Qaddej ta’ Alla Mons Isidor Formosa

Verżjoni Vidjo: Qaddej ta’ Alla Mons Isidor Formosa

28058565_1675362005852751_1555601226908236914_nMONS ISIDOR FORMOSA
Fundatur
1851 – 1931

Tagħrif: Monsinjur Isidoro dei Conti Formosa, li huwa l-Fundatur tas-Sorijiet Ursulini ta’ Malta, twieled fil-Belt Valletta, minn familja nobbli. Minn età bikrija ħafna, il-ġenituri tiegħu wissewh li ma kellux jidher fil-kumpanija ta’ tfal imħassra u iktar ma kien jintqal lilu dan id-diskors, iktar kien iħoss attrazzjoni lejhom, u sar anzjuż ħafna biex jgħinhom.

Minn mindu l-ġenituri tiegħu rrealizzaw kemm kien għaref u intelliġenti, kienu qed jittamaw li binhom jilħaq tabib jew avukat, jiżżewweġ familja ta’ benesseri u jkun imdawwar minn neputijiet. Madankollu kienu litteralment ixxukkjati meta, fl-età ta’ tnax-il sena ddikjara li kien deċiż li jsir saċerdot.

Minkejja l-oppożizzjoni kbira li kellu jiffaċċja, huwa kien determinat u qatt ma mar lura mid-deċiżjoni tiegħu. Meta baqgħu jaraw id-determinazzjoni qawwija li kellu, il-ġenituri tiegħu fl-aħħar aċċettaw u bdew jgħinuh jilħaq l-għanijiet li kien fassal. Huwa ġie ordnat saċerdot fit-18 ta’ Diċembru 1875, fil-KonKatidral ta’ San Ġwann mill-Isqof Carmelo Scicluna.

Ispirat mill-ħajja ta’ San Angela Merici, Formosa waqqaf is-Sorijiet Ursulini Maltin ta’ Sant’Angela Merici fl-4 ta’ Mejju 1887. Is-Sorijiet ġew mogħtija istruzzjonijiet biex jgħallmu l-katekiżmu, jgħinu lill-morda u jfittxu lil dawk li tbiegħdu minn Alla. Permezz tal-ġenerożità tal-fundatur, l-Ursulini fetħu djar fil-Belt Valletta, f’Tas-Sliema, fi Gwardamangia u f’Ħaż-Żabbar. Ħafna nies ikkritikaw lil-Mons Formosa talli fetaħ djar mhux biss għar-romol, l-anzjani, nies bla xogħol u l-orfni bil-ġuħ, imma wkoll għall-prostituti. L-akbar prova li kellu jaffaċċja madankollu ġiet meta tilef il-vista t’għajnejh. Billi kien qed ibati minn kanċer tal-fwied, Formosa irrifjuta li jaċċetta mediċini li kienu jqumu ħafna flus sabiex jagħti l-flus kollha lill-foqra. Wara mewtu, kellhom jiġu provduti ħwejjeġ għad-difna tiegħu għax xejn ma nstab f’kamrtu.

Huwa ġie midfun oriġinarjament fil-kripta tal-familja fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal-Għaxaq. Snin wara l-fdalijiet tiegħu ġew trasferiti għall-Crèche tal-Ursulini Tas-Sliema. Wara mewtu, l-Ursulini fetħu djar oħra f’Malta kif ukoll fl-Ingilterra u fl-Italja.

Aktar dwar l-Ursolini
Il-Kongregazzjoni Ursulina (ara Santa Ursula) ġiet imwaqqfa bl-iskop li s-sorijiet jieħdu ħsieb it-tfal tan-nisa li joħorġu jaħdmu matul il-jum u l-edukazzjoni tat-tfal foqra, u l-mod li bih intlaqgħu dawn is-sorijiet, wera kemm din il-forma ta’ ħidma ġiet apprezzata. Fl-istat ta’ faqar u miżerja tal-epoka dan tqies bħalha rimedju għaliex b’hekk dawn in-nisa setgħu jaqilgħu l-għixien għall-familja tagħhom, fi żmien qabel ma Malta saret ‘welfare state.’

Il-Fundatur saħaq fuq il-fatt li s-sorijiet kellhom jgħixu l-ħajja ta’ Marta u Marija, jiġifieri dik ta’ kontemplazzjoni u azzjoni, u li bl-opri tal-karita’ kellhom jitqaddsu u jixhdu għall-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin. Il-glorja t’Alla u l-ġid tal-erwieħ huma l-għan li għalih jiddedikaw ħajjithom.

L-istess konsagrazzjoni tagħhom qawwiethom biex jieħdu fuqhom din il-forma ta’ appostolat li tat il-frott mixtieq matul is-snin. Is-sorijiet jgħixu r-regola Agostinjana u l-Kostituzzjonijiet propji. Santa Angela Merici (ara Santa Angela Merci), l-ewwel mara li għallmet lit-tfal foqra, tqiegħdet bħalha ispirazzjoni ta’ din il-Kongregazzjoni.

