Patri Avertan Fenech

00c2ba72d98cc86d3f2b417d54625b9aca07d47f-1485151229-58859bfd-360x251PATRI AVERTAN FENECH
Karmelitan
1871 – 1943

Tagħrif: Patri Avertan Fenech huwa wild ewlieni u waħdieni ta’ Duminku Fenech u Marija Attard. Huwa twieled nhar l-10 ta’ Lulju 1871 il-Mosta u ġie mgħammed l-għada fil-Knisja Parrokkjali u semmewh Lwiġi għal San Alwiġi Gonzaga li bħalu kellu jispikka għall-virtù tas-safa.

Mid-dar huwa tgħallem jitlob u jikber fil-fidi. Il-familja għalkemm fqira kienet għanja fil-ħajja tal-fidi. Missieru kien jaqta’ l-ġebel f’barriera u ommu kienet seftura mas-sinjuri Grech Mifsud. Dawn is-sinjuri kellhom dar il-Belt biswit is-santwarju tal-Karmnu u aktarx li minn hemm huwa wiret l-imħabba lejn il-Madonna tal-Karmnu.

Lwiġi kellu karattru sensibbli, u galbat, dejjem jilqgħek bit-tbissima fuq wiċċu. Imġibtu ma’ sħabu kienet eżemplari u kien juri li miġbud għall-ħajja tat-talb u l-virtù, hekk li l-Arċipriet tal-Mosta għażel li jagħmillu l-Preċett qabel il-Griżma, ħaġa rarissima, dak iż-żmien. Iktar ma’ beda jikber, kompliet tikber miegħu is-sejħa għall-ħajja reliġjuża Karmelitana u meta lill-ġenituri wrihom din ix-xewqa huma bagħtuh jistudja l-Latin u t-Taljan għand qassis in-Naxxar.

Fis-6 ta’ Frar 1888 il-Vigarju Provinċjali Patri Lwiġi Malfatti laqgħu fin-novizzjat il-belt u sena wara pprofessa fl-oratorju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt. Imbagħad nhar is-27 ta’ Frar 1892 ipprofessa solenni fl-oratorju tan-Novizzjat fil-Belt. Wara dan huwa kompla l-formazzjoni fil-kunvent il-ġdid ta’ San Ġiljan u kellu b’surmast lil Patri Francesco Raiti li iktar tard ġie magħżul isqof ta’ Trapani.

Fl-1896 ġie magħżul bħala prefett tal-kjeriċi minħabba l-ħajja virtuża u integra tiegħu u fil-5 ta’ Lulju 1896 ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Għawdex Giovanni Camilleri OSA u ċċelebra l-Ewwel Quddiesa Solenni fis-Santwarju tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Mal-ordinazzjoni ntefa’ għall-ministeru tal-qrar u d-direzzjoni spiritwali. Ukoll l-imġiba tiegħu kemm waqt it-talb u l-quddiesa kif ukoll fil-komportament tal-ħajja ta’ kuljum u fir-relazzjoni ma’ ħutu fil-komunità kienet ta’ edifikazzjoni u ammirazzjoni speċjalment għax kien jgħix tassew kontinwament fil-preżenza ta’ Alla.

Il-modestja, l-umità, il-faqar u s-safa tiegħu kienu jqanqlu lin-nies jersqu għandu għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali, fosthom Dun Mikiel Gonzi, li iktar ’il quddiem sar Arċisqof ta’ Malta, u li kien lettur is-Seminarju, kif ukoll is-seminaristi. Mons. Ġużeppi de Piro stqarr mal-isqof li s-seminaristi kienu jmorru jqerru għand dan il-patri Karmelitan ta’ fama qaddisa flok għand il-konfessur tas-seminarju.

Il-ħajja ta’ reliġjuż tassew u kif għandu jkun qanqlet lis-superjuri tiegħu biex iqegħduh l-ewwel bħala viċi-surmast u imbagħad bħala surmast tan-novizzi. Huwa dam 26 sena jaqdi dan il-ministeru b’dedikazzjoni u b’eżempju kbir għal dawk li għaddew minn taħt idejh. Minnu tgħallmu jaħarbu l-għażż, jgħixu ħajja ta’ talb u osservanza reliġjuża tar-Regola, fl-ubbidjenza, fil-faqar evanġeliku u fis-safa u qadi tal-poplu ta’ Alla skont l-ispirtu u l-kariżma tal-Karmelu. F’dan ir-rwol tiegħu Patri Avertan ġibed l-ammirazzjoni ta’ bosta fi żmien l-epidemija tal-Ispanjola fil-kura personali li kien jieħu tan-novizzi milquta minn din l-epidemija, b’riskju wkoll għal ħajtu.

