5 ta’ Lulju: San Anton Marija Zaccaria

Verżjoni Vidjo: San Anton Marija Zaccaria

“Irridkom tkunu lkoll qaddisin, u qaddisin mhux żgħar.” – Hekk kien iħobb jirrepeti San Anton Marija Zaccaria lill-ulied spiritwali tiegħu.

039SAN ANTON MARIJA ZACCARIA
Saċerdot
1502-1539

Tagħrif:  San Anton twieled fi Cremona, l-Italja, fl-1502. Kien għadu ta’ ftit xhur u ommu kellha biss tmintax-il sena meta tilef lil missieru. Iżda ommu, li kienet mara qaddisa, ħadet ħsiebu sew u ma setgħetx ittellgħu aħjar.

Studja l-mediċina fl-Università ta’ Padova u fl-1524, meta kellu tnejn u għoxrin sena, laħaq tabib. Mar jaħdem f’pajjiżu, iżda ma damx ma beda jħoss li għandu jagħmel aktar ġid lir-ruħ milli lill-ġisem, għalhekk filwaqt li kompla jipprattika l-professjoni tiegħu beda jistudja biex isir saċerdot, u qaddes fl-1528, meta kellu sitta u għoxrin sena.

Wara l-ordinazzjoni tiegħu mar Milan u hemm daħal fil-konfraternità tal-Għerf Divin.

Bil-għajnuna tal-Kontessa ta’ Guastella waqqaf Komunità ta’ sorijiet bl-isem ta’ “Anġeliċi ta’ San Pawl.” Wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha kien li l-membri jieħdu ħsieb it-tfajliet u n-nisa li jkunu qabdu jew ser jaqbdu ħajja ħażina. Dan kien l-ewwel Ordni ta’ sorijiet li kien mogħti għall-appostolat dirett bla rabta tal-klawsura.

Fl-1530 waqqaf l-Ordni tal-“Kjeriċi Regulari ta’ San Pawl” li l-għan prinċipali tiegħu kien it-tiġdid tal-kult Kattoliku u tal-ħajja nisranija bil-prietki u bl-amministrazzjoni tas-Sagramenti. Billi ċ-ċentru tal-Ordni kien il-knisja ta’ San Barnaba, il-patrijiet ġew imsejħa Barnabiti.

Hu kien iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu jipprietka fil-knejjes u fit-toroq, ġeneralment fuq il-passjoni ta’ Ġesù. Kienet bil-ħila tiegħu li xterdet id-devozzjoni tal-Kwaranturi, jiġifieri adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija għal erbgħin siegħa konsekuttivi bħala tifkira ta’ kemm Ġesù dam fil-qabar mid-difna sal-qawmien tiegħu. Kien hu wkoll li daħħal fil-Knisja d-drawwa li jindaqqu l-qniepen kull nhar ta’ Ġimgħa fit-tlieta ta’ wara nofsinhar.

Meta kien qed jipprietka fil-belt ta’ Guastella ħassu ħażin, ħaduh Cremona fid-dar ta’ ommu li kienet għadha ħajja, fejn miet fl-età ta’ 37 sena, fil-5 ta’ Lulju, 1539.

Sebgħa u għoxrin sena wara mewtu sabu ’l ġismu għadu sħiħ. Ġie kkanonizzat fis-27 ta’ Mejju, 1897 mill-Papa Ljun XIII.

Ħsieb: Omm Anton-Marija Zaccaria li kienet żagħżugħa meta miet żewġha, irrifjutat li terġa’ tiżżewweġ biex tiddedika ruħha għall-edukazzjoni ta’ binha u f’opri ta’ karità.

Anton-Marija kien konxju ħafna tat-tbatijiet tan-nies ta’ żmienu, u xewqan li jfejjaqhom iżjed mill-ġrieħi tar-ruħ aktar milli minn dawk tal-ġisem, għalhekk aktar tard, wieġeb għas-sejħa li jsir saċerdot.

Minbarra ż-żewġ fundazzjonijiet, huwa waqqaf ukoll it-tielet waħda bl-isem, “I Maritati di San Paolo,” li tinvolvi lajċi miżżewġa f’impenn appostoliku kostanti.

Billi kien mixli bħala eretiku u ribell, il-qaddis kellu jmur Ruma, imma kien dikjarat meħlus minn kull akkuża.

Il-drawwa tal-40 siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat u tad-daqq tal-qniepen nhar ta’ Ġimgħa fit-3.00 p.m. b’tifkira tal-mewt ta’ Kristu, jeżistu wkoll fostna l-Maltin u l-Għawdxin.

San Anton Marija Zaccaria miet mifni bix-xogħol iebes u bil-penitenzi, waqt waħda mill-missjonijiet tiegħu fi Guastella. Minkejja li l-ordni tiegħu llum jgħodd inqas minn 500 membru, għandhom diversi missjonijiet fil-Brażil, fiċ-Ċile, fl-Arġentina, fil-Kongo u fl-Afganistan.

L-awsterità tal-ispiritwalità ta’ San Anton Marija Zaccaria u l-qawwa tal-predikazzjoni tiegħu, probabbilment kienet tqanqal reazzjoni ħażina f’ħafna nies illum. Meta anke xi psikjatri jilmentaw dwar in-nuqqas ta’ sens tad-dnub, jista’ jkun il-waqt li ngħidu lilna nfusna li mhux kull ħażen huwa spjegat minn diżordni emozzjonali, subkonxji u passjonijiet tas-sensi, influwenza tal-ġenituri, eċċ. Il-prietki dwar il-mewt u l-infern fi żminijietna donnhom jidhru antikwati. Minflok dawn, illum tajna lok għal omeliji pożittivi, inkoraġġanti u Bibliċi. Huwa veru li neħtieġu l-assigurazzjoni tal-maħfra, inqas ansjetà, u ġejjieni mimli tama. Imma għadna bżonn profeti biex iqajmuna mir-raqda li ninsabu fiha u jgħidulna li: “Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina” (1 Ġwanni 1: 8).

  • U int, kemm int konxju tal-mewt, ġudizzju, infern u ġenna hekk li qed tgħix b’dawn f’moħħok?
  • X’qed tikkontribwixxi ta’ ġid għall-proxxmu tiegħek?
  • Probabbilment ma tistax twaqqaf kongregazzjonijiet, imma qiegħed bħal San Anton Marija Zaccaria tnissel ferħ, hena, paċi, faraġ, bi kliemek, bl-imġiba tiegħek, bl-eżempju tiegħek u bil-mod kif iġġib ruħek ma’ ħaddieħor?
  • Tagħmel użu mill-bosta adorazzjonijiet Ewkaristiċi li jiġu organizzati fil-knejjes tagħna jew mill-kappelel tal-adorazzjoni li għandna miftuħa għal ħin twil kważi f’kull belt jew raħal?

Talba: Agħtina, Mulej, li nimxu fuq l-għerf ta’ Kristu, li jisboq kull għerf ieħor, u nitgħallmuh skont l-ispirtu ta’ l-appostlu San Pawl, kif tgħallmu Sant’Anton Marija Zaccaria, biex seħħlu jxandar bla heda l-bxara tas-salvazzjoni lill-Knisja tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-anthony-mary-zaccaria-529

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-anthony-zaccaria/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anthony_Maria_Zaccaria

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

8 ta’ Ġunju: Beata Marija Droste zu Vischering

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Droste zu Vischering

“Kemm hu invenzjoni ta’ mħabba s-Santissmu Sagrament, li taħt il-figura tal-ħobż jressaqna lejh biex inħobbuh u nsibu lil dak li jixtieq jiltaqa’ magħna.” – San Alfons de Liguori.