Is-Sorijiet Ursulini fetħu dar ġewwa Bormla fis-sena 1954. L-ewwel superjura, Madre Roża Mifsud u l-komunita’ bdew skola fil-faqar t’Ottubru 1955. Din l-iskola ħadnet il-preżenza ta’ 200 tifel u tifla u kellha ħames klassijiet. Il-Knisja annessa mall-Kunvent u l-iskola hi ddedikata lill-Madonna ta’ Fatima u kull sena f’Mejju ssir il-festa. L-Ursulini sabu kamp fertitli għall-ħidma tagħhom, li hi parti integrali mill-għixien tas-sejħa tagħhom.

Il-Fundatur enfasizza l-edukazzjoni nisranija tat-tfal u l-importanza tagħha fil-formazzjoni tal-karattru. L-edukazzjoni tat frott abbundanti matul is-snin. L-Ursulini għandhom tmint idjar f’Malta, tlieta f’Noto, u oħra f’Katanja. Maż-żmien, l-apostolat kompla nfirex fi skejjel tat-tfal iż-żgħar, fit-tagħlim tal-katekiżmu, u f’oqsma oħra sew f’Malta kif ukoll barra.

Għal aktar tagħrif, mur: (The Ursuline Sisters of Saint Angela Merici)

Links about Mons Isidor Formosa:  

  1. https://www.findagrave.com/memorial/101111712/isidoro-formosa
  2. http://www.cospicuaparish.org.mt/2011_articles_SorijietOrsolini.asp
  3. https://www.facebook.com/sidorformosa/
  4. http://stangelakindergarten.com/wp-content/uploads/2018/09/PR-St.-Angela-Nursery-School-Policies-Angela-amended-parents-1.pdf
  5. http://thechurchinmalta.org/en/posts/7615/the-archbishop-unveils-msgr-isidor-formosa-monumentl-arcisqof-jikxef-il-monument-ta-mons-isidor-formosa

Nota: It-Tagħrif dwar l-Ursolini hija kitba ta’ Swor Frances Buttiġieġ.

Frenċ tal-Għarb

Verżjoni Vidjo: Frenċ tal-Għarb

c74247b01d99e832fae222405c1b17a89735e3e0-1452194447-568eba8f-360x251FRENĊ TAL-GĦARB
1892 – 1967

Tagħrif: Għal ħafna snin, ir-raħal ċkejken tal-Għarb, Għawdex, kien ikaxkar ħafna nies lejh u dan minħabba biex jitkellmu ma’ bniedem tassew sempliċi, ma’ bidwi li l-għejxien u l-ħobża tiegħu kienu biss mill-għelieqi. Dan il-bniedem hu Frenċ tal-Għarb li ismu hu marbut ukoll mal-istess raħal. Frenċ kien ġej minn familja fqira u ma kellux ix-xorti li jitgħallem l-iskola, iżda minkejja dan hu kellu ħafna għerf u kliemu kien ta’ ġid kbir għal ħafna nies.

Twieled l-Għarb fit-3 ta’ Diċembru fl-1892 minn Salvu u Beneditta Mercieca. Hu kien it-tmien wieħed minn familja ta’ ħdax. Frenċ kien devot kbir tal-Madonna u kien jitkellem dejjem fuq imħabbitha lejna l-bnedmin, u jonqox isimha fil-qalb ta’ dawk li jfittxuh. Hu kien iqim lill-Madonna taħt it-titlu tal-Madonna Ta’ Pinu (ara Madonna Ta’ Pinu), għar-rabta speċjali li hu kellu lejn is-Santwarju tagħha.

Kemm-il darba kien jitlob sagrifiċċji mingħand il-bnedmin għall-ġieħ ta’ Marija, sabiex, meta huma jaqilgħu dak li jitolbu, ma jinsewx li l-grazzja ingħatat lilhom bl-interċessjoni tagħha. Frenċ kien ċert li l-Madonna kienet qed tnebbħu x’kellu jagħmel. Ma kienx it-tip ta’ bniedem li joqgħod ixandar affarijiet straordinarji, anzi kien pjuttost jaħbi li jkun ġara. Kien tassew bniedem ferrieħi u mħabbtu lejn Alla, il-Madonna u l-qaddisin ma kellha l-ebda fanatiżmu. Hu kien ikun iddispjaċut ħafna meta kien jisma’ bl-offiżi li jsiru kontra l-qaddisin.

Frenċ kien jitkellem ħafna dwar xi pariri li jkun ta, imma hu qatt ma kixef l-isem ta’ ħadd. Kien jgħin ukoll finanzjarjament lin-nies u lill-Knisja. Frenċ kellu kull qima lejn il-qassis għaliex fih jara l-ministru ta’ Alla. Fl-imħabba li kellu lejn kull qassis, meta xi wieħed kien imur biex ikellmu, Frenċ kien iħoss li għandu jagħmel preferenza miegħu, u ma joqgħodx iħallih jistenna wara l-oħrajn. Hu ġieli ħadha ma’ dawk li gergru għad-drawwa tiegħu. Imma, biex insemmi każ wieħed, meta sema’ t-tgergir, Frenċ kien pront wieġeb: “Morru, jekk ma tridux tistennew. Jien lis-saċerdot nistmah qabel u fuq kulħadd“.