Patri Avertan qeda diversi uffiċċji fosthom bħala delegat provinċjali għall-Kapitlu Ġenerali f’Ruma fl-1919 fejn ħalla impressjoni fuq il-Pirjol Ġenerali u fuq il-kapitulari minn madwar id-dinja, għall-umiltà, l-ispirtu ta’ talb u l-manswetudni tiegħu. Kulħadd kien iżommu b’qaddis, kemm ħutu r-reliġjużi kif ukoll in-nies li kienu jfittxuh għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali. Kien ta’ edifikazzjoni fis-sabar qalb it-tiġrib u offra lilu nnifsu għall-konverżjoni tal-midinbin.

Il-qdusija u l-virtujiet tiegħu spikkaw l-iktar fi żmien il-mard kawża ta’ attakk qawwi ta’ puplesija fl-1932 li ħallih b’ġismu nofsu paralizzat u b’fommu mbikkem. Is-sodda tal-mard u s-siġġu tar-roti li fuqhom dam għal 11 il-sena u nofs saru issa mhux biss is-salib tiegħu imma wkoll il-pulptu li minn fuqhom kien iwassal il-Vanġelu. Patri Avertan qatt ma kien predikatur. Leħnu ma kienx jagħtih, imma dejjem ippriedka bl-eżempju ta’ ħajtu u issa f’dan il-mument spikka bl-eżempju ta’ virtù u l-għaqda ma’ Alla f’rassenjazzjoni serena mar-rieda ta’ Alla. Qatt ma naqas mit-tbissima lil min kien iżuru, qatt ma lmenta fuq nuqqas ta’ ikel kemm minħabba l-għaks tal-gwerra kif ukoll għax ma setax jiekol ikel solidu.

Fil-kunvent minkejja li ppruvaw jieħdu ħsiebu kif setgħu kien hemm skarsità fl-ikel u anke fil-kumdità. Il-kunvent ġie trasformat f’uffiċini tas-Servizzi Ċivili bil-ħaddiema tad-Dockyard, il-patrijiet ukoll kienu jsostnu b’karità r-refuġjati tal-gwerra. Nieqes minn kollox issa kien tassew jixbah lill-kurċifiss li lejh kien iħares u lilu kien juri meta kienu jitħassruh. F’din il-qagħda huwa tassew kif jgħid San Pawl kien qed jgħix il-ħajja moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Xewqa waħda żamm, dik li jfieq ħalli jqaddes! F’wieħed mill-irtiri tiegħu kiteb hekk:

“Aħna riżoluti, o Ġesù, li nirrinunzjaw kollox għal imħabbtek u, mgħannqin mas-salib tiegħek irridu ngħixu u mmutu bħalek, privi mill-ħwejjeġ żejda tad-dinja u ma nixtiequx ħlief dawk tas-Sema. Din hija l-unika xewqa tagħna, li nisperaw li tistħoqqilna dik il-ġurnata li niġu ngawduk għall-eternità ġewwa l-ġenna kif inti wegħedtna. Hekk Ikun.” Il-marda tiegħu kellha tkun għalih il-martirju li hu ġarr b’qalb sħiħa.

Miet fl-1 novembru 1943 għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu. Il-konfessur tiegħu Patri Ġerardu Paris Dumnikan xehed li qatt ma dineb gravement. Bosta xtaqu jaraw il-ġisem mejjet ta’ Patri Avertan fiċ-ċella tiegħu fejn in-nies setgħu jagħtuh l-aħħar tislima. Ġie midfun fil-kripta taħt il-knisja. Ma’ mewtu xterdet il-fama tal-qdusija. Fil-gazzetti xterdet l-aħbar li miet reliġjuż qaddis. Il-qabar tiegħu sar ċentru ta’ pellegrinaġġi u fil-25 sena mill-mewt tiegħu l-Arċisqof Mikiel Gonzi mexxa l-eżumazzjoni tal-fdalijiet tiegħu li tqegħdu f’qabar ġdid fil-kannierja.