Blessed_Maria_Droste_zu_Vischering00011BEATA MARIA DROSTE ZU VICHERING
Reliġjuża
1863 – 1899

Tagħrif: Twieldet fit-8 ta’ Settembru 1863, f’Munster, fil-Ġermanja, minn ġenituri nobbli. Kienet tewmija ma’ ħuha Max.

Ommha nisslet fiha mħabba kbira lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Ta’ 12-il sena għamlet l-ewwel tqarbina u l-griżma tal-isqof u ħasset ix-xewqa li ssir reliġjuża.

Daħlet mas-sorijiet tal-Bon Pastur f’Munster fl-1888, meta kellha 25 sena u tawha l-isem ta’ Swor Marija tal-Qalb Divina.

Sa minn meta kienet għadha novizza ħasset lil Ġesù jsejħilha biex tkun qrib il-qalb tiegħu u tgħallmet kif tħaddan it-tbatija. Kienet devota kbira tal-Ewkaristija u sikwit kienet tħoss messaġġi mistiċi.

Fl-1864, Intbagħtet Lisbona u ftit wara saret is-superjura fil-kunvent ta’ Oporto fil-Portugall. Sentejn biss wara mardet ħafna u b’hekk setgħet tirċievi lil Ġesù Ewkaristija kuljum bħala vjatku. Dak iż-żmien ma kienx permess tqarbin ta’ spiss, imma f’waħda mill-intimitajiet tagħha ma’ Ġesù, hu wrieha kemm kellu xewqa kbira li jingħaqad aktar mal-erwieħ permezz tal-Ewkaristija, u xtaqha li tagħmel minn kollox biex dan iseħħ.

Ġesù rrevelalha wkoll ix-xewqa li tibda d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa billi l-erwieħ joffrulu post f’qalbhom u jikkonsagraw ruħhom lejn il-Qalb Imqaddsa.

Fl-1897, rċeviet l-ordni mingħand Ġesù biex tgħid lill-Papa jikkonsagra l-umanità kollha lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, iżda kien biss fl-1898, li hija ngħatat il-permess li tikteb Ruma lill-Papa Ljun XIII. Hija qatt ma rċeviet tweġiba għall-ittra tagħha, u għalhekk sena wara reġgħet bagħtet ittra oħra. Did-darba t-talba ntlaqgħet u l-Papa aċċetta li jikkonsagra d-dinja lill-Qalb ta’ Ġesù fil-11 ta’ Ġunju tal-istess sena.

Imma Swor Marija Droste qalbet għall-agħar u mietet waqt li kienet qed tipprepara għall-festa solenni tal-Qalb ta’ Ġesù. Hija mietet fit-8 ta’ Ġunju, 1899, u ġiet ibbeatifikata mill-Papa Pawlu VI fl-1 ta’ Novembru, 1975.

ĦsiebAħna f’hiex aħna fid-devozzjoni tagħna lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù li jixtieqna nersqu lejh permezz tal-Ewkaristija?

San Piju X, il-Papa tal-Ewkaristija jgħidilna li “l-Ewkaristija hija l-aktar ħaġa nobbli u għolja għaliex għandha bħala oġġett lil Alla nnifsu, esseri l-aktar nobbli u għoli; hija l-aktar ħaġa li lilna tqawwina għaliex tagħtina l-Awtur tal-grazzja; u l-aktar ħelwa għaliex ħelu hu l-Mulej tagħna.”

Id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija, flimkien mad-devozzjoni lejn il-Madonna, hija devozzjoni tas-sema, għaliex hija d-devozzjoni li għandhom l-Anġli u l-Qaddisin tas-sema. Tgħidilna Santa Ġemma Galgani: “Ġib quddiem għajnejk skola ġewwa l-Ġenna. Titgħallem tħobb biss. L-iskola hija ċ-ċenaklu, l-imgħallem hu Ġesu’, id-duttrina tiegħu hija Ġismu u Demmu.”

L-Ewkaristija hi Ġesù, Imħabba tagħna. Għalhekk l-Ewkaristija hija Sagrament tal-Imħabba u tal-Imħabba fil-milja tagħha: fiha jinsab Ġesu’ ħaj u veru li hu “Alla Imħabba,” dak Alla “li ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja ħabbhom sal-aħħar.” (Ġwanni 13:1) “Dak li ma jħobbx ma jagħrafx lil Alla, għax Alla hu Imħabba.” (1Ġwanni 4:7)

L-Ewkaristija tirrapreżenta l-aktar espressjonijiet profondi u għolja ta’ mħabba: l-imħabba misluba, l-imħabba li tgħaqqad, l-imħabba li tagħti qima, l-imħabba li titlob. Ġesù Ewkaristija hu Imħabba misluba fis-sagrifiċċju tal-Quddiesa fejn tiġġedded l-offerta tiegħu għalina; hu Mħabba li ġġib l-għaqda sagramentali u spiritwali fejn insiru ħaġa waħda meta nirċevuh fl-Ewkaristija, huwa l-Imħabba li noffru bħala qima għaliex huwa offerta ta’ adorazzjoni lil Alla il-Missier, huwa l-Imħabba li titlob għaliex permezz tiegħu u bih u fih aħna ngħaqqdu it-talb tagħna u npoġġuh f’idejn Alla biex jismagħna.

“Li Ġesù jiġi joqgħod fir-ruħ tagħna, jfisser li aħna tiegħu; hekk hu saltna perfetta ta’ mħabba,” jikteb San Pietru Giuliano Eymard. Permezz tal-Ewkaristija, f’kull min għandu qalb safja jseħħ dan “ir-renju perfett ta’ imħabba” li jressaqna lejn it-Tabernakli Mqaddsa u jgħaqqadna ma’ Ġesu’ Ostja b’umiltà u mħabba. Ġesù fl-Ewkaristija, jagħti lilu nnifsu għalina bħala sagrifiċċju bl-umiltà u mħabba infinti.

San Franġisk meta jitkellem fuq l-Ewkaristija jgħid li hija ħaġa li tgħaġġbek meta tilmaħ l-Iben t’Alla u Alla nnifsu, is-Sinjur tal-Univers, jumilja ruħu u jinħeba taħt ix-xbieha ta’ ħobż għall-għejxien u l-faraġ ta’ ruħna. “Araw ħuti kemm Alla umilja ruħu….Għalhekk ersqu biex tilqgħu lil Dak li jaf kollox fuqkom.”

San Alfons de Liguori jkompli jżid: “Kemm hu invenzjoni ta’ imħabba is-Santissmu Sagrament, li taħt il-figura tal-ħobż jressaqna lejh biex inħobbuh u nsibu lil dak li jixtieq jiltaqa’ magħna.”

Ġesù Ewkaristija huwa t-triq sigura li tmexxina lejn il-Missier, flimkien ma’ Marija l-Omm Divina tiegħu u s-saċerdot li kuljum jagħtihulna fis-sagrifiċċju tal-Quddiesa.

