebel tal-marrara. Għalkemm ħarġu l-appendiċite tiegħi, il-ġebel fil-marrara ma ntlaqatx u xorta għadni nħosshom … Ftit jiem wara l-operazzjoni, qaluli, “Kienet lejl tajjeb ħafna. Waqt li kont taħt l-anestetiku int ippridkajt paniġirku mill-isbaħ lill-Madonna.” Waħda mis-sorijiet preżenti qaltli, “Aħna kontinwament raxxejnielek l-ilma mbierek, u saħansitra poġġejna l-ħobż ta’ San Nikola taħt is-saqqu tiegħek sabiex ma taqtax il-ponti!” Minkejja dan, dan hu eżattament dak li għamilt – tliet ponti inqatgħu. Ma jimpurtax …

Għalkemm il-passat tiegħi kien dejjem tad-dwejjaq, qatt ma ammettajt li kont marida jew muġugħa. Madankollu, issa rrid niżvela kollox … Il-ġenituri tiegħi bdew jinkwetaw minħabba fija, bdew jibżgħu li meta jmutu, kienu se jħalluni kompletament waħdi. Dak li kien ġej kien għalija l-aktar kuruna tax-xewk krudili. Darba, ommi avviċinatni u qaltli, “Ġuża, hemm raġel li veru jħobbok. Għaliex ma tagħmilx kuraġġ u taċċetta li tiżżewġu? Inweġġa’ li jkolli nħallik waħdek bla ma ħadd ma jipprovdilek.” Għidtilha, “Ma, insieha, u jekk jogħġbok issemmiliex affarijiet bħal dawn lili. M’iniex maqtugħa għaż-żwieġ.”… Xi żmien wara kien hemm xi ħadd ieħor u ommi qaltli, “Binti, se nkun imdejjqa ħafna nħallik waħdek ma’ ħadd biex tgħid kelma.” U jien komplet ngħid lil ommi, “Jekk jogħġbok, aħfirli, imma qed tinterferixxi max-xewqat tiegħi. Ikolli nitkellem mad-direttur spiritwali tiegħi dwar dan.” U fil-fatt tkellimt ma’ Patri Ġorġ minnufih. Kien hemm probabbli madwar ħamsa oħra li kellhom għajnejhom fuqi, imma m’għandix għalfejn inkompli ngħid dwar dan …

Kif għidt, fittixt il-komfort u l-pariri mingħand Patri Ġorġ … Huwa ta widen għall-ilmenti tiegħi u mar dritt fir-razzett u qal lill-familja tiegħi, “Ħalluha lil Ġuża. Il-Mulej fdalha missjoni. Iż-żwieġ mhux għaliha. Jekk jogħġobkom, żżommu lura milli tħawwadha aktar, ma nistgħux inkomplu nfixklu l-vokazzjoni tagħha.” Minn dak inhar ‘il quddiem, nirringrazzja lill-Mulej u lill-Verġni Mbierka li l-familja tiegħi ma baqgħetx tinsisti fuq iż-żwieġ …

Fir-rigward tal-passat tiegħi, nixtieq ngħid li flimkien maż-żewġ ħuti kont naħdem fl-għelieqi. Qabel ma kont nitlaq mid-dar tagħna fis-Siġġiewi sabiex immur il-Girgenti jien kont nagħmel is-sinjal tas-Salib erba’ darbiet sabiex ma jkollix għalfejn nerġa’ nagħmlu mill-ġdid meta niltaqa ma’ nies fit-triq. Imbagħad mid-dar għaċ-ċimiterju ta’ Ta’ Brija, kont ngħid ħames posti Rużarju, minn ‘Ta’ Brija’ sal-‘Troll’ (pont) kont nagħmel żjajar lis-Sagrament, u lil hinn mit-Troll kont nimmedita fuq it-Triq is-Salib, nikkontempla b’mod partikolari t-tbatija ta’ Kristu. Kull meta ltqajt ma’ karozza jew karettuni fit-triq, anke dawk tal-ġirien tagħna, qatt ma aċċettajt lift, kont nippreferi nbati u nitlob tul ir-rotta.

Ħafna mill-art tal-biedja tagħna kienet fil-Girgenti, imma kellna wkoll ftit għelieqi f’Ta Zuta, magħrufa bħala ‘Ix-Xagħra.’ Jien kont naħdem hemm ma’ missieri, waqt li ommi kienet tibqa’ ssajjar ġewwa r-razzett. Missieri kien iżomm il-moħriet miġbud minn baqra, u jien kont insegwi u niżra l-patata u l-fażola.