Fl-2014 f’għeluq is-70 sena minn mewtu l-fdalijiet indifnu fil-kappella tal-Madonna tar-Rocca tal-Karmnu tal-Mdina. Bosta huma dawk li jiġu jżuru qabru u ċ-ċella tiegħu , jitolbu u jirreferu grazzji maqlugħa bl-interċessjoni tiegħu. Illum Patri Avertan huwa mudell għar-reliġjużi kollha fl-għażla ta’ Alla fl-ewwel post ta’ ħajjitna. Lil ħutu Karmelitani ifakkarhom dejjem fil-primat tal-kontemplazzjoni u quddiem l-insara jiddi bħala xempju tas-safa tal-qalb. Bħala saċerdot ifakkar u jqanqal bl-eżempju ta’ ħajtu lis-saċerdoti biex jingħataw għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali. Fl-aħħarnett f’dinja u kultura li tiddiskuti dwar jaqbilx li bi “ħniena” nagħtu l-mewt lil min jinsab f’mard terminali Patri Avertan jiddi bħala mudell u xempju tad-dinjità u l-valur tal-bniedem ukoll f’dawn il-kundizzjonijiet .

Mitlubin mill-Postulaturiċi tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni tal-istess Patri Avertan Fenech, Karmelitan, biex tinfetaħ din il-kawża, skont in-Normi tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin, qed nippubblikaw dan l-Editt biex nitolbu lil kull min għandu xi kitba ta’ Patri Avertan Fenech, Karmelitan jgħaddiha fil-Kanċellerija tat-Tribunal Metropolitan fil-Kurja Arċiveskovili, Valletta. B’kitba nifhmu mhux biss dik stampata iżda wkoll manuskritti, id-djarji, ittri u kull kitba oħra privata ta’ dan il-Qaddej ta’ Alla. Dawk li jixtiequ li jżommu l-oriġinal jistgħu jippreżentaw kopja li, wara li tkun verifikata ma’ l-oriġinal, tiġi awtentikata mill-Kanċellier ta’ l-istess Tribunal.

Nordnaw li dan l-Editt jitwaħħal fil-bieb tal-Kurja għal xahrejn u jitwaħħal fin-notice boards tal-parroċċi għall-istess żmien. Mogħti mill-Kurja Tagħna fil-Furjana, illum 9 ta’ Jannar, 2017, festa tal-Magħmudija tal-Mulej.

Il‑Ħamis 2 ta’ Frar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna fetaħ il‑proċess tal‑kawża għall‑Qdusija ta’ Patri Avertan Fenech, fil‑Knisja tal‑Madonna tal‑Karmnu, l‑Imdina. Wara, fl‑istess Knisja huwa bierek ix‑xemgħat u ta’ bidu għall‑purċissjoni lejn il‑Katidral biex ikompli l‑Quddiesa Pontifikali li saret fil‑festa tal‑Preżentazzjoni tal‑Mulej fit‑Tempju, filwaqt li ċċelebra Jum il‑Ħajja Kkonsagrata.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Katidral tal-Imdina

“Meta għalqilhom iż-żmien għat-tisfija tagħhom” (Luqa 2:21). L-Evanġelju tal-lum jibda b’din l-espressjoni li għall-familja Lhudija kienet tfisser li mit-twelid tat-tarbija kienu għaddew erbgħin jum skont il-liġi ta’ Mosè. Il-familja ta’ Ġesù, Ġużeppi u Marija hija sottomessa għal-liġi bħal kull familja Lhudija oħra, sottomessa għal-liġi ta’ Mose. Ġesù ta’ erbgħin jum jittieħed Ġerusalemm u jidħol għall-ewwel darba fit-Tempju. Daħal diversi drabi oħra matul ħajtu fuq din l-art. Daħal biex ikeċċi l-bejjiegħa tat-tempju, daħal biex jgħid li huwa d-dawl tad-dinja. Illum ma jgħidhiex hu din il-kelma, imma jgħidha Xmun, dan “ir-raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Israel li l-Ispirtu s-Santu kien fuqu” (v. 25).

Aħna u nibdew il-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Patri Avertan Fenech, inħarsu lejh bħala eżempju sabiħ ta’ kif il-persuna kkonsagrata tista’ tkun, fil-każ tiegħu, “raġel ġust u tajjeb li jistenna l-faraġ ta Israel u li l-Ispirtu kien fuqu”. Anke lil Patri Avertan, bħalma ngħata lil Xmun, ingħata d-don sabiħ li huwa u jistenna l-faraġ tal-Mulej, ikun mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu tal-Mulej u jagħraf il-preżenza tal-Mulej.

