Gilbert Simiana

Verżjoni Vidjo: Gilbert Simiana

GILBERT SIMIANA
1982 – 1998

Tagħrif: Gilbert Simiana kien żagħżugħ qaddis Malti li miet nhar is-27 ta’ Frar 1998, fl-età ta’ kważi 16-il sena, wara li inqas minn sitt snin qabel kien inħakem mill-marda kiefra tal-kanċer. Wara mewtu, bdew jiġu rrapurtati diversi episodji strordinarji fil-ħajja ta’ persuni li talbu għall-fejqan jew għall-għajnuna bl-interċessjoni tiegħu.

Gilbert twieled ir-Rabat, Malta, fl-1 ta’ Mejju 1982, u trabba f’familja sempliċi. Kien tifel fuq tiegħu u ferrieħi iżda fl-istess ħin twajjeb u ubbidjenti. Qatt ma kien jgħajjat jew jirrispondi.

Darba, tad-dar indunaw li Gilbert kien qed ikun ħafna bil-ġuħ, jiġi mill-iskola u mill-ewwel jistaqsi għall-ikel. Wara li marru jistaqsu l-iskola biex jaraw x’kien qed jiġri, sabu li Gilbert kien qed jagħti l-kolazzjon tiegħu lil tifel ieħor li għal xi raġuni ma kienx ikollu x’jiekol l-iskola.

Darb’oħra, Gilbert innota li tifel daqsu ma kienx qed jilgħab waqt il-brejk tal-iskola. Huwa resaq lejh u staqsieh għaliex kien joqgħod waħdu. It-tifel wieġbu li kien għadu kemm għamel operazzjoni biex jingħata kilwa minn ta’ ommu, għax tiegħu kienu mardulu. It-tifel għalhekk kien għadu konvalexxenti u ma setax jiġri jew jitħabat. Meta sema’ hekk, Gilbert sabbru u offrielu li sakemm jiġi f’tiegħu, hu kien se jakkumpanjah biex ma jkunx aktar waħdu.

Meta kien jisma’ lil xi ħadd jidgħi jew jitkellem ħażin kien jikkoreġih bil-ħlewwa.

Gilbert qatt ma kien ifalli lezzjoni waħda tal-Museum. Infatti sal-aħħar jum ta’ ħajtu kien imur regolarment anki waqt il-marda tiegħu, ikaxkar u jzappap. U qatt ma kien igerger. Kien iħobb jgħid li meta jikber jixtieq isir membru tal-Museum u jmur missjunarju.

Nhar it-30 ta’ April 1992, lejlet li Gilbert għalaq 10 snin, huwa ħass uġigħ ta’ ras qawwi. It- tifel ittieħed għand professur, sarlu CT Scan urġenti, li mill-ewwel indika lil tal-familja li t-tifel kellu tumur f’moħħu, u li kien hemm bżonn isifruh l-Ingilterra biex joperawh. Tal-familja kollha kienu xxukkjati iżda Gilbert ħa din l-aħbar b’kalma kbira u iktar tard stqarr ma’ oħtu Lorainne: “Lor, kemm inħossni xxurtjat li Ġesù għażel lili biex nurih kemm inħobbu b’dan il-mod!” Kien jgħid ma’ kulħadd: “Alla lili ppreferieni.” Huwa xtaq li, bit-tbatija ta’ issa, jibni villa ħdejn Ġesù u li kien determinat li jkun suldat ta’ Kristu, u akkost ta’ kollox jiġġieled għalih, suldat ċkejken imma leali.

L-Arċisqof Scicluna jgħid li dak li jolqtu f’Gilbert huwa li dan “għex ħajja ordinarja sakemm il-Mulej tah vokazzjoni speċjali, dik li l-marda tiegħu jgħixha magħqud ma’ Kristu msallab u rxuxtat.”

Simiana kien igib hekk b’għożża u fl-istess ħin kburija l-badge tal-‘Verbum Dei’ fuq sidru. Tant kienet għażiża din il-badge għalih, li meta waqt il-marda tiegħu kien ikun rikoverat l- isptar u hemmhekk kienu jibdlulu l-piġama, huwa kien mill-ewwel jerġa’ jilbes il-‘Verbum Dei’ fuq il-ġdida.

