Dun Mikiel Attard

Dun-Mikiel-AttardDUN MIKIEL ATTARD
Saċerdot
1933 – 2004

Tagħrif: Dun Mikiel twieled fin-Nadur, Għawdex, nhar l-1 ta’ Ottubru 1933, l-ewwel fost tnax-il aħwa, iben Coronato u Anna neè Tabone. Billi kien jaħdem Malta bħala kuntrattur u bennej, missieru kien mar joqgħod bil-familja b’kollox fil-Ħamrun u hekk Dun Mikiel għadda l-ewwel sitta jew seba’ snin ta’ ħajtu joqgħod Malta. Fl-1940, wara li faqqgħet it-tieni gwerra dinjija, Coronato ddeċieda li jirritorna lura bil-familja tiegħu lejn raħal twelidu. Hawn iċ-ċkejken Mikiel beda jiffrekwenta l-MUSEUM fejn fl-1945 ġie aċċettat bħala kandidat.

Ta’ għaxar snin beda wkoll jistudja fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù. Mis-superjuri u l-għalliema kien miżmum bħala student intelliġenti, serju, eżemplari, ta’ ħajja tajba u attent biex iwettaq dmirijietu sewwa. Aktar tard huwa ddeċieda li jimxi wara Kristu fit-triq tas-saċerdozju. Bħala seminarista huwa kien kapaċi jidħak u jiċċajta ma’ sħabu imma fl-istess ħin iħobb il-ħajja ta’ ġabra u talb. Huwa ġie ordnat djaknu mill-isqof Mons Ġużeppi Pace fl-20 ta’ Diċembru 1958 u presbiteru fit-12 ta’ April 1959.

Fost il-ħidmiet pastorali li wettaq b’żelu kbir, Dun Mikiel ħadem ħafna maż-żgħażagħ. Għal ħafna snin kien direttur spiritwali tal-Football Club Nadur Youngsters fejn, barra mit-talb qabel kull partita, qatt ma kien jonqos li jgħaddilhom kelma tajba. Huwa kien jorganizza laqgħa fix-xahar għaż-żgħażagħ tal-parroċċa tiegħu u aktar tard waqqaf il-grupp ta’ talb imsejjaħ GYM talb Madonna Ta’ Pinu. Huwa beda joħroġ ukoll il-fuljett ta’ darba fix-xahar “Il-Ħbieb isejħu”. Baqa’ ħafna attiv fil-MUSEUM u spiss kien iżur id-diversi oqsma ta’ Għawdex.

Huwa ħabb ħafna lis-saċerdoti u ħadem kemm felaħ biex jgħinhom f’kull bżonn tagħhom. Fl-1966 beda joħroġ fuljett għalihom, “Aggiornamento”, li fih kien jittratta temi spiritwali u pastorali attwali. Huwa dejjem ħadem id f’id mal-isqof tiegħu, fi spirtu ta’ komunjoni u ubbidjenza, u għen lil sħabu s-saċerdoti jgħixu f’dan l-ispirtu. Anke meta ma kienx mifhum jew sab lil min ma jaqbilx miegħu, huwa dejjem ġarrab kollox fis-skiet għall-imħabba ta’ Kristu.

Kellu ħeġġa kbira għall-erwieħ. Kien lest jissagrifika lilu nnifsu, anke sa tard bil-lejl, biex jisma’, ifarraġ u jgħin lil dawk li kellhom bżonn l-għajnuna tiegħu fil-qrar jew fid-direzzjoni spiritwali. Ħafna nies, fosthom numru kbir ta’ saċerdoti u reliġjużi, kienu jżommuh bħala d-direttur spiritwali tagħhom. Mix-xhieda ta’ ħajtu u mill-għerf tal-Ispirtu li kellu gawdew ukoll għal ħafna snin is-seminaristi Għawdxin fil-formazzjoni tagħhom għas-saċerdozju. Kien, fil-fatt, direttur spiritwali fis-Seminarju Maġġuri mill-1970 sal-1996. Dun Mikiel kien jibqa’ jsegwihom anke wara l-ordinazzjoni u meta kienu jkunu msefrin.

Kellu spirtu missjunarju kbir. Fit-2 ta’ Ottubru 1982 huwa waqqaf il-Grupp Missjunarju Għawdxi bil-għan li jnissel u jsaħħaħ l-imħabba lejn il-missjonijiet u jorganizza aħjar il-ħidmiet lokali favur il-missjoni. Ma’ dan il-Grupp huwa organizza esperjenzi missjunarji fl-Eġittu, il-Kenja, l-Etjopja, il-Pakistan, l-Indja, il-Brażil, it-Tuniżija, l-Alġerija u l-Perù.