Frenċ kien sar magħruf ħafna mal-Isqof ta’ Għawdex. L-isqof Mikiel Gonzi kien jistaqsi fuq Frenċ biex isir jafu aħjar, u fl-Omelija li għamel wara l-mewt tiegħu fis-Santwarju ta’ Pinu, faħħru għall-kwalitajiet sbieħ tiegħu u għall-ġid kbir li kien għamel. L-isqof Ġużeppi Pace kien jafu ħafna aħjar, hu kien imur għand Frenċ ta’ sikwit, saħansitra għal xi messaġġi għax kien jemmen ħafna fi Frenċ. Darba l-isqof talab mingħand Frenċ xi kura għal bint in-neputija tiegħu.

Ġrajjiet u Fejqan
Għand Frenċ kien imur kulħadd, żgħażagħ, anzjani, politiċi, professuri, barranin bħal ma huma l-Ingliżi u t-Taljani. Kienu imorru nies minn kull livell soċjali. Kienu jmorru mijiet għandu. Żjara għandu kienet tnissel ferħ kbir. Persuna tgħid hekk: “Kull meta kellimtu ħassejt konsolazzjoni kbira, li qatt ma ħassejt bħalha f’ħajti”.”Ġieli marru għandu xi barranin ukoll; dawn aktarx li kienu jkunu mqanqlin mill-kurżita’ hu kien jitkellem magħhom permezz ta’ interpretu”.

Mara mill-Isla kitbet hekk : “Għandi t-tifel ta’ binti li ħa skoss f’riġlejh. Ħadtu għar-ritratt u fir-ritratt ma rriżulta li għandu xejn; iżda xorta waħda għadu muġugħ ħafna. Jiena qiegħda nibża’ li għandu xi ħaġa. Jiena b’fiduċja kbira fil-Madonna, nitolbok imqar werqa minn tal-fjuri li inti ikollok quddiem il-Madonna biex nagħmilhom ma’ riġlejh.”

Wieħed raġel ittama fil-qawwa tat-talb tiegħu għax ommu kienet marida, mal-mara ma setgħax jasal għal ftehim, u kellu il-bwiet xotti. Oħrajn rieduh li jitlob għalihom biex il-qorti taqta’ sentenza skont il-ġustizzja. Xi żgħażagħ xtaqu t-talb tiegħu biex jgħaddu mill-eżami.

Frenċ kien japprezza ħafna l-ittri ta’ dawk li kitbulu biex jitlob għalihom ħalli Alla jagħtihom il-fejqan spiritwali ta’ xi persuna li huma kienu jħobbu.

Kliem Misterjuż
Ħafna nies kienu jibqgħu skantati meta hu wriehom li kien jaf x’riedu mingħandu qabel ma qalulu. Frenċ kien ikun jaf il-ħajja moħbija tagħhom. Rakkonti minn dawn jeżistu ħafna. Mara minn tas-Sliema tgħid hekk: “L-ewwel darba li mort għandu biex inkellmu, hekk kif rani, qalli f’mument wieħed ħwejjeġ li jiena u l-konfessur tiegħi biss konna nafuhom. Mill-ewwel bdejt inżommu b’qaddis.”

Bidwi imma tabib tal-ġisem u tar-ruħ
Frenċ jgħid hekk: “Jiena qatt ma ħdimt fi sptar lanqas ma’ spiżjar” Nafu wkoll li Frenċ qatt ma studja l-mediċina, bħal ma jagħmlu t-tobba. Ħafna tobba kienu jitħassruhom lil dawk li jmorru għandu, għaliex x’kura jista’ jagħti wieħed li ma jifhimx fis-sengħa tal-fejqan. Imma xi tobba ħassewhom jinkeddu għax kien hemm nies li marru għandhom u ma tfejqux; imbagħad marru għand Frenċ, u b’li tahom u qalilhom, ħassewhom jgħaddu għall-aħjar. Fi Frenċ, il-Maltin u l-Għawdxin kellhom fiduċja sħiħa. Għalhekk hu kellu fih xi ħaġa li tgħin lil dak li jkun ifieq.

Kliem Frenċ, kien juri li l-qawwiet tiegħu ma kienux fil-mediċini. Imma t-tobba bdew iħarsu bl-ikrah lejh. X’uħud bdew ukoll igemgmu għaliex, lilhom dehrilhom li bniedem marid, jekk ried ifiq tassew, ma kellux għalfejn imur għand Frenċ. Ma naqsux lanqas dawk it-tobba li ma kienux jidħlu fid-djar li fihom ikun mar Frenċ.