Kuljum, Gilbert kien jitlob l-Arloġġ Museumin, talba kull siegħa miktuba minn San Ġorġ Preca, u ħmistax-il posta Rużarju, għax kien iħobb lill-Madonna b’imħabba ta’ iben lejn ommu. U kuljum, anke meta kien l-isptar fl-Ingilterra, kien jaqra biċċa mill-Bibbja.

Darba waħda, jirrakkonta l-Prifett (katekist) tiegħu tal-Museum, Mario Muscat, Gilbert talbu l-parir u l-permess jistax imur Paceville għax sħabu tal-iskola kienu ħajruh u xtaq jitla’ darba magħhom. Il-prifett staqsieh jekk tad-dar kinux tal-idea u hu wieġeb li ma kinux oġġezzjonawlu.

Imbagħad il-Prifett qallu li għal darba ma jimpurtax imma li jekk kien bi ħsiebu kif dejjem kien jgħid, li jkompli fil-Museum, kien ikun aħjar li ma jibdiex bi drawwiet bħal dawn, għax ma tgħinx biex jimxi ’l quddiem fil-vokazzjoni tiegħu. Gilbert telaq, imma jumejn wara sabu u qallu li kien iddeċieda li ma jmurx.

F’Awwissu tal-1996, Gilbert żar Lourdes flimkien ma’ missieru. Din il-mawra kienet waħda li nisslet eċitament kbir fih. Gilbert, quddiem il-grotta f’Lourdes, talab biex imut mingħajr dnub, u mbagħad jekk trid il-Madonna tidħol għalih quddiem Alla u jfiq tagħmel hi, imma l-unika ħaġa importanti għalih kienet li jmut mingħajr dnub. Qal lil oħtu wkoll li l-akbar xewqa li kellu kienet li l-familja tiegħu tiltaqa’ miegħu fil-Ġenna.

F’Marzu 1995, il-Papa kien ħatar lill-Ispanjol Mons. José Sebastián Laboa bħala Nunzju għal Malta. Darba, Laboa ltaqa’ ma’ grupp ta’ tfal tal-Museum mixjin fit-triq u staqsihom x’ifisser il-Milied għalihom. U Gilbert tah ir-risposta teoloġika. Laboa baqa’ impressjonat ferm b’dan it-tifel. Is-soru li kiene tattendi għall-bżonnijiet ta’ Mons. Laboa, qaltlu li dak it-tifel kien marid gravament.

In-Nunzju Laboa mar jara lit-tifel id-dar. Din il-laqgħa kienet bħal ta’ ragħaj ma’ nagħġa marida u sofferenti. Minn dak il-waqt in-Nunzju beda jfittex lit-tifel spiss waqt li jkun passiġġata jew jiġġoggja fl-inħawi tad-dar tiegħu.

Missieru jistqarr kif in-Nunzju kien imur ħabta u sabta d-dar tal-familja Simiana u wara li jidħol ġewwa u jiskuża ruħu tad-disturb, jitlob bil-prudenza kollha biex ikellem lit-tifel. Huwa kien jibqa’ jkellmu fit-tul, anki siegħa jew aktar fil-kamra ta’ barra.

Mons. Laboa kien spiss iħallilu xi affarijiet, daqqa xi kuruna u daqqa xi santi. Darba waħda waqt waħda minn dawn iż-żjajjar, in-Nunzju stqarr ma’ Gilbert li hu kien sejjer għand il-Papa Ġwanni Pawlu u talbu x’jixtieq. It-tifel wieġbu pront pront li xtaqu jgħid lill-Papa li hu kien qed joffri t-tbatijiet tiegħu għas-suċċess tal-vjaġġi pastorali tiegħu.

Imbagħad meta reġa’ żar lil Gilbert, qallu li kien kellem lill-Papa dwaru u li dan xtaq ukoll jiltaqa’ miegħu. Mons. Laboa wara mhux biss irranġa din il-laqgħa, imma ħallaslu minn flusu flok mill-flus tan-Nunzjatura għall-vjaġġi tiegħu u ta’ ħutu. Gilbert u l-familja tiegħu iltaqgħu mal-Papa Ġwanni Pawlu II, li Gilbert tant kien iħobb, fid-9 ta’ Settembru 1997. Waqt din il-laqgħa mal-Papa, Gilbert kien kommoss ħafna, eċitat u ferħan se jtir, hekk li meta biesu ma kienx kapaċi jesprimi ruħu bil-ferħ li ħakmu.