Bqajt taħt it-tutela ta’ ommi sal-ġurnata li mietet … Hija rabbietna fil-biża’ tal-Mulej, u nhar t’Erbgħa, il-Ġimgħa u s-Sibt mhux biss astjenejna mill-laħam, iżda wkoll mill-bajd, ġobon u pastizzi. L-għażiża ommi li flimkien ma’ missieri ħadmu tant biex jipprovdu għalina, kienet isum aktar minn darba jew darbtejn, minkejja t-tbatija kollha li għaddiet minnha. Fir-rigward ta’ dan, se nsemmi xi ħaġa oħra, fl-ubbidjenza lejn il-Madonna sabiex hekk kif tgħid, ’tista’ tmiss il-kuxjenza ta’ xi ħadd u jagħmel l-istess.’ Jien ngħid dan għall-ikbar glorja ta’ Alla u l-Madonna tal-Ħajja. Peress li konna fqar ma kellnix wisq imma kont inċaħħad lili nnifsi mill-ftit affarijiet li kellna. Diġà semmejt li aġixxajt bħala delegat għall-morda tar-raħal u pereżempju, meta kont inżurhom, kont natihom is-sehem tiegħi tal-ftit ħelu bħat-torta u l-pastizzi li kienet tagħmel ommi. Il-morda, speċjalment dawk li ħadd ma kien iżurhom, gawdew minn dan l-ikel li kont intihom u li kont niċċaħħad minnu jien …

Aktar dwar Ġuża Mifsud
Apparti li kienet tipparteċipa fl-adorazzjoni perpetwa quddiem is-Sagrament Imqaddes, Ġuża ħejjiet mijiet ta’ familji biex jagħmlu l-Att tal-Konsagrazzjoni lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u l-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija.

Fl-1983 Ġuża sostniet li fis-snin ħamsin hija kellha viżjonijiet tal-Madonna fid-dar tagħha fis-Siġġiewi. Il-Madonna talbitha biex ixxerred devozzjoni lejn it-titlu l-ġdid “Il-Madonna tal-Konsagrazzjoni”. Ġuża ssostni li l-Verġni Mbierka qalilha, “Kont ikkonsagrat lil Alla minn meta kont tifla żgħira imma ħadd fuq l-art ma tani dan it-titlu.”

Sentejn wara, Ġuża żvelat li hija kienet saħansitra rat lill-Omm Imqaddsa fil-razzett tal-familja tagħha fil-Girgenti. Il-Madonna talbet statwa viċin il-post tad-dehriet u Anton Agius, skultur magħruf mir-Rabat ġie kkummissjonat biex jagħmel din l-istatwa li tqiegħdet fil-Girgenti fil-5 ta ‘Mejju, 1986.

Ġuża Mifsud organizzat laqgħat ta’ talb kull l-ewwel u t-tielet Ħadd ta’ kull xahar li matulhom hija dejjem indirizzat il-kongregazzjoni bil-mod umli u sempliċi tagħha. In-nuqqas tagħha ta’ skola ma xxekkilix milli twassal il-messaġġi li hija ddikjarat li rċeviet mingħand il-Verġni Mbierka, Ġesù u qaddisin oħra. Lanqas ma qagħdet lura milli tippriedka dwar l-imħabba ta’ Alla, l-Ewkaristija, il-Passjoni ta’ Kristu, l-imħabba fraterna, il-paċi, l-għaqda, il-pudur u numru kbir ta’ suġġetti oħra. Id-determinazzjoni u l-imħabba tagħha lejn Alla ħeġġitha tikteb ittri lil diversi Kapijiet ta’ Stati fosthom il-Presidenti Bush, Gorbaċev u Saddam Hussein.

Fis-snin ta’ wara, saru diversi żidiet fis-santwarju. F’Mejju tal-1988 il-ħawt tal-ilma ġie mbierek minn Mons Amante Buontempo. Ġuża ddikjarat, “Dan l-ilma ġie mogħti lilna bħala sors ta’ grazzja spiritwali u temporali …” Erba’ snin wara, f’Mejju 1992, salib tal-injam kbir, simbolu ta’ faraġ għal nies f’diffikultà, ġie mbierek ukoll bħalma talbet il-Madonna. Din is-salib ġiet mibdul minn salib ieħor tal-injam f’Mejju 2007, filwaqt li l-oriġinal kien qiegħed jintwera fid-dar ta’ Ġuża fis-Siġġiewi.