Jiena nixtieq insellmilkom, għeżież reliġjużi rġiel, għeżież reliġjużi nisa, membri tal-Istituti sekulari u tal-Ordo Virginum f’dan il-jum li l-Knisja tixtieq ikun ukoll iddedikat għalikom u l-awgurju, it-talba li nagħmlilkom huwa li fuq l-eżempju ta’ tant qaddisin ikkonsagrati lill-Mulej, intom tistennew b’ħerqa “l-faraġ ta’ Israel”, intom tkunu doċli għal dak li jnebbaħ fikom, fil-qalb tagħkom, fil-kuxjenza tagħkom l-Ispirtu qaddis tal-Mulej.

Illum aħna nilqgħu lil Ġesù bħalma laqgħu f’dirgħajh Xmun bħala s-salvazzjoni li ħejja l-Mulej għall-popli kollha: “id-dawl biex idawwal il-ġnus u l-glorja tal-poplu ta’ Israel” (v. 32). Salvazzjoni, dawl, glorja. Jekk aħna rridu nikkolegaw dan il-mument ta’ dawl, ta’ glorja, ta’ salvazzjoni fil-ħajja ta’ Ġesù, inħarsu lejn it-Trasfigurazzjoni fejn is-Salvatur ukoll jidher ukoll bħala dawl: “wiċċu sar jiddi bħax-xemx” (Mattew 17:2) u jiddi fil-glorja tiegħu. Mhux ta’ b’xejn insejħulu wkoll fis-sbuħija tat-Tabor, bħala ‘is-Salvatur’.

Hemm ukoll kelma oħra fuq Ġesù li l-persuna kkonsagrata ma tistax taħrab minnha. Xmun iħares lejn omm it-tarbija, berikhom u qal lil Marija: “ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; se jkun sinjal li jmeruh” (Luqa 2:34) signum contradictionis. Il-persuna kkonsagrata, in-Nisrani mpenjat ikolli ngħid ukoll, ma jistax jevita din il-liġi, din il-providenza li jkun sinjal li jmeruh. L-ewwel nett għaliex il-ħajja tan-Nisrani imma b’mod speċjali l-ħajja tal-persuna kkonsagrata hija kontra l-kurrent u allura hemm din it-tensjoni kontinwa bejn l-ideali li huma espressi fl-ubbidjenza, fil-faqar, fil-kastità, u l-kontro-valuri ta’ dinja li tfittex l-awtonomija, li tfittex il-flus u l-pjaċir. It-talba tagħna hija li l-Mulej li jżurna meta jżurna, isibna bħal Xmun, persuni ġusti, twajba, mimlija tama għax kontinwament qegħdin fit-tensjoni li nistennew il-“faraġ ta’ Israel” mhux il-faraġ tad-dinja imma l-faraġ li jagħtina l-Mulej stess.

“Nagħtikom il-paċi tiegħi, mhux bħalma tagħtihulkom id-dinja, il-paċi tiegħi” (Ġw 14, 27). Meta aħna nitkellmu fuq il-paċi li jkun hemm fil-qalb, mhux qed nitkellmu fuq xi ħaġa li nħoss, għalkemm il-paċi b’mod speċjali fl-esperjenza tat-talb, hija wkoll sensibbli, imma hija xi ħaġa iżjed profonda, hija don tal-Mulej. Il-kriterju tal-paċi huwa l-kriterju ta’ min ir-rieda tiegħu hija marbuta mar-rieda ta’ Ġesù li fit-tribunal tal-kuxjenza tiegħu li huwa t-tribunal tal-verita’, iħossu – mhux bil-ħass tas-sentimenti – imma bil-persważjoni li jagħti l-Ispirtu s-Santu, verament f’paċi ma’ Alla. Nistaqsu lilna nfusna: aħna qegħdin f’paċi ma’ Alla? San Ġorġ Preca kien iħobb isemmi u jgħid: “Alla tagħna hu Alla tal-paċi” u t-tislima tiegħu bħala rxoxt, bħala rebbieħ fuq il-mewt, hija “il-paċi magħkom”.