Kien iħobb sinċerament lil art twelidu, iħoss għall-ħtiġijiet tal-poplu u jinteressa ruħu fil-ħtiġijiet soċjali. Stinka biex il-Moviment Azzjoni Soċjali jibda jwettaq il-ħidma tiegħu f’Għawdex ukoll.

Kien saċerdot ferħan li għex is-saċerdozju tiegħu b’mod sħiħ. Is-sigriet tiegħu kien l-għaqda intima tiegħu ma’ Alla permezz tat-talb. Kellu devozzjoni kbira lejn Ġesù Ewkaristija u lejn il-Madonna Ta’ Pinu. Kellu mħabba kbira għall-Quddiesa ta’ kuljum, għall-meditazzjoni tal-Kelma t’Alla, għal-Liturġija tas-Sigħat u għar-Rużarju. Lill-Madonna Ta’ Pinu, li spiss kien iżurha fis-Santwarju tagħha, kien jafdalha kull ħidma tiegħu. Huwa kellu xewqa kbira li ħdejn is-Santwarju Ta’ Pinu jitrawwem xi Ordni ta’ patrijiet kontemplattivi, iżda dan it-tentativ ma rnexxiex. Għen ukoll biex tinfetaħ komunità tas-Sorijiet Dumnikani tal-Klawsura fix-Xagħra, iżda anke dan il-proġett rah ifalli quddiem għajnejh, liema żewġ esperjenzi kkawżawlu tbatija interjuri kbira. Iżda hu, ta’ bniedem spiritwali li kien, għaraf jaċċetta dawn il-fallimenti bi spirtu ta’ fidi u rassenjazzjoni f’idejn Alla. Kien jemmen li Alla għandu ż-żmien u t-triqat tiegħu, u ma ħalla xejn jaqtgħalu qalbu.

Is-saħħa fiżika tiegħu kienet dejjem xi ftit dgħajfa iżda hu, b’kuraġġ u b’fiduċja fl-għajnuna tas-sema, qatt ma żamm lura milli jagħti lilu nnifsu sal-aħħar. L-ispirtu ta’ sagrifiċċju u r-rabta ta’ qalbu mar-rieda tal-Missier, li wera f’kull ħidma pastorali tiegħu, uriha speċjalment fl-aħħar snin tal-mard tiegħu. Kien ilu jbati ħafna minn diversi tipi ta’ mard kroniku, fosthom l-ażżma u l-Parkinson’s disease, sakemm fis-sena 2000 kellu jinxteħet fis-sodda għal kollox. Hemmhekk baqa’ joffri lilu nnifsu bħala offerta ħajja lil Alla sakemm miet b’fama ta’ qdusija fit-30 ta’ Lulju 2004. Fit-2 ta’ Awwissu sar il-funeral tiegħu li għalih attendew 116-il qassis. Kienu preżenti wkoll il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru u personalitajiet oħra flimkien ma’ folla kbira ta’ nies minn Malta u Għawdex.

Links about Dun Mikiel Attard:  

  1. http://thechurchinmalta.org/en/posts/13839/bishop-mario-grech-sets-in-motion-the-diocesen-beatification-process-of-a-gozitan-priestl-isqof-mario-grech-ihabbar-ftuh
  2. http://gozodiocese.org/2010/11/03/bidu-tal-process-djocesan-ghall-beatifikazzjoni-tas-sacerdot-ghawdxi-dun-mikiel-attard/
  3. http://netnews.com.mt/2014/08/03/l-kanonizzazzjoni-ta-dun-mikiel-attard/
  4. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20140824/gozo/Bid-for-Dun-Mikiel-Attard-to-be-declared-a-saint.532951
  5. https://www.facebook.com/dunmikielattard/
  6. https://www.tvm.com.mt/mt/news/ghada-tibda-tinstema-x-xhieda-ghall-beatifikazzjoni-ta-dun-mikiel-attard/
  7. https://www.newsbook.com.mt/artikli/2018/09/24/pass-eqreb-biex-dun-mikiel-attard-isir-qaddis/
  8. http://nadurjana.com/2018/09/26/l-kaz-ghall-beatifikazzjoni-tal-qaddej-ta-alla-dun-mikiel-attard/
  9. http://www.sacredheartseminary.org.mt/prayer-meeting-dun-mikiel-attard/
  10. L-aħħar aġġornamenti:

Nota: It-Tagħrif dwar Dun Mikiel Attard huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

Advertisements