Imma aktar mal-morda bdew ifaħħruh, aktar bdew ikabbrulu d-diffikultajiet tiegħu. Xi tobba Għawdxin riedu jieħdu passi kontra tiegħu bil-ġustizzja. Kien żmien meta x’uħud bdew imorru għand Frenċ fid-dlam tal-lejl, biex ħadd ma jarahom!

Żewġ żgħażagħ dilku bl-ingwent li tahom Frenċ bis-sabar lil missierhom muġugħ; it-tabib ried jara dak l-ingwent misterjuż, imma ma setax jifhem x’kien. Frenċ kien jgħidilhom ukoll biex jgħidu Sliema u Qaddisa lill-Madonna. Ħafna kien il-fejqan mirakuluż.

Frenċ jispiċċa l-qorti
Minħabba dawn it-tip ta’ każijiet kien hemm min spiċċa biex lil Frenċ tellgħuh l-qorti. Nisimgħu għal darb’oħra l-kelmiet ta’ Frenċ : “Fi żmien it-tabib Frank Vella, Malti li kien joqgħod l-Għarb, u s-surġent kien Michael Xerri mir-Rabat, jiena ġejt imħarrek, u mwaqqaf minn din il-ħidma ta’ fejqan”.

Kienet saritlu ċitazzjoni, u kellu jitla’ l-qorti ta’ Għawdex fil-11 ta’ Ġunju, 1938. Il-Maġistrat Karmnu Parnis xlieh li għamilha ta’ tabib mingħajr il-liċenzja tal-Kap tal-Gvern. L-avukat ta’ Frenċ kien Franġisk Masini. X’ħin il-maġistrat staqsieh jekk kienx minnu li għamilha ta’ tabib, u qeda lin-nies, Frenċ baxxa rasu u ma wieġeb xejn. Bis-skiet tiegħu, hu deher li ammetta l-ħtija. Imma kien hemm tabib li pprova jiddefendih, billi qal li Frenċ ma kien qed jagħmel ħsara lil ħadd billi jgħalli ħaxixa. Kien hemm xi għoxrin li telgħu biex jiddefenduh, imma dawn ma ssejħux. Frenċ ġie meqjus ħati. Il-Qorti kkonsidrat il-kondotta tajba tiegħu, u għalhekk ma weħel xejn. Imma hu ġie mwissi li jekk jerġa’ jinqabad mill-ġdid, il-qorti kellha kull setgħa li tikkundannah. Għal dan wkoll li ġie mixli bih din id-darba, u ħelisha b’sempliċi twissija. Dan kien jissejjaħ l-artiklu 23.

Mgħasses mill-pulizija
Frenċ kien jibża’ ħafna li jeħel xi multa. Fl-istess żmien tal-kawża, l-pulizija kienet tgħasses fuqu l-ħin kollu. Iżda triq tan-nofs kellu jinstab u dan sabiex il-ġid ma jonqosx. Lil Frenċ qalulu li, jekk tabib jagħti ċertifikat lil xi ħadd biex dan imur għand Frenċ, dik il-biċċa karta tkun qisha permess. Ħafna tobba ma riedux jagħmlu dan; imma oħrajn aċċettaw.

Nisimgħu mill-ġdid il-kliem ta’ Frenċ: “Wara dan, lil dawk li kienu jiġu għandi, kont nitlobhom ċertifikat mit-tabib tad-distrett tagħhom jew tabib ieħor, basta biċ-ċertifikat” Frenċ jissokta jgħid “Pazjenti minn Malta ġew bil-mijiet u bqajt insewihom b’din is-sistema”.

Il-Post fejn Frenċ kien jara lin-nies.

Ġieli kienu jgħadduh biż-żmien
Fost dawk li ma emmnux fih, Frenċ sab ukoll lil min jipprova jgħaddih biż-żmien. Ma’ dawn, Frenċ ġieli kien iebes fi kliemu. Tlett tfajliet marru għandu biex jgħadduh biż-żmien. Imma Frenċ qalilhom b’serjeta’: “Idħku! Idħku! Imma ħa naraw kemm ser iddumu. Intom it-tlieta morda u sa ħmistax oħra, waħda minnkom tkun diġa’ mietet”.

Meta semgħu hekk, huma tbikkmu, u telqu ‘l barra. Wara tlett gimgħat, reġgħu lura tnejn minnhom, u qalulu li seħbithom kienet mietet tassew. Fl-istess ħin, huma talbuh maħfra talli riedu jwaqqgħuh għaċ-ċajt. Dan kien fatt li ħalla impressjoni kbira, u ħafna baqgħu sal-lum isemmuh.

Ġieli ma qabilx mat-tobba
Kultant, Frenċ kien jeħodha kontra d-deċiżjoni tat-tabib. Lil wieħed mix-Xagħra li sempliċiment xtaq li Frenċ jitlob għalih għax kien sejjer jagħmel operazzjoni, qallu: “Ara ma jfettillekx tagħmel xi operazzjoni, kul ikla minestra, u minflok ponn ful, itfa’ tnejn, u għada erġa’ ejja għax ikun għaddielek kollox!”