Għalhekk jiena nitlob anke bl-intereċessjoni tal-qaddej ta’ Alla Patri Avertan, bl-interċessjoni ta’ tant erwieħ ikkonsagrati li telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi, biex aħna nkunu preżenza ta’ paċi vera fil-komunitajiet tagħna, bejnietna, u fis-soċjetà. Il-paċi ta’ min jistenna bil-ġustizzja u bit-tjieba, il-faraġ li jagħti l-Mulej, il-paċi ta’ min it-tama tiegħu fil-Mulej, il-paċi ta’ min iħobb b’imħabba tant kbira li jaf iħaddan saħansitra min għamel il-ħsara jew min iweġġgħu.

Niftakru llum ukoll mhux biss fi Xmun, imma ukoll fil-mara anzjana, qaddisa: f’Anna bint Fanwel li “kienet imdaħħla fiż-żmien” – bħal ħafna membri tal-ħajja kkonsagrata llum, mhux bilfors kienu miżżewġin bħalha, imma din “għamlet seba’ snin miżżewġa, imbagħad baqgħet armla. Sakemm kellha erbgħa u tmenin sena” – u qed nara xi wħud li jfakkruni f’din l-età – “ma kienetx titwarrab mit-tempju, lejl u nhar kienet taqdi fis-sawm u t-talb” (Luqa 2:37). Kemm hu ritratt sabiħ ta’ Anna, bint Fanwel, li kienet għaddiet minn diversi mħabbiet, kellha wkoll it-togħma tal-imħabba miżżewġa, imma mbagħad minħabba li sfat armla żagħżugħa, sabet ukoll l-imħabba fit-tempju, “lejl u nhar kienet taqdi fis-sawm u fit-talb”.

Kemm hi ħaġa sabiħa li din il-preżenza tkun ukoll preżenza fekonda fil-Knisja, il-preżenza ta’ nisa ferħana bl-għotja tagħhom li lejl u nhar jaqdu lill-Mulej “fis-sawm u t-talb”. Hi ukoll bdiet tfaħħar l’Alla u “titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm” (v.38). Anna hija dik li tintgħażel biex tibda titkellem dwar it-tarbija. Xmun jagħraf it-tarbija, li hija l-Messija, is-salvazzjoni, id-dawl u l-glorja, jagħti l-profezija lil ommu u lil żewġha Ġużeppi, imma hija Anna magħżula biex “titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm”. Tgħiduli: “mhux bilfors la mara?” Mhux bilfors, imma l-mara, fost dawn iż-żewġ profeti, hija magħżula biex tkun l-evanġelista li twassal l-aħbar it-tajba ma’ kull min kien qiegħed jistenna.

Il-poplu tagħna huwa għatxan għal din l-Aħbar it-Tajba. Għandu bżonn nisa li filwaqt li jgħaddu ħajjithom fit-tempju “lejl u nhar fis-sawm u fit-talb” isibu wkoll il-ħin, il-ferħ li jitkellmu fuq Ġesù ma’ min forsi qiegħed jistennih, jixxennaq għalih mingħajr ma jaf. Kemm nies għandhom kull ma jridu u qishom m’għandhom xejn. Kemm nies li jagħmlu l-esperjenzi tal-kontro-valuri tal-awtonomija, tar-rikezza u tal-pjaċiri tad-dinja, iħossu vojt kbir fil-qalb tagħhom. Forsi warrbu lil Ġesù għax jiddejqu jersqu lejh, forsi għax ħassew u jħossu li aħna se nikkundannawhom, li m’hemmx post għalihom fit-Tempju u hemm bżonn isibu min, li t-tempju jafu sew, li “fis-sawm u fit-talb” waslu f’intimità ma’ Alla li hu imħabba u jisimgħuh jitkellem fuq it-tarbija ta’ Betlehem.