Lill-Papa, Gilbert reġa’ qallu li kien qed joffri t-tbatijiet tiegħu biex jinħasad il-ġid fil-vjaġġi pastorali tiegħu u skont oħtu li kienet preżenti, il-Papa qallu li hu kien tifel speċjali ħafna għal Ġesù u li kien magħżul minnu.

Kien wasal l-aħħar jum. L-aħħar li kellmuh tal-familja kien l-Erbgħa 25 ta’ Frar 1998. Iż-żagħżugħ kien tilef id-dawl t’għajnejh. Dr. Michael Cassar, it-tabib tal-familja jistqarr li Gilbert qatt ma gerger jew ilmenta mill-marda tiegħu. Jistqarr ukoll li kien sema’ lil ta’ madwaru jgħidu li Gilbert kien jgħid li “Ġesù bata, mela jien inbati wkoll u noffri t-tbatijiet tiegħi għall-bżonnijiet tal- Papa.”

Gilbert kien nofsu konxju, imma seta’ jisma’ u l-qraba tiegħu qagħdu jgħidu r-rużarju ħdejh. Tatu taqliba wara l-oħra, imma kien għad baqa’ ftit ieħor. L-aħbar li ż-żagħżugħ qaddis kien qed imut ġriet mar-Rabat u laħqet lin-Nunzju li malli sema’ mar jiġri l-isptar. Ħadd ma jaf x’intqal bejn in-Nunzju u Gilbert f’dik l-aħħar laqgħa tagħhom. Nafu biss li meta spiċċat il- laqgħa ta’ bejniethom, in-Nunzju ħareġ u lil oħtu talabha li malli jseħħ dak li kellu jseħħ, jibagħtu mill-ewwel għalih.

Kien imdawwar b’tal-familja u fil-fatt miet fi ħdan Kevin, dak iż-żmien l-għarus ta’ oħtu u llum ir-raġel tagħha. Miet nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Frar 1998 fl-Isptar San Luqa. Gilbert kellu 16- il sena neqsin tliet xhur meta miet. Mal-mewt, il-qraba tiegħu jistqarru li wiċċ Gilbert kellu fuqu tbissima ta’ paċi li tat paċi lil kull min rah.

Keffnuh u libbsuh il-badge tal-Museum skont ix-xewqa espressa tiegħu. Din il-Verbum Dei, kif rajna, qatt ma neħħieha minn fuqu u saħansitra kien dendilha mas-sodda waqt l-operazzjonijiet tiegħu meta ma kienx jista’ jilbisha fuqu, ħaġa li tant impressjonat lit-tobba barranin. Ikkuntattjaw lin-Nunzju li malajr ħa f’idejh il-funeral tat-tifel u li ma ħalliehx għal mument wieħed minn dak il-ħin ’il quddiem sakemm tkaħħal il-qabar.

Il-funeral ta’ Gilbert sar fil-Knisja ta’ San Pawl ir-Rabat. Il-knisja kienet miżgħuda bin-nies, li kienet tfur sa fuq iz-zuntier. Min kien hemm, jgħid li lanqas fil-festa titulari ma qatt rat daqshekk nies dik il-knisja. Il-quddiesa tal-funeral tmexxiet minn Monsinjur Laboa li kif wera sa minn qabel ma miet, xtaq li jieħu kollox f’idejh mill-mewt ’l hemm.

Laboa deher imqanqal il-ħin kollu. Kien tilef ħabib żgħir fl-età, imma ġgant fil-fidi u ħassu onorat li seta’ jagħtih hu f’isem il-Papa u l-komunità nisranija lokali l-aħħar tislima tal-Knisja. Laboa għamillu omelija li matulha ddikjarah “Domenico Savio ta’ Malta”, “żagħzugħ Malti li anki mejjet, il-preżenza tiegħu qanqlet ħafna ġid kif setgħu jaraw b’għajnejhom stess”.