Matul id-diskorsi tagħha, Ġuża fakkret kif fid-disgħajnijiet hija kellha viżjoni ta’ San Mikiel li qalilha, “Int trid issir gwerriera biex tiddefendi lil Malta, tiddefendi l-Ewkaristija u tiddefendi l-messaġġ mogħti mill-Madonna … ” L-istatwa tiegħu li ġiet imbierka fi Frar 1993 kellha l-għan li żżid id-devozzjoni lejn dan il-qaddis sabiex iħassar il-ħażen tagħna u l-ħażin minn Malta u d-dinja.

L-istatwa ta’ San Ġużepp twaqqfet fil-Girgenti f’Novembru tal-1995. Ġuża ssostni li kellha diversi viżjonijiet mill-qaddis patrun tagħha. Il-plakka tal-irħam li tqiegħdet ħdejn l-istatwa fiha silta mill-messaġġ tiegħu lil Ġuża. Huwa jgħid hekk: “Id-dinja kollha għaddejja minn kalvarju kbir tad-dlam … ħafna nies ta’ qalb tajba qed jinqatlu … Itolbu għall-paċi tas-sema … Flimkien mal-Mulej Ġesù u l-Verġni Mbierka jien il-protettur tal- Knisja Kattolika … u nqiegħed lill-moribondi quddiem il-ħniena ta’ Alla u dik ta’ Ibnu Ġesù.”

L-aħħar żieda għas-santwarju kienet l-istatwa li tirrappreżenta t-tbatija ta’ Kristu. L-iskultur tagħha kien is-Sur Andrew Bugeja u ġie mħallas mis-Sinjur u s-Sinjura ta’ Kenfig minn Wales. Din l-istatwa ġiet imbierka minn Mons Francesco Adeodato Micallef, Isqof Emeritu tal-Kuwajt fis-7 ta’ Ġunju, 2009.

Inqalgħu ħafna grazzji fiżiċi u spiritwali bl-interċessjoni tal-Verġni Mbierka u ta’ Ġuża Mifsud. Il-qanpiena li ddendlet b’mod eleganti fit-torri tagħha hija eżempju wieħed. Persuna li kienet tidgħaj ikkonvertiet u tat il-flus biex issir din il-qanpiena fil-Girgenti sabiex bil-lingwa tagħha tkun ta’ tifħir lil Alla u tpatti għall-kliem ħażin u dagħa li kien jgħid meta jitkellem. Matul kull laqgħa ta’ talb il-qanpiena tindaqq ħames darbiet f’ġieħ it-Trinità Qaddisa, il-Verġni Mbierka, San Ġużepp u l-qaddisin kollha fil-Ġenna.

Għalkemm Ġuża Mifsud ħalliena fit-28 ta’ Ottubru 1996, madankollu kliemha baqa’ jidwi fl-imħuħ u fil-qlub ta’ ħafna devoti tal-Verġni Mqaddsa. Il-Kumitat tal-Moviment tal-Madonna tal-Konsagrazzjoni għadu jorganizza l-laqgħat ta’ talb tiegħu kull l-ewwel u t-tielet Ħadd ta’ kull xahar waqt li laqgħat oħra jiġu organizzati privatament fil-ġranet ta’ matul il-ġimgħa.

Minbarra li jaqdi r-rwoli tiegħu fl-amministrazzjoni u l-preservazzjoni, il-Kumitat huwa dejjem lest li joffri l-għajnuna tiegħu lil dawk li jżuru s-santwarju.

Il-Girgenti huwa post ta’ rifuġju. Is-sħana tas-sajf u x-xhur kesħin tax-xitwa ma jnaqqsu xejn mill-ġmiel viżwali u spiritwali tal-Girgenti. Is-santwarju jżuruh bosta nies ta’ kull età u minn kull qasam tal-ħajja. Fil-Girgenti wieħed isib faraġ, serħan tal-moħħ u saħħa spiritwali.

Links about Ġuża Mifsud:

  1. http://www.fireonemalta.com/girgenti/guza-mifsud/index.html
  2. https://www.facebook.com/madonna.konsagrazzjonigirgenti/
  3. http://maltain360.com/page.aspx?ref=110001222

L-20 Posta tar-Rużarju bil-Malti minn Ġuża Mifsud:

Nota: It-Tagħrif dwar Ġuża Mifsud (Tal-Girgenti) huwa meħud mill-sit uffiċjali fuqha u mill-paġna tiegħha fil-facebook.