Nitolbu l-interċessjoni ta’ Patri Avertan u ta’ tant erwieħ oħra kkonsagrati għall-vokazzjonijiet. Ikun futur fqir għal Malta jekk ikollha tiftaqar mill-preżenza tar-reliġjużi, tal-Istituti Sekulari u tal-Verġni kkonsagrati. Din il-kelma ta’ tjubija, din il-kelma profetika, intom tafu li għandna bżonnha, intom tafu wkoll li hemm urġenza li din ngħadduha minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Nitolbu lil Sid il-ħsad biex mhux biss jibgħat ħaddiema, imma wkoll profeti fl-għalqa tiegħu. Nitolbu llum lill-Madonna fil-misteru tal-ferħ tal-preżentazzjoni ta’ Binha fit-tempju hi li ma kellhiex l-opportunita’ li toffri l-offerta tas-sinjuri. M’offrietx ħaruf, imma offriet, għax dak l-unika offerta li jsemmi San Luqa, żewġt bċieċen. Infatti hemm ikonografija ħelwa ta’ San Ġużepp bil-gaġġa biż-żewġ bċieċen jew gamiem. Imma fl-istess ħin kienet għanja ħafna għax lit-tempju tagħti żewġ għasafar u f’idejha kienet qed tħaddan l-Ħaruf ta’ Alla. Ma kellhiex bżonn iġġib ħaruf magħha dik li kellha fi ħdanha lill-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. U dik li fl-għajnejn tad-dinja, il-mara tal-mastrudaxxa kienet fqira, kienet għanja imma għaliex kellha fi ħdanha l-ħaruf ta’ Alla, kienet ukoll imnebbħa permezz ta’ Xmun bit-tbatija li kellha tgħaddi minnha. Dan ukoll huwa allura mument ta’ dulur. Intom tafu, li fid-devozzjoni popolari dan l-episodju għandu żewġt uċuħ: misteru tal-ferħ u wieħed mid-duluri ta’ Marija Santissima, meta Xmun jgħidilha: “u inti, sejf jinfidlek ruħek” (v. 35).

Ejjew ningħaqdu magħha fil-ferħ tagħha u fid-dulur tagħha u nafdaw lill-Knisja f’Malta f’idejn ta’ San Ġużepp li ma jitkellimx, imma sema’ kollox u kellu ħarsa qalila lejn Xmun x’ħin beda jisma’ bis-sejf, imma mbagħad irrealizza li hu kellu wkoll jitgħallem li din it-tarbija mħabbra fil-ħolm lilu u li hu kellu jsemmih Ġesù, mhux kellu jkun salvazzjoni, dawl, u glorja imma wkoll ħaruf tas-sagrifiċċju, sinjal li jmeruh. Jalla aħna wkoll ikollna l-kuraġġ nilqgħu lil Ġesù fid-dawl tiegħu u fis-salib tiegħu biex hekk aħna wkoll bħal tant qaddisin qabilna, inkunu nies ġusti u twajba li “jistennew il-faraġ ta’ Israel u l-Ispirtu s-Santu ikun fuqna”.

Links about Patri Avertan Fenech:  

  1. http://www.bambinanaxxar.org/2017/01/ftu-tal-kawza-gall-beatifikazzjoni-u.html
  2. https://laikosorg.files.wordpress.com/2018/04/avvizcc87.pdf
  3. https://laikosblog.org/2017/10/14/il-beatifikazzjoni-u-l-kanonizzazzjoni-ta-patri-avertan-fenech/
  4. https://www.facebook.com/avertanfenech/
  5. http://thechurchinmalta.org/mt/posts/66234/ftuh-tal-kawza-ghall-beatifikazzjoni-u-ghall-kanonizzazzjoni-ta-patri-avertan-fenech-1871-1943-
  6. https://www.tvm.com.mt/en/news/se-tinghata-bidu-l-kawza-tal-beatifikazzjoni-tal-patri-karmelitan-avertan-fenech/
  7. https://www.tvm.com.mt/en/news/beatification-process-starts-of-patri-avertan-fenech/
  8. http://www.independent.com.mt/articles/2016-12-11/newspaper-letters/The-Carmelite-Fr-Avertan-Fenech-who-lived-a-life-of-prayer-1871-1943-6736167741
  9. https://www.carmelitepriory.org/product/p-avertan-fenech-karmelitan/
  10. https://parroccasafi.files.wordpress.com/2013/07/c48birkulari-nru-33-patri-avertan-fenech-karmelitan.pdf
  11. http://netnews.com.mt/2017/10/14/tinghalaq-l-inkjesta-djocesana-ghall-kawza-tal-beatifikazzjoni-u-l-kanonizzazzjoni-ta-patri-avertan-fenech/
  12. http://thechurchinmalta.org/mt/posts/73344/ritratti-l-gheluq-tal-process-djocesan-ghallkawza-talbeatifikazzjoni-ta-patri-avertan-fenech-

 

Nota: It-Tagħrif dwar Patri Avertan Fenech huwa meħud mis-sit tal-Parroċċa ta’ Marija Bambina tan-Naxxar.

Advertisements