  • U int, kemm qed tirċievi lil Ġesù ta’ spiss b’ruħ safja fl-Ewkaristija ħalli din tkun għalik is-sors li minnha jkollok il-qawwa li tgħix ħajja tajba u qaddisa?

Talba: O Mulej, dejjem preżenti magħna fl-Ewkaristija, Inti ridt lill-Beata Marija Droste zu Vischering twassal il-messaġġ tiegħek li tixtieq li l-bnedmin ikunu jistgħu jirċevuk aktar ta’ spiss u li jagħrfu jsibu f’Qalbek dik l-imħabba tħeġġeġ li trid issalvana, agħmel li aħna nitħeġġu biex niġu niltaqgħu miegħeK ta’ spiss u nirċevuK bil-qima. Ammen.

English Version: http://www.mysticsofthechurch.com/2015/11/blessed-maria-droste-her-remarkable.html

Alternative Reading: http://www.traditionalcatholicpriest.com/2014/08/13/blessed-mary-of-the-divine-heart-and-the-consecration-of-the-world-to-the-sacred-heart/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mary_of_the_Divine_Heart

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa meħud mis-sit jesusandmary.

17 ta’ Mejju: San Baskal Baylon

Verżjoni Vidjo: San Baskal Baylon

“Alla żar il-poplu tiegħu.” – Luqa 7:16

st-paschal-baylon-2

SAN BASKAL BAYLON
Reliġjuż
1540 – 1592

Tagħrif: Twieled Torri-Hermosa fir-reġjun ta’ Aragona, fil-festa ta’ Pentekoste li kienu jsejħulha l-Paskwa tal-Ispirtu s-Santu (minn fejn ħa l-isem ta’ Paskwal). Il-ġenituri tiegħu kienu bdiewa u ma setgħux iħallsu skejjel, iżda billi kienu nies tajba ferm setgħu jagħtuh xi ħaġa wisq aktar prezzjuża u rari: edukazzjoni nisranija tabilħaqq.

Sa minn ċkunitu wera sinjali ta’ dik id-devozzjoni hekk singulari lejn l-Ewkaristija, li hi l-karatteristika tiegħu u li għaliha ġie maħtur minn Ljun XIII bħala l-patrun tal-Kongressi u tal-Għaqdiet Ewkaristiċi.

Minn 7 snin sakemm kellu 24 sena għadda ħajja ta’ ragħaj. Kien jieħu miegħu xi ktieb biex jitgħallem jaqra bil-għajnuna tal-oħrajn, u meta tgħallem, kien dejjem iġorr miegħu xi ktieb tal-ħajja tal-qaddisin jew tal-meditazzjoni fuq il-ħajja u l-passjoni ta’ Ġesù. Għamel tant progress fil-perfezzjoni, li kien ta’ eżempju għal sħabu, li kienu jistgħaġbu mhux ftit bil-kliem u l-pariri tiegħu.

Ta’ 24 sena, ħass is-sejħa ta’ ħajja aktar miġbura ma’ Alla u biex jagħraf sewwa din is-sejħa żied u rdoppja t-talb, is-sawm u l-penitenzi. Semmewlu li bosta kunventi qegħdin tajjeb, iżda hu weġibhom: “jiena twelidt fqir, u fqir irrid ngħix u mmut.” Mar fir-reġjun ta’ Valenzja, u daħal mal-Franġiskani Riformati ta’ Alkantara, (1564). Riduh jistudja għal saċerdot, iżda għażel li jibqa’ ajk.

Baskal kien dejjem ifittex bil-moħbi kemm jista’ jkun xi mortifikazzjoni żejda, għad li l-ħajja kienet ġa iebsa. Mal-fqar wera dejjem imħabba u ġentilezza. Aktar mal-uffiċċju tiegħu kien baxx, umli u fatikuż, aktar kien għal qalbu.

Skont l-ispirtu tar-regola kienu ta’ sikwit ibiddlu l-kunvent biex ma jibqgħux miġbudin ma’ wieħed: f’dan hu qatt ma wera la pjaċir u lanqas dispjaċir, billi kollha kienu xorta waħda għalih il-post fejn Alla riedu jaqdih. Meta ġie mibgħut f’kunvent Pariġi, bosta mill-ibliet ta’ Franza kienu f’idejn l-Ugonotti (Kalvinisti) u kien hemm taqbid bejn il-kattoliċi u l-protestanti. Bla biża’ għal ħajtu, il-qaddis aċċetta b’ubbidjenza. Bosta drabi ġie milqugħ bl-għajjat u l-ġebel. Darba kellu jiddefendi fil-beraħ id-domma tal-preżenza rjali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija, kontra ministru Kalvanist, u ġarrab ferita fuq spalltu u biha baqa’ magħtub għal ħajtu.

Fl-aħħar snin ta’ ħajtu kien jgħaddi l-biċċa l-kbira tal-lejl għarkupptejh quddiem l-altar. Nies ta’ kull aspett tal-ħajja kienu jfittxu l-pariri tiegħu u kien meqjum min-nies eminenti.

Miet Villa Reale, nhar l-Għid il-Ħamsin ħdejn Valenzja, fil-15 ta’ Mejju, 1592 ta’ 52 sena. Ġismu dam espost fil-knisja għal tlitt ijiem minħabba l-folol kbar li riedu jarawh u l-għeġubijiet li bihom Alla ried jixhed il-qdusija tal-qaddej tiegħu. San Baskal ġie bbeatifikat minn Papa Pawlu V fl-1618, il-Papa Alessandru VIII ikkanonizzah fl-1690 u l-Papa Leone XIII, ħatru patrun tal-Għaqdiet Konfraterniti u Kungressi Ewkaristiċi, fl-1897.

Huwa wkoll protettur speċjali tar-rgħajja. Hu meqjum speċjalment f’artu fl-Italja t’Isfel, fl-Amerika Ċentrali u t’Isfel. Hu rrappreżentat għarkupptejh quddiem viżjoni tal-Ostja Mqaddsa.

Ħsieb: Dan il-qaddis, l-iktar li baqa’ msemmi u magħruf huwa minħabba d-devozzjoni singulari li kellu lejn l-Ewkaristija. Imqar meta kien għadu jirgħa n-nagħaġ, minn ġol-għelieqi stess, kien iħares mill-bogħod lejn il-kampnar tal-knisja tar-raħal, u jitkellem ma’ Ġesù Sagramentat. Ma kienx jaf ħafna skola, imma kellu l-għerf tas-sema – ix-xjenza infuża – u kien imfittex għall-pariri mqar mill-għorrief.

Talb quddiem Ġesù  Sagramentat kien jokkupa ħafna mill-enerġija ta’ San Baskal Baylon. Ħafna mill-ittri tiegħu kitibhom biex jippromwovi devozzjoni lejn l-Ewkaristija. San Baskal kien jaqsam ħsibijietu dwar dan. Siegħa fit-talb quddiem il-Mulej tagħna fl-Ewkaristija tista’ tgħallimna ħafna lilna lkoll. Xi kattoliċi qaddisa u impenjati tal-lum isibu li x-xogħol tagħhom jagħmluh aħjar meta fil-ġurnata tagħhom isibu dawk il-mumenti biex iqattgħuhom fit-talb u l-meditazzjoni ħdejn Ġesù. Fil-gżejjer tagħna għandna l-barka u l-grazzja li lil Ġesù Ewkaristija insibuh ma’ kull erba’ passi. Knisja ‘l hemm u kappella ‘l hawn. U xi ngħidu għal ħafna kappelel tal-adorazzjoni li dawn l-aħħar għoxrin sena nfetħu tista’ tgħid kważi f’kull parroċċa, b’ħinijiet twal ta’ ftuħ biex jakkomodaw il-ħin għal kulħadd?

Imma kemm-il darba tmur fihom u ma ssib lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu … jistenna kwiet u iddispjaċut? Possibli minn 24 siegħa li l-Mulej silifna f’ġurnata, ma nagħmlux imqar 5 minuti biex imorru f’riġlejH?

Xtaqt naqsam magħkom xi ħsibijiet dwar Ġesu’ Ewkaristija mill-Fundatur tal-Fergħa Ewkaristika tal-Marsa, is-Superjur George Grima (1941 – 1999):

Kemm hu ħelu Ġesù jinsab f’dik l-Ostja ċkejkna. Nixtieq nipperswadikom li temmnu li jinsab f’kull ostja Ġesù. Hemm bżonn nemmnu bis-serjeta’. Hija grazzja għalina midinbin li nistgħu nirċievu ‘l Ġesù. (05/05/98)

Ersqu rċievu ‘l Ġesù Ewkaristija mhux bid-dnub il-mejjet, imbagħad tgħidu “Inqerru wara”. Għax din dieħla sewwa Malta. Dan ħażin. (02/05/98)

Għeżież ħuti, ħobbu u fittxu ‘l Ġesù Ewkaristija. Kienet x’kienet il-ħajja tagħkom, għaddejtu minn x’hiex għaddejtu. Ejjew u adurawh. Għeżież ħuti, fittxuh anke kemm toqgħodu bilqegħda quddiemu. Tibżgħu xejn ma jimpurtax. (04/07/98)

Tħallux id-dimonju jifxilkom fuq affarijiet oħra, jistgħu jkunu tajbin ukoll. Imma fejn toqgħod l-adorazzjoni u Ġesù Ewkaristija tħallu xejn, għax propju d-dinja bħalissa trid twarrab dan il-misteru kbir, kif qed jippruvaw iwarrbu lill-Madonna. (05/12/98)

Ġesù qiegħed wara separju, mhux daqshekk ‘il bogħod minna. Qiegħed wara dik il-bieba tat-tabernaklu, eżatt kif jinsab fil-Ġenna, fis-sbuħija tiegħu. Għidulu lil Ġesù, meta tkunu quddiemu fil-mard, fid-dwejjaq tagħkom, “jekk trid inti, inti taf x’inhu tajjeb għalina, tista’ tfejjaqni minn dat-tentazzjonijiet, minn dan l-inkwiet li għandi madwari. Tista’ jekk trid, imma inti taf; f’idejk.” (03/11/98)

“Ħabib”, jgħidlek Ġesù, “l-istedina tiegħi għalik tibqa’ dejjem miftuħa … Jien nibqa’ dejjem hemm … nistenniek … tinsinix!”

Għal tagħrif dwar il-Kappelli tal-Adorazzjoni agħfas hawn.

Talba: Ruħ ta’ Kristu qaddisni
Ġisem ta’ Kristu, salvani.
Demm ta’ Kristu, isqini.
Ilma tal-kustat ta’ Kristu, aħsilni.
Passjoni ta’ Kristu, sabbarni.
O Ġesù ħanin, ismagħni.
Fil-pjagi tiegħek, aħbini.
Tħallini qatt ninfired minnek.
Mill-għadu ħażin ħarisni.
Fis-siegħa ta’ mewti sejjaħli.
Ġewwa ħdanek ilqagħni,
biex mal-anġli u l-qaddisin tiegħek
inħaħħrek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-paschal-baylon.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-paschal-baylon/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Paschal_Baylon

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

6 ta’ April: Santa Ġiljana minn Cornillon

Verżjoni Vidjo: Santa Ġiljana minn Cornillon

“Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwlu lid-dixxipli u qal: “Ħudu, kulu, dan hu ġismi.” Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, newwlilhom il-kalċi u qal: “Ixorbu lkoll minnu, għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet.” ~ Ġesù f’Mattew 26:26-28

The Vision of Saint Juliana of Mont CornillonSANTA ĠILJANA MINN CORNILLON
Verġni
1193 – 1258

Tagħrif: Santa Ġiljana minn Cornillon, verġni, twieldet Retinne, ħdejn Liege (il-Belġju), u wara li ta’ ħames snin tilfet ’l ommha u ’l missierha poġġewha fil-kunvent ta’ Mont-Cornillon, ħdejn Liege. Hawn mhux biss għamlet progressi kbar fil-qdusija, iżda wkoll qrat bil-pjaċir l-opri ta’ Santu Wistin u ta’ San Bernard.

Uriet sa minn ċkunitha mħabba kbira lejn il-Madonna, lejn il-passjoni, u fuq kollox lejn is-Sagramenti tal-Altar. Fl-1206, libset il-velu ta’ soru u pprofessat r-regola ta’ Santu Wistin, li kienet miżmuma f’dak il-kunvent.

Tawha f’idejha l-morda tal-isptar li kien immexxi mis-sorijiet. Kienet tiġbed fuqha l-qima ta’ kulħadd bl-umiltà, bil-karità, bl-ubbidjenza u bil-penitenza tagħha, hekk li fl-1230, is-sorijiet kollha tal-kunvent ħatruha bħala superjura tagħhom.

Għamlet li setgħet biex iddaħħal il-festa ta’ Corpus. Meta kienet tersaq titqarben kienet tħoss devozzjoni kbira u tirċievi ħafna grazzji. Ta’ sikwit kienet tmur tagħmel żjara lil Ġesù Sagramentat, tinxteħet għarkopptejha; u bl-eżempju tiġbed lill-oħrajn. Għalhekk Alla għażilha bħala strument umli tiegħu biex ixxandar id-devozzjoni lejn is-Sagrament, u biex tiġi magħżula ġurnata għas-solennità ta’ Corpus.

Robert, isqof ta’ Liege, bit-talb u l-parir ta’ Santa Ġiljana, daħħal din il-festa fid-djoċesi tiegħu, u mbagħad il-Papa Urbanu IV kabbar u xerred din is-solennità mad-dinja kollha. Wara l-mewt tal-Isqof Robert, Ġiljana kellha ssofri bosta persekuzzjonijiet. Ċertu Roger irnexxielu jxewwex lill-poplu kontriha u keċċiha mill-kunvent flimkien mas-sorijiet (1247). Flimkien mal-komunità, il-qaddisa sabet kenn wara bosta sofferenzi, l-ewwel Namur u mbagħad fil-Belt ta’ Fosse, fejn għaddiet l-aħħar snin ta’ ħajjitha fil-ġabra u fit-talb.

Wara li rċeviet bid-devozzjoni kollha l-aħħar sagramenti mietet fiċ-ċella tagħha, għajnejha fissi fuq l-Ostja Mqaddsa (fil-5 ta’ April, 1258). Difnuha, kif talbet, fil-monasteru taċ-Ċisterċensi tal-Belt ta’ Villiers. Qabarha sar post ta’ pellegrinaġġi għal għadd kbir ta’ mirakli li saru bl-interċessjoni tagħha. Il-Qdusija Tiegħu, il-Papa Piju IX, approva l-uffizzju u l-quddiesa tagħha (1869).

Ħsieb: Santa Ġiljana minn Cornillon qatt ma waqfet tittama fl-għajnuna ta’ Alla fost l-iktar persekuzzjonijiet krudili. Ejjew nitgħallmu mill-paċenzja tagħha u mill-mod kif hija pprattikat il-virtù qawwija tat-tama, u fil-fatt li straħet fuq l-għajnuna divina b’aċċettazjoni ta’ dak kollu li għoġob lir-rieda tiegħU.

Imma Ġiljana baqgħet magħrufa wkoll għal kemm irsistiet biex iddaħħal il-festa ta’ Corpus (Il-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu). Dan jixhed id-devozzjoni kbira li kellha lejn Ġesù fl-Ewkaristija. Kien għalhekk li l-Mulej inqeda biha biex ixxandar din id-devozzjoni, u biex tiġi magħżula ġurnata għas-solennità ta’ Corpus.

Fis-Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu (3 ta’ Ġunju, 2018), il-Papa Franġisku tenna dan il-kliem:

“L-Ewkaristija hi l-qalb li tħabbat tal-Knisja, tnissilha u terġa’ tnissilha mill-ġdid, ixxerikha u tqawwiha. Imma l-Ewkaristija tħejjilna wkoll post hemm fuq, fl-eternità, għax hi l-Ħobż tas-Sema. Tiġi minn hemm, hi l-unika materja fuq din l-art li għandha tassew togħma ta’ eternità. Hi l-ħobż tal-futur, li diġà minn issa ddewwaqna ġejjieni bil-wisq ikbar minn kull ħaġa aqwa li nistgħu nistennew. Hi l-ħobż li jaqta’ l-ġuħ tal-ikbar xenqat tagħna u jitma’ l-isbaħ ħolmiet tagħna. F’kelma waħda, hi r-rahan tal-ħajja ta’ dejjem: mhux biss wegħda, imma rahan, jiġifieri garanzija minn qabel, tantiċipa konkretement dak li se jiġi mogħti lilna. L-Ewkaristija hi l-“prenotazzjoni” tal-Ġenna; hu Ġesù, ikel li jrejjaqna fil-mixja tagħna lejn dik il-ħajja hienja li ma tintemm qatt.

Fl-Ostja kkonsagrata, barra mill-post, Ġesù jħejjilna l-ikel, li jrejjaqna. Fil-ħajja għandna bżonn kontinwament li nitrejqu, u mhux biss bl-ikel, imma wkoll bi proġetti u mħabbiet, b’xewqat u tamiet. Aħna mġewħin biex niġu maħbuba. Imma l-aqwa kumplimenti, l-isbaħ rigali u l-aktar teknoloġiji avvanzati mhumiex biżżejjed, qatt mhuma se jaqtgħulna l-ġuħ għal kollox. L-Ewkaristija hi ikel sempliċi, bħall-ħobż, imma hi l-uniku wieħed li jaqta’ l-ġuħ, għax m’hemmx imħabba ikbar minn din. Hemm niltaqgħu ma’ Ġesù tassew, naqsmu fil-ħajja tiegħu, inħossu l-imħabba tiegħu; hemm tista’ tħoss kif il-mewt u l-qawmien tiegħu huma għalik.

U meta tadura lil Ġesù fl-Ewkaristija, tirċievi mingħandu l-Ispirtu s-Santu u ssib paċi u ferħ. Għeżież ħuti, ejjew nagħżlu dan il-ħobż tal-ħajja: inqiegħdu fl-ewwel post il-Quddiesa, niskopru mill-ġdid l-adorazzjoni fil-komunitajiet tagħna! Nitolbu l-grazzja li nkunu mġewħin għal Alla, li qatt ma jinqatgħalna għal kollox dak il-ġuħ biex nirċievu dak li hu jħejji għalina. Hu jixtieq jgħammar f’nofsna. Irid iżur is-sitwazzjonijiet, jidħol fid-djar, joffri l-ħniena tiegħu li teħles, ibierek, ifarraġ. Ġarrabtu sitwazzjonijiet ta’ tbatija; il-Mulej irid ikun qrib tagħkom.” 

  • U f’ħajtek, x’post għandu Ġesù Ewkaristija?
  • Kemm tmur iżżuru u toqgħod titkellem miegħU , taduraH u tirringrazzjaH?
  • TirċeviH ta’ spiss b’qalb u ruħ safja u mħejjija sew u kif jixraq lil Alla qaddis li jinżel mis-Sema għalik, biex jiġi fik u jgħix miegħek?
  • Inħeġġek tara dan il-vidjo: https://www.youtube.com/watch?v=vZOgWK6Z4DE

Talba: Ejja żurna, Mulej. Aħna nilqgħuk fil-qlub tagħna, fil-familji tagħna, fl-ibliet tagħna. Grazzi li tħejjilna l-ikel tal-ħajja u post fis-Saltna tiegħek. Agħmel li aħna nkunu attivi aħna u nħejjulek, inwasslu bil-ferħ lilek li int il-ħajja, biex inxerrdu l-fraternità, il-ġustizzja u l-paċi fit-toroq tagħna. Ammen. (Talba tal-Papa Franġisku f’Corpus 2018)

English Version: https://sanctoral.com/en/saints/saint_juliana_of_mont_cornillon.html

Alternative Reading: http://w2.vatican.va/content/benedict-xvi/en/audiences/2010/documents/hf_ben-xvi_aud_20101117.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Juliana_of_Li%C3%A8ge

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Frar: Beata Marija Caritas Brader

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Caritas Brader

“Aktar ma tkunu infurmati, aktar tistgħu tagħmlu ġid għar-reliġjon qaddisa tagħna u l-glorja t’Alla”. ~ Beata Marija Caritas Brader

mariacaridadMADRE MARIJA CARITAS BRADER
Fundatriċi
1860 – 1943

Tagħrif: Maria Josefa Carolina Brader twieldet f’Kaltbrunn fl-Isvizzera fl-14 ta’ Awwissu 1860. Missierha kien Joseph Sebastian Brader u ommha, Marija Anna Carolina Zahner. Maria Josefa Carolina kienet l-unika tifla li kellhom.

Maria Josefa kienet intelliġenti ħafna u fl-1880 ddeċidiet li minflok ma tmur l-Università tidħol mal-Franġiskani – u ħadet l-isem: Marija-Caritas (Karità). Fl-1882 għamlet l-aħħar voti mas-sorijiet tal-klawsura.

Fl-ewwel snin, b’permess speċjali, għallmet fl-iskola fejn kienet tmur bħala tifla u wara ftit laħqet kap ta’ din l-iskola. Wara ftit il-Papa ta l-fakultà li l-Ordnijiet tas-Sorijiet Klawstrali jistgħu joħorġu jgħallmu.

Ġara li ħafna isqfijiet fil-pajjiżi tal-Missjoni talbuhom biex jiftħu l-iskejjel. L-Isqof Pedro Schumacher tal-Ekwador talab lis-superjura Maria Hilf biex tibgħat xi sorijiet. Is-superjura stess, Madre Marija Bernarda Butler li ġiet ibbeatifikata fid-29 ta’ Ottubru 1995, flimkien ma’ ħames sorijiet fosthom Suor Marija Caritas, marru l-Ekwador.

Għal 5 snin Swor Marija Caritas kienet għalliema u katekista fil-belt ta’ Chone. Fl-1893 marret tagħmel appostolat fil-belt ta’ Tuquerres fil-Kolombja.

Bl-għajnuna ta’ saċerdot Ġermaniż, Father Reinaldo Herbrana, waqqfet kongregazzjoni, tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Marija Immakulata, li tagħha saret l-ewwel superjura. L-ewwel sitt sorijiet kienu mill-Isvizzera u wara bdew ġejjin tfajliet Kolombjani.

Kienet l-ewwel Superjura Ġenerali tal-Kongregazzjoni l-ġdida mill-1893 sal-1919 u wara mill-1928 sal-1940 reġgħet saret Superjura Ġenerali u matul dawn is-snin għamlet il-voti tad-djar fl-Amerika. Ta’ 80 sena talbet li ma tibqax Superjura.

Fis-27 ta’ Frar 1943 mietet fil-Belt ta’ Pasto fil-Kolombja. Fis-sena 2003, il-Papa Ġwanni Pawlu ll ibbeatifikaha.

Ħsieb: Meta Swor Marija Caritas, fl-1893 marret fil-belt ta’ Tuquerres fil-Kolombja. Iż-żona tal-appostolat kienet tinkludi t-territorju ta’ xatt il-baħar, il-muntanji għoljin tal-Andes u l-pjanura tal-għoljiet ta’ madwar l-Andes. In-nies kienu fqar immens u l-kundizzjonijiet tal-ħajja kienu perikolużi ħafna. Swor Marija Caritas kellha mħabba kbira għal dawn in-nies u għamlet minn kollox biex ittaffilhom il-problemi tagħhom.

Lis-sorijiet tagħha kienet tinkuraġġihom u tgħinhom biex jakkwistaw diplomi akkademiċi u kienet tgħidilhom:

“Aktar ma tkunu infurmati, aktar tistgħu tagħmlu ġid għar-reliġjon qaddisa tagħna u l-glorja t’Alla.”

Fuq kollox kienet tħabbrek biex jgħixu l-Ispirtu Franġiskan, u jgħożżu l-faqar biex ikunu jistgħu jgħinu lill-fqar u jkunu ta’ eżempju għalihom.

L-imħabba kbira tagħha lejn Ġesù fl-Ewkaristija wasslitha biex titlob u tikseb permess għall-Adorazzjoni Perpetwa tas-Sagrament Divin fil-kunvent. Hija ħalliet dan l-aktar teżor prezzjuż u qaddis fil-Kongregazzjoni tagħha flimkien ma’ rispett kbir lejn is-saċerdoti.

  • U int, tfittex li tmur ħdejn Ġesu Ewkaristija għal xi ħin ta’ Adorazzjoni?
  • Taf b’xi kappella tal-Adorazzjoni qrib ta’ fejn toqgħod int li forsi tkun miftuħa għal xi ħin tul il-jum?

(ara lista ta’ Kappellel tal-Adorazzjoni u sib dik l-aktar qrib tiegħek)

Talba: O Alla, li qaddist lil Swor Marija Caritas permezz tal-imħabba kbira li tajtha lejn il-persuni taħt il-kura tagħha, hekk li kienet tagħmel ħilitha kollha biex ittaffilhom il-problemi, agħtina l-kuraġġ biex nimxu fuq il-passi tagħha ta’ virtu’ u nkunu aħna wkoll ta’ għajnuna għal dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ bżonn. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-maria-caridad-brader-160

Alternative Reading: http://www.jeanmheimann.com/2017/02/blessed-maria-caridad-brader-foundress/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Josefa_Karolina_Brader

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Frar: Beata Adeodata Pisani

Verżjoni Vidjo: Beata Adeodata Pisani

Mulej, kull min jitbiegħed minnek jintilef. Jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla; f’Sidi l-Mulej qegħedt il-kenn tiegħi. Min jingħaqad mal-Mulej huwa spirtu wieħed miegħu”. ~ Salm 72(73):27a. 28a; 1 Korintin 6:17 

25-Beata Maria Adeodata Pisani-25BEATA ADEODATA PISANI
Verġni u Reliġjuża
1806 – 1855

Tagħrif: Twieldet Napli fid-29 ta’ Diċembru 1806 u ngħatat l-isem ta’ Marija Tereża. Missierha kien mogħti għax-xorb u l-ġenituri tagħha kellhom jinfirdu meta l-beata kienet tarbija, u hi trabbiet minn omm missierha, iżda din mietet meta l-beata kellha għaxar snin. Hi ntbagħtet f’kulleġġ tal-bniet f’Napli sakemm għalqet 17-il sena.

Sentejn wara, ġiet Malta għal kollox flimkien ma’ ommha u marru joqogħdu r-Rabat. Ommha kemm-il darba ppruvat issibilha għarus biex tiżżewweġ, iżda Marija Tereża qatt ma riedet. Ma’ missierha ltaqgħet bosta drabi u dejjem ġabitlu rispett. Ħafna kienu jammiraw il-ħajja eżemplari tagħha u ċerta qdusija diġà kienet bdiet tidher fiha.

Marija Tereża kienet issib l-għaxqa tagħha titlob fil-knisja ta’ San Mark, li l-Agostinjani għandhom fir-Rabat. Kien proprju f’dil-knisja quddiem ix-xbieha tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, li ħasset is-sejħa li tidħol soru. Marija Tereża daħlet fil-monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-1828 meta kellha 22 sena. Hawn ingħatat l-isem ta’ Marija Adeodata u fit-8 ta’ Marzu 1830 hi għamlet il-professjoni reliġjuża solenni.

Fl-1851 intgħażlet bħala Badessa u fi żmienha mexxiet riforma fil-ħajja komunitarja b’ħarsien aktar bir-reqqa tar-regola. Dak li setgħet tiddisponi minnu qassmitu lill-foqra li kienu jħabbtu l-bieb tal-monasteru. Il-beata baqgħet imsemmija għall-ispirtu ta’ talb u sagrifiċċju. Mietet fil-25 ta’ Frar 1855 fil-għomor ta’ 49 sena.

Hija ġiet ibbeatifikata nhar id-9 ta’ Mejju, 2001 mill-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II, flimkien ma’ Dun Ġorġ Preca u l-Kjeriku Nazju Falzon.

Ħsieb: Swor Marija Adeodata Pisani għaddiet il-biċċa l-kbira ta’ ħajjitha bħala xbieha mill-aqwa ta’ konsagrazzjoni reliġjuża Benedittina fil-Monasteru ta’ San Pietru. It-talb, l-ubbidjenza, is-servizz lejn ħutha s-sorijiet u l-maturita’ fil-qadi tad-dmirijiet tagħha: dawn kienu jiffurmaw il-ħajja qaddisa u fis-skiet ta’ Marija Adeodata. Moħbija fil-qalba tal-Knisja, qagħdet f’riġlejn il-Mulej tisma’ t-tagħlim tiegħu (ara Luqa 10:39), filwaqt li daqet dak li jibqa’ għal dejjem (ara Kolossin 3:2). Bit-talb, bix-xogħol u bl-imħabba, saret nixxiegħa ta’ dak il-frott spiritwali u missjunarju li mingħajru l-Knisja ma tistax tippriedka l-Evanġelju ta’ Kristu, għax il-missjoni u l-kontemplazzjoni ma jgħaddux mingħajr xulxin.

Il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II jgħid hekk dwarha:

“L-eżempju qaddis ta’ Swor Adeodata żgur għen biex iġib ‘il quddiem it-tiġdid tal-ħajja reliġjuża tal-Monasteru tagħha. Nixtieq nirrikmanda għall-interċessjoni tagħha intenzjoni speċjali tiegħi. Dan l-aħħar sar ħafna biex il-ħajja reliġjuża tadatta ruħha għaċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu fil-ħajja tal-lum, u s-siwi ta’ dan jidher fil-ħajjiet ta’ ħafna nisa u rġiel reliġjużi. Iżda hemm bżonn tiġdid tal-apprezzament tar-raġunijiet teoloġiċi profondi għal din il-forma speċjali ta’ konsagrazzjoni. Għadna qed nistennew il-frott sħiħ tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II fuq il-valur traxxendentali ta’ dik l-imħabba speċjali ta’ Alla u ta’ l-oħrajn li twassal għall-ħajja tal-voti tal-faqar, kastita’ u ubbidjenza. Nirrikmanda lill-irgiel u lin-nisa ta’ ħajja kkonsagrata l-eżempju ta’ maturita’ u ta’ responsabbilta’ personali li kienu jidhru b’mod tant sabiħ fil-ħajja tal-Beata Adeodata.”

U dan diskors mill-omelija tal-Isqof Charles J. Scicluna (25 ta’ Frar 2015):

“Illum niftakru fil-Beata Adeodata Pisani li bħal-lum niċċelebraw it-tifkira liturġika tagħha imma din l-imbierka soru tal-klawsura tal-monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina, ħafna drabi, peress li tiġi ċċelebrata fir-Randan, ninsewha. Adeodata Pisani għexet fil-kunvent tal-klawsura l-Imdina bħas-sorijiet li kienu jitolbu f’din il-kappella, mijiet ta’ snin ilu, ingħatat kollha kemm hi għall-ministeru tat-talb u tal-penitenza u sabet it-triq tal-imħabba sabiħa.

Aħna m’aħniex fil-klawsura, qegħdin fid-dinja, aħna wkoll irridu nsibu t-triq tal-imħabba sabiħa billi nagħtu ħajjitna skont l-istat tagħna.

  • Min hu miżżewweġ jagħti ħajtu fl-imħabba skont l-istat ta’ miżżewweġ u jitlob għall-grazzja tal-fedeltà.
  • Min hu armel jgħix il-vokazzjoni tiegħu, kultant ta’ solitudni, billi jfittex li fil-knisja jkun preżenza ta’ għerf, ta’ għaqal u ta’ tama, mhux jingħalaq waħdu.
  • Min hu żagħżugħ igawdi l-ħajja mingħajr ma jitkisser jew ikisser lil ħaddieħor, imma jitlob li jkollu vokazzjoni li tkun ta’ ġid għal kulħadd inkluża għalih innifsu.
  • Min hu saċerdot u min hu Isqof iqis li l-imħabba tiegħu jgħixha billi jagħti ħajtu għall-merħla.

U hekk nitolbu lill-Beata Adeodata Pisani biex titlob għalina ħalli nħarsu lejn il-ħniena ta’ Alla u nagħmlu kuraġġ”.

(ara informazzjoni dwar is-Sorijiet Benedittini tal-Monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina)

Talba: O Alla, għajn ta’ kull ġid, inroddulek ħajr li fil-Beata Marija Adeodata, tajtna mudell ta’ ħajja qaddisa. Mimlija b’imħabbtek, għaddiet ħajjitha fit-talb, fiċ-ċaħda tagħha nnifisha, u fil-ħarsien tar-Regola ta’ San Benedittu fis-skiet tal-Monasteru. Agħmel Mulej, li kif f’ħajjitha l-Beata Marija Adeodata għenet tant lill-oħrajn, hekk issa bl-interċessjoni tagħha tgħinna ngħixu ħajja qaddisa mibnija fuq it-talb, l-imħabba tal-proxxmu, u t-twettiq tar-rieda tiegħek hekk kif għexet hi għall-imħabba tiegħek u ta’ Ommna l-Verġni Marija. Ammen.  

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-maria-adeodata-pisani-158

Alternative Reading: https://www.ewtn.com/footsteps/BL_Maria_Adeodata_Pisani.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Adeodata_Pisani

Beatifikazzjoni ta’ Swor Adeodata Pisani, flimkien ma’ Dun Ġorġ Preca u l-Kjeriku Nazju Falzon:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

31 ta’ Ottubru: Beatu Anġelo ta’ Acri

Verżjoni Vidjo: Beatu Anġelo ta’ Acri

“Hija grazzja u glorja kbira li tkun Kapuċċin u iben/bint vera ta’ San Franġisk. Imma hu neċessarju li nkunu nafu u li dejjem inġorru magħna, il-ħames ħaġriet prezzjużi: l-awsterità, is-sempliċità, l-osservanza eżatta tal-Kostituzjoni u tar-Regola Serafika, l-innoċenza tal-ħajja u karità li ma tgħejja u ma tieqaf qatt.” Beatu Anġelo ta’ Acri

angelo16.jpgBEATU ANGELO TA’ ACRI
Reliġjuż
† 1739

Tagħrif: Huwa kien iben ta’ ġenituri fqar, kien jismu Antonio Luca Falcone u twieled fis-19 ta’ Ottubru, 1669. Ipprova jidħol mal-Kappuċċini ta’ 18-il sena iżda sab il-ħajja ħarxa ħafna. Bil-għajnuna ta’ ħafna talb huwa pprofessa fit-tielet darba li pprova wara novizzjat imqanqal ħafna, fl-1691. Ħa l-isem ta’ Angelo.

Fl-ewwel prietka li għamel, il-fiduċja fih innifsu u l-memorja ħallewh u niżel minn fuq il-pulptu konfuż. Meta qagħad jaħseb fuq dan id-diżappunt deherlu li l-Mulej qallu: “Għall-ġejjieni, Anġelo, ipprietka b’mod sempliċi u kif jitkellmu n-nies, biex jista’ jifhmek kulħadd.” Huwa sar wieħed mill-aqwa predikaturi ta’ żmienu u mexxa missjonijiet f’pajjiżu u xerred id-devozzjoni lejn il-Kwaranturi (40 siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat) sakemm miet.

Kien jgħaddi ħin twil jitlob u jagħmel penitenzi ħorox biex jikkumbatti t-tentazzjonijiet li kien ikollu.

Huwa kiteb ktieb wieħed biss, li kien ġabra ta’ talb fuq it-tbatijiet ta’ Kristu, għas-sorijiet Kappuċċini li huwa waqqaf f’Acritania. Anġelo laħaq provinċjal Kappuċċin fil-Kalabrija, u kienu jsejħulu ‘L-Anġlu tal-Paċi’ bil-mod seren li kien imexxi l-provinċja.

Miet fit-30 ta’ Ottubru 1739, ta’ 70 sena. Il-Papa Ljun XII ibbeatifikah fit-18 ta’ Diċembru, 1825.

Ħsieb: It-triq vokazzjonali taż-żagħżugħ Luka Antonio kienet ikkaratterizzata minn ħafna inċertezzi. Wara li kkonsagra lilu nnifsu lill-Mulej, għadda minn esperjenza ta’ falliment fil-predikazzjoni. Madankollu, huwa ma qatax qalbu imma biddel l-istil tal-predikazzjoni tiegħu, u sar imbagħad evanġeliku mill-aqwa. Permezz tal-predikazzjoni tiegħu, Anġelo ta’ Acri kien strument li kapaċi jgħaqqad il-Qalb tal-Mulej ma’ dik tan-nies. Kien jikkomunika lis-semmiegħa tiegħu l-ferħ ta’ Alla li jfittex li jkun fi djalogu mal-poplu tiegħu.

Fil-konfessjonarju kien il-post li fih kien joffri lill-penitent il-konsolazzjoni tal-maħfra ta’ Alla, il-post fejn kien jiftaħ għalihom it-triq għall-ħajja ġdida fi Kristu. Huwa ta xhieda ta’ karità Nisranija billi żar il-foqra fi djarhom u qassam il-Providenza li hu stess kien irċieva. Ma naqasx li jżur wkoll lill-ħabsin, jirrikonoxxi d-dinjità tagħhom u jkellimhom fuq l-indiema, filwaqt li ddefenda wkoll lil dawk li ġew ikkundannati inġustament.

Waħda mill-eqdem pitturi ta’ Fra Anġelo ta’ Acri tippreżentah iħares lejn u jikkontempla l-Kurċifiss, iċ-ċentru tal-predikazzjoni u t-talb tiegħu. F’ħinijiet twal ta’ talb solitarju, huwa kien jagħmel meditazzjoni dwar it-tbatija ta’ Kristu u kien jirrikonoxxi fil-morda l-feriti tal-Mulej. F’kull ħaġa li kien jagħmel, kien iżomm f’qalbu l-wiċċ ta’ Ġesù msallab, l-ikona ta’ mħabba mingħajr limitu.

Imma ma nistgħux ninsew ukoll li dan il-beatu kellu devozzjoni kbira lejn il-Kwaranturi (40 siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat) u baqa’ jxerred din id-devozzjoni sa mewtu. Dan jurina li s-saħħa kollha wara l-ħajja eżemplari tiegħu kien iġibha mit-talb iħeġġeġ quddiem Ġesù Ewkaristija. U inti, minn fejn iġġib il-qawwa tiegħek biex tkun tista’ tgħix ta’ Nisrani/ja awtentiku/a?

Iva Ġesu’ huwa ħaj u jinsab magħna. Hu jibqa’ jiġri warajna sal-aħħar nifs ta’ ħajjitna, għax ma jrid lil ħadd jitlef l-imħabba li għandu għal kull wieħed u waħda minna. Xi mħabba ġenwina! Minn kull kappella tal-Adorazzjoni li għandna f’pajjiżna, il-Mulej jistedinna biex immorru ħdejh u nqattgħu ftit ħin miegħu. Xi privileġġ għandna! Għax għiduli …

  • Min jista’ jibdilni għall-aħjar daqs Alla?
  • Min jissaportini daqs Alla?
  • Min jistennieni daqs Alla?
  • Min iħenn għalija daqs Alla?
  • Min jagħder in-nuqqas ta’ ħila tiegħi, daqs Alla?
  • Min jara li hemm potenzjal fija, daqs Alla?
  • Min għandu sabar daqs Alla?
  • Min jixtieqli l-ġid, daqs Alla?
  • Min għandu fiduċja fija daqs Alla?
  • Min jafdani daqs Alla?
  • Min iżommni f’sensija, inqis l-konsegwenzi t’għemili minn qabel, daqs Alla?
  • Min jgħallimni ngħożż id-dinjità ta’ persunti, daqs Alla?
  • Min jeħlisni mill-irbit u l-ġenn tal-frugħa, daqs Alla?
  • Min jgħallimni nagħraf il-pożittiv f’ħajti, daqs Alla?
  • Min japprezzani kif jien, daqs kemm japprezzani Alla?
  • Min jagħraf ħsibijieti u l-intenzjonijiet t’għemili, daqs Alla?
  • Min jafni iżjed milli naf lili nnifsi jien, daqs kemm jafni Alla?
  • Min qatt ma jgħejja jismagħni? Int biss O Alla.
  • Min qatt ma jaqta’ qalbu minni? Int biss O Alla.
  • Min qatt ma jgħajjarni bil-fallimenti tiegħi, bid-dgħjufijiet tiegħi, bid-difetti tiegħi ? Int biss O Alla … u Inti Alla li ħlaqtni biex niġi ngawdik fil-Ġenna.
  • Min jipprovdili s-saħħa, il-faraġ, il-kalma, il-wens, il-ħeġġa u r-rassenjazzjoni f’kull ma’ jinqgħalali u f’dak kollu li ngħaddi minnu f’ħajti? … Int biss O Alla.
  • Min iħobbni daqsek O Alla?
  • Min jaħfirli, inaddafni u jinsa l-passat tiegħi, daqsek O Alla?
  • Min jgħallimni l-verità u s-sewwa biss, daqsek O Alla?
  • Min jgħallimni naħseb f’ħaddieħor, daqsek O Alla?
  • Min jimlieni b’kuraġġ ta’ sur, daqs kemm timlieni Int O Alla?

Lil min insib biex ifarraġni u jibnini mill-ġdid, fid-diżgrazzji, fit-tentazzjonijiet, fil-qtigħ ta’ qalb, fl-iżolament, fil-mard, fid-diżappunti ta’ ħajti, daqs kemm tikkonslani, tfarraġni u tibnini fis-sod Int O Alla?

Iva, Mulej, nixtieq naċċetta l-istediniet tiegħek u niġi quddiemek, inħares lejk, lejn il-preżenza reali tiegħek fl-Ewkaristija … u, mingħajr ma niftaħ fommi, Inti diġà tibda tgħattini bil-paċi glorjuża tiegħek! F’dak il-kwiet, mingħajr ma jkun jaf ħadd, Int O Alla tibnili l-ħajti – imtertqa bl-ansjetajiet, bil-beżgħat, bix-xogħol, bit-tmaqdir, bin-nuqqas ta’ fiduċja fis-setgħa tiegħek, bil-vojt li nħoss kultant; bin-nuqqas ta’ fiduċja fija nnifsi … X’qawwa toħroġ minnek O Ħobż tal-Ħajja, x’mirakli tagħmel miegħi, kif tibdilli n-niket f’ferħ, kif ninsa t-thewdin ta’ moħħi hekk kif inkun quddiem il-preżenza umli, imma ta’ forza immaġinabbli tiegħek … iva dan kollu meta nafda totalment Fik f’kollox! Ħa tkun ħajti, skont ir-rieda mqaddsa tiegħek O Trinità Ħanina!

Talba: O Alla kollok tjieba, li tajtna lill-Beatu Anġelo ta’ Acri b’eżempju mill-isbaħ ta’ ħajja mfassla fuq it-tagħlim u l-eżempju tiegħek, agħtina nitolbuk, li bl-interċessjoni tiegħu għalina, aħna wkoll ma naqtgħux qalbna milli nkomplu navvanzaw f’ħajja animata mill-karità lejk u lejn il-proxxmu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/blessed-angelo-of-acri.html

Alternative Reading: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/blessed-angelus-of-acri.html

Detailed account of his life: http://napcc.net/images/uploads/documents/acri.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Luca_Antonio_Falcone

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb mehud mis-sit ta’ Medjugorje Malta.