Frenċ ġieli bidel mediċina mogħtija mit-tabib. Hu ġieli kien jiġġudika lit-tobba li kienu jiżbaljaw, meta jiddikjaraw, li xi ħadd kien marid b’ħaġa waqt li kien b’oħra. Lil dan, Frenċ qallu ċar u tond li t-tobba riedu jieklu minn fuq dahru. Huma żammewh għall-kura, skont kliem Frenċ, sakemm dan kellu x’jibgħatilhom! F’dan il-każ ta’ akkuża gravi, jissemma l-isem tat-tabib, u dak tal-isptar ukoll.

Tifel ma setgħax jimxi, u t-tabib ordnalu l-ħadid għal saqajh biex jieħdu s-saħħa. Imma baqa’ kif kien. Missieru ħadu għand Frenċ, li qallu: “Neħħilu l-ħadid u itilqu jiġri fir-raba'”. It-tifel innifsu jgħid: “Hu kien qalli biex nidlek iż-żejt tal-ikel magħmul mill-fejġel u, bil-għajnuna tal-Madonna u ta’ Frenċ tal-Għarb, ninsab tajjeb bħal ħaddieħor.”

Każ ieħor ….
Waqt li t-tabib iddikjara li tarbija kellha l-ażma, Frenċ qal li hi kienet belgħet xi ħaġa. “Frenċ ippreskrivielna ftit ingwent minn tiegħu, li kellu jindilek fuq sidirha u mbagħad, inqegħdulha biċċa drapp sħuna. Wara dan kollu, l-istess ħaġa qatt ma ġratilha iżjed. It-tabib innifsu ma riedx jemmen b’dak il-fejqan immedjat li kien ġara quddiemu stess”.

Il-ġrajjiet tal-fejqan huwa tremend, dan hu każ ieħor: Lil tifel, minħabba l-mard, it-tobba kienu qalgħulu għajn, u kienu se jaqilgħulu l-oħra. Imma l-ġenituri tiegħu riedu l-parir ta’ Frenċ. Kif sema’ bil-każ, Frenċ ħatafhom, u qalilhom: “X’tagħmlu? Taqilgħulu għajnu l-oħra? Mela tridu li jkollkom tifel għami? Issa, jien nagħmlilkom ftit ingwent. Agħmlulu l-ingwent fuq ċarruta, u għidu Ave Marija lill-Madonna. Agħmlulu fuq moħħu u tibżgħux, ma jkollu xejn.” It-tifel baqa’ jgawdi l-għajn li kien fadallu, u għalhekk ma għamiex.

Ħafna każi ta’ fejqan ieħor, wieħed jista’ jsibhom fil-ktieb “Frenċ ta’ l-Għarb” (1892-1967) ta’ Patri Alexander Bonnici (Franġiskan Konventwali). Dan il-ktieb wieħed jista’ jixtrih mill-Bażilika tal-Madonna ta’ Pinu.

Min jgħallem lili ma jmut qatt
Kontra dak li ħasbu x’uħud, Frenċ ma qisx ruħu xi professur. Hu emmen li Alla kien qed jgħinu, u, kif għen lilu, jista’ jgħin lil xi ħaddieħor. Inniżżlu silta minn intervista li saritlu minn Ġorġ Pisani u Charles Arrigo.

Pisani: Dawn il-pariri li kont tagħti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq is-saħħa tar-ruħ: issa dawn dnub li jintilfu għal kollox. Issa, dawn ma jkunx tajjeb li tagħtihom lil xi ħadd li jiktibhom biex almenu jibqgħu warajk?

Frenċ: Jiena naħseb li min għallem lili għadu ħaj; ma jmut qatt.

Arrigo: U min għallem lilek ?

Frenċ: Eh! Kulħadd jaf. Min għallem lili ma jmut qatt. Ma tafux min hu? Min ma jmut qatt ???

Dawn il-kelmiet ta’ Frenċ huma ta’ valur kbir. Intqalu ukoll minn bniedem li beża’ li jitkabbar saħansitra jistqarr li Alla kien qiegħed jgħinu. Hu ma riedx jgħid li Alla kien qiegħed jaħdem fih. Imma ried li din il-konklużjoni toħroġ weħidha, bla ma titlissen minn fommu. Għalhekk lil dawk li staqsewh, bi tbissima ħelwa u kważi mistħija daqsxejn mistgħaġeb, staqsiehom: “Kif? ma tafux min hu?” Hu ried jgħidilhom: “Ma tafux li dak li ma jmut qatt hu Alla biss?” Imma dawk it-tnejn kienu fehmu kollox x’ried jgħid.

Ifiequ jekk jersqu lejn Alla
Saċerdot Agostinjan qal hekk dwar Frenċ: “Nistgħu nsejħulu wkoll bniedem ta’ Alla għax ikkonverta bosta rġiel u ġuvintur u anki xebbiet mill-ħajja ħażina tagħhom, u ressaqhom lejn Alla.” Frenċ kemm-il darba ma riedx iwiegħed fejqan jekk dak li jkun ma jagħmilx ħiltu biex jersaq lejn Alla. Lil wieħed li talbu xi mediċina, Frenċ wieġbu: “Int ħsiebek biss fin-negozju, u rużarju qatt ma tgħid. In-negozju jispiċċa, imma ruħna ma tispiċċax”. Lil ieħor li kien jimxi bil-krozzi, Frenċ qallu: “Jekk għandek rieda tajba, tfieq. Imma, qabel, mur Ta’ Pinu, sib saċerdot, itlob maħfra ‘l Alla, u l-Madonna tfejqek”. Għalkemm b’nofs ħajra, hu mar iqerr f’Ta’ Pinu, u talab lill-Madonna biex tidħol għalih. Meta qam minn bilqiegħda biex joħroġ hu sab li seta’ jimxi mingħajr il-krozzi. B’ringrazzjament, hu ħalla l-krozzi f’dak is-Santwarju, u għadhom hemm sal-lum.

Lil wieħed pulizija li qallu kemm kienu għalxejn il-mediċini li ħa, Frenċ wieġbu: “Biex jgħaddilek l-uġigħ kbir li għandek fl-istonku tiegħek, imorrulek id-dwejjaq kbar li għandek, u ma tiblax aktar pilloli għalxejn, trid l-ewwelnett tirrispetta l-mara li għandek u ma toffendix aktar ‘l Alla bid-dagħa”.

L-akbar hena ta’ Frenċ kien meta, qabel kollox, lill-bniedem kien iressqu lejn Alla. Ġieli tkellem b’ton iebes ma’ min ma kellux il-ħsieb li jbiddel ħajtu. Darba waħda, mar biex ikellmu raġel li miegħu kellu mara li ma kenitx martu. Hu ħa taxi mix-xatt biex twassalhom għandu. Iżda, fit-triq, dak tat-taxi ra lil Frenċ ħiereġ mill-Għarb lejn ir-Rabat riekeb f’taxi oħra. Ir-raġel qal lis-sewwieq: “Dawwar lura, u ġerri ftit ħalli nilħquh”. Hekk għamel, u beda wkoll idoqq il-ħorn waħda f’waħda. Is-sewwieq tat-taxi ta’ Frenċ induna li riedu jwaqqfuh; iżda Frenċ ma riedx, u qallu “Suq u tieqafx”. X’ħin waslu r-Rabat, Frenċ niżel mit-taxi, sadanittant ir-ragel laħqu fil-ħin, mar fuqu, u qallu: “Kont ġej biex inkellmek ftit; iżda ma lħaqnikx id-dar”. Frenċ qallu: “Lili m’għandekx xi tridni; mur”. L-ieħor issikah, u talbu bil-ħniena biex ikellmu. Iżda Frenċ baqa’ iebes u wieġbu: “Meta trid tkellimni, ġib lil martek miegħek”.

Kien hemm soru li kien ilha ħafna tibgħat tgħidlu biex imur jaraha, u Frenċ baqa’ ma jagħtix kasha. Fl-aħħar, hi sabet ‘il min wassalha għand Frenċ, u kif daħlet, ħaditha miegħu talli lanqas biss ma kien iweġibha. Frenċ, bil-kalma kollha, weġibha: “Qiegħda tara kemm jiddispjaċih il-marid meta hu jsejjaħlek, u int ma tagħtix kas tiegħu”.

Ħabbar il-mewt
Frenċ ġieli għaraf tajjeb li, għal xi persuni, il-mewt kienet fil-qrib. Imma mhux dejjem ried jitkellem b’mod ċar dwar dan. Waħda mara marret titolbu xi ħaġa għall-fejqan ta’ żewġha. Meta ħarġet, hu qal hekk: “Tkellmet tant għal żewġha, u ma qalitx kelma waħda għaliha nnifisha” Wara ftit ġranet, dik il-mara daħlet l-isptar, u mietet fi żmien qasir.

Żagħżugħ mar jitlob xi ħaġa għal missieru. Frenċ wrieh li missieru kellu kanċer, u kien se jmut. Lilu hu tah biss xi ħaġa biex jonqoslu l-uġigħ. Frenċ innifsu qal: “Il-mediċina li tajtu kienet ftit żejt ta’ quddiem il-Madonna ta’ Pinu.”

Ir-rakkonti hawn ukoll huma ħafna. Inġibu wieħed ieħor biss. Ġużeppi Cassar, minn Ħal Tarxien, kiteb hekk: “Meta l-mara tiegħi kienet marida l-isptar, billi jien kont naf li hi ma riditx toqgħod hemm, mort għand Frenċ biex nistaqsih x’għandi nagħmel: noħroġhiex jew inħallihiex hemm. Jiena wasalt għandu fil-ħdax neqsin għaxra ta’ figħodu. Kif wasalt għandu, Frenċ għamel miegħi ħaġa li qatt ma kien ghamilha. Hu qabad jgħannaqni u jbusni, u ħassejt ukoll id-dmugħ tiegħu. Qalli wkoll: “In-nies ħarġitha li jien mitt”. Jiena weġibtu: “Jivvintaw tant affarijiet. Int erħilhom; tagħtix kashom’. Imbagħad, staqsejtu dwar il-mara tiegħi: jekk għandix noħroġha jew le mill-isptar. Frenċ weġibni: “Ma jgħidlekx il-professur jekk għandekx toħroġha? Int agħmel dak li jgħidlek hu’. Jiena tlaqt lura lejn Malta, u sibt li l-mara tiegħi kienet mietet. Il-ħin tal-mewt tagħha kien ezattament fil-ħdax neqsin għaxra: x’ħin Frenċ kien qiegħed jgħannaqni u x’ħin semmieli li kienu ħarġuha li miet. X’ħin qgħadt naħseb fuq dawk il-kelmiet ta’ Frenċ u fuq dak li għamel miegħi, jiena ħassejt li hu kien sar jaf bil-mewt ta’ marti; imma lili ma riedx jgħidli b’kelmiet ċari.”

Fl-aħħar xhur tal-ħajja ta’ Frenċ
Fis-sena 1962, Frenċ għalaq is-70 sena. Imma f’dan iż-żmien hu marad. Il-ħajja tiegħu kienet tbatija. Wara ix-xogħol hu kien isib in-nies jistennewh u dan kompla żidlu fit-toqol tal-ħajja. Wara ix-xogħol hu kien jaqdi lil kulħadd. Ma tantx kien jagħti kas biex jistrieħ xi ftit. Ġieli ma kienx jiekol jew jorqod. Huwa kien jippreferi li jgħin lill-proxxmu u lanqas biss kien jagħti kas kemm ġieli jkun sar ħin. Minkejja dan kollu in-nies kienet xorta tibqa’ tmur, għalkemm kien ikun jidher li hu għajjien.

Fid-9 ta’ Awwissu, 1966 meta ma kienx jonqsu ħlief disa’ xhur ħajja, Frenċ qal hekk għalih innifsu: “Kemm kemm nitħarrku ftit. Ili ħafna ma niflaħx. Ili sena jew iżjed ma noħroġx mid-dar. Bħalissa, iż-żjajjar lil Ta’ Pinu nqabbad lil min jagħmilhom minfloki. Nitqarben hawn id-dar. Jiġi n-neputi jqarbini”.

Frenċ kien waħħal avviż mal-bieb biex bih jgħarraf li ma kienx għadu jservi nies. Imma ħafna baqgħu jiktbulu. Hu kien isib ħafna aktar ħin biex iwieġeb l-ittri fejn kien jgħidilhom bil-mard li kellu, ħalli ma joqogħdux imorru għalxejn. Kemm-il darba, minħabba d-dgħufija tiegħu, hu kien jiddetta l-ittri lil ħaddiehor. L-ittri ta’ dan iż-żmien jixxiebħu ħafna. Inniżżlu biss silta minn waħda minnhom: “Int għarraftni li qiegħda ssofri xi uġigħ f’riġlejk, u tixtieq li jiena nagħtik xi ħaġa; imma jiddispjaċini m’għandix, għax bħalissa ma niflaħx”. Il-wegħdiet tat-talb ma tonqos qatt fit-tweġibiet tiegħu.

Fl-aħħar erba’ snin ta’ ħajtu, Frenċ, billi qatt ma kien tajjeb għal kollox, ma raqadx iżjed fir-remissa. Hu kien jorqod fis-sodda ta’ kamartu. Kienu snin li Frenċ għaddiehom iqum u joqgħod fis-sodda: daqqa tajjeb u daqqa ħażin. Meta beda jifhem li għalih l-aħħar jum kien qed joqrob, Frenċ beda jlissen l-isem ħelu ta’ Marija aktar ta’ sikwit. Il-Via Sagra minn Ta’ Pinu għal fuq Ta’ Għammar kellha tkun waħda mill-opri li jibqgħu jfakkruh wara mewtu. Fl-aħħar żmien hu kien isemmi dik l-opra ta’ sikwit. Hu kien iħajjar, u jżid imbagħad minn tiegħu. Hu xtaq li jinqalgħu benefatturi li jgħinu f’din l-opra.

Mill-bidu tas-sena 1966, Frenċ ma ħariġx iżjed minn daru. Hu kien ħassu ħażin meta fl-ewwel tas-sena kien ħareġ għall-quddiesa tal-ewwel. Hu kien ikun kiesaħ ħafna, u lil ftit li kienu jmorru jitkellmu miegħu, kien jgħidilhom li ma jdumx ma jsiefer!

U hekk ġara għax fid-19 ta’ Mejju tal-1967 Frenċ ħa l-aħħar nifs, u ruħu daħlet fl-eternita’. Dakinhar kien jaħbat il-ġurnata tal-Ġimgħa. Il-mezzi kollha tar-radju u l-gazzetti xandru l-aħbar tal-mewt tiegħu. Mara mir-Rabat ta’ Għawdex irrakkontat, il-ħasda li ħadet meta, dakinhar tal-mewt tiegħu, hi ħadet lil binha għandu biex titolbu jfejjaqulha. Hi ma kenitx taf li miet. Lilha ħallewha tidħol u ħadet ħasda kbira. Xebba li kienet hemm ħaditilha t-tarbija minn idejha, u missitha ma’ Frenċ. Kif marret lura lejn darha, dik il-mara stagħġbet iżjed għax it-tarbija li ma kenitx timxi bdiet tieqaf fuq riġlejha.

Is-Sibt, 20 ta’ Mejju, 1967 saret il-quddiesa tal-funeral tiegħu fil-Kolleġġjata tal-Għarb. Ħafna marru għall-funeral ta’ Frenċ, u bdew jgħidu kontinwament: “Miet qaddis”, u “bħal Frenċ ma jkollniex ieħor.” Frenċ ġie midfun fiċ-ċimiterju msejjaħ Taż-Żejt. Dan hu ċ-ċimiterju tal-Parroċċa tal-Għarb. Il-Qabar tiegħu jġib in-numru 70 A.

Frenċ għadu jinħass li għadu fostna
Għaddew ħafna snin minn meta miet Frenċ iżda hu ma ntesiex bħalma kien hawn minn bassar dakinhar tal-mewt tiegħu. Kulħadd hu ċert li Frenċ malajr beda jgawdi ‘l Alla fil-hena ta’ dejjem. Kif kienu jitolbuh biex jgħinhom meta hu kien għadu ħaj, hekk ukoll issa għadhom jittamaw li jaqilgħu xi grazzja bl-interċessjoni tiegħu. Fil-fatt ħafna huma il-każijiet ta’ grazzji kbar, wara ukoll il-mewt tiegħu. Illum, Frenċ hu magħruf ħafna iżjed milli kien fl-imgħoddi. Il-‘Ħajja’ dokumentata ta’ Frenċ li kienet ġiet stampata hi eżawrita. Hi ‘ħajja’ li inqrat minn kulħadd: Minn nies fuq kull livell fis-soċjeta’. Il-qdusija ta’ Frenċ hi xhieda li Alla jsejjaħ tassew lil kulħadd għal ħajja perfetta. Frenċ ma kienx qassis jew patri. Hu kien bniedem li għex fid-dinja, bil-problemi kollha tal-ħajja ta’ kuljum.

Links about Frenċ tal-Għarb: 

  1. https://en.wikipedia.org/wiki/Fren%C4%8B_tal-G%C4%A7arb
  2. https://www.facebook.com/Frenc-tal-Gharb-180562548623350/
  3. http://www.imperialbandclub.com/magazine/2017/49%20-%20French%20tal-Gharb%20-%20Ralph%20Micallef.pdf
  4. http://thechurchinmalta.org/en/posts/69276/frenc-tal-gharb-house-opens-its-doors-to-public
  5. http://alfredgrech.blogspot.com/2017/05/lil-frenc-tal-garb-fgeluq-il-amsin-sena.html

 

 

Intervista ma’ Frenċ tal-Għarb:

 

Id-dar ta’ Frenċ tal-Għarb:

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar Frenċ tal-Għarb huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

Qaddejja ta’ Alla Henry u Ineż Casolani

Verżjoni Vidjo: Qaddejja ta’ Alla Henry u Ineż Casolani

henry-casolani-2IL-KOPPJA HENRY (1917 – 1999)

U INEŻ CASOLANI (1915 – 1992)

Tagħrif: Henry Casolani twieled il-Belt Valletta fl-1917 iben George u Maria Concetta née Borg. Huwa miet fid-29 ta’ Diċembru 1999. Ineż Casolani née Vassallo twieldet Bormla fl-1915 bint Giovanni Felice u Giuseppina née Portelli. Inez mietet fit-13 ta’ Lulju 1992. Henry u Ineż iżżewġu fid-19 ta’April 1944 fil-knisja ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta. Is-sena ta’ wara twelditilhom tifla, Cecilia Mary, li baqgħet unika. Meta kibret din wieġbet ghas-sejħa ta’ ħajja kkonsagrata u daħlet mas-sorijiet ta’ St Joseph fl-1964. (ara Santa Emilja de Vialar – Fundatriċi tas-Sorijiet ta’ St. Joseph)

Henry u Ineż kienu żewġ persuni b’karattri kompletament differenti minn xulxin. Iżda kienu ta’ fehma waħda f’dik li hija fundamentali jiġifieri fl-unità, fl-imħabba t’Alla u li jgħixu l-ħajja nisranija flimkien fuq it-tagħlim ta’ Kristu u l-eżempju tal-Qaddisin. Alla kien dejjem iċ-ċentru ta’ ħajjithom.

Ħafna stqarrew li l-koppja Casolani kienu inseparabbli: fil-biċċa l-kbira joħorġu flimkien; jieklu flimkien; jitolbu flimkien; il-