Wara li Gilbert miet u s-santi tiegħu bdew jinxterdu fid-djar, jingħad li kien hemm diversi każijiet ta’ fejqan, hekk li l-familja bdiet tirċievi spiss ittri bi stejjer ta’ fejqan u ta’ konverżjonijiet flimkien ma’ xi ħaġa żgħira tal-flus għall-quddies ta’ radd il-ħajr.

Mons. Laboa, min-naħa tiegħu, ma kellux dubju li Gilbert kien qaddis. Kien hekk ċar għalih li waqt pranzu f’Ruma, fis-27 ta’ Jannar 2000, fil-konklużjoni tal-kawża ta’ Dun Ġorġ Preca, esklama li issa – li l-kawża ta’ Dun Ġorġ waslet sa tmiemha – hemm dan it-tifel Rabti.

Gilbert dam midfun ir-Rabat sentejn u tliet xhur. Wara, fis-sena 2000, inqala’ minn hemm biex jindifen fic-cimiterju ta’ Ħad-Dingli fejn għadu hemm sal-lum. Meta nqala’ b’għaġeb kbir instab li l-istat tal-ġisem ta’ Gilbert kien fi stat tajjeb ħafna, hekk li tabib li kien preżenti stagħġeb kif wara sentejn u tliet xhur kien għadu miksi bil-laħam minkejja l-marda kiefra u t-terapiji kimiċi kollha li għadda minnhom qabel ħalla din id-dinja.

Ħsieb: X’inhu l-messaġġ ta’ Gilbert għalina lkoll, b’mod speċjali għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin? L-ewwel, li l-kwalità tal-ħajja ma titkejjilx mit-tul tal-jiem u mis-suċċess fid-dinja, iżda minn kemm wieħed jagħraf jingħata lil Alla u lill-proxxmu fl-imħabba anke jekk dan ifisser ċaħda u tbatija.

U għalhekk, li aħna lkoll imsejħin għall-qdusija li hi l-perfezzjoni fl-imħabba, bħalma għallimna San Pawl: ‘Alla għażilna sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba’. Kliem tassew ta’ sfida kif ukoll ta’ kuraġġ. Jalla l-eżempju ta’ Gilbert Simiana jqanqal lilna lkoll biex inħttxu ħajja ta’ kwalità billu nfittxu l-qdusija, kulħadd skont is-sejħa partikulari tiegħu.

Talba: O Alla li tista’ kollox, nitolbuk biex bl-interċessjoni taż-żagħżugħ Gilbert Simiana tħares lil min għaddej minn mard diffiċli. Bħalma mexxejt lil Gilbert biex jafda tbatijietu f’idejk, agħmel li aħna nintelqu fi ħdanek u nafdaw it-tbatijiet tagħna u ta’ ħutna fi ħdanek u jekk hi rieda tiegħek iseħħ il-fejqan biex bħal Gilbert inkunu nistgħu nitolbu: “Alla lilna ppreferiena.”

Links about Gilbert Simiana:

  1. https://www.gwida.mt/mt/ta-10-snin-b-tumur-f-rasu-i-da-gilbert-simiana-affa-ja-din-il-marda-terminali-b-differenza—tfajjel-malti-li-sar-qaddis
  2. https://newsbook.com.mt/zaghzugh-malti-generuz-fhajtu-iffaccja-l-kancer-bkuragg-u-fidi/
  3. https://stradarjali.com/2021/02/it-tfajjel-malti-li-miet-fl-eta-ta-15-il-sena-eluf-jahsbu-li-ghandu-jigi-ddikjarat-beatu/
  4. https://www.facebook.com/simianagilbert/
  5. https://laikosblog.org/2020/10/10/ghaxra-zghar-imma-kbar/
  6. https://timesofmalta.com/articles/view/a-model-for-young-christians.97875

Nota: Ħafna mit-Tagħrif dwar Gilbert Simiana huwa meħud mill-ktejjeb “Alla lili ippreferieni” ta’ Jane Camilleri Haber.

Design a site like this with WordPress.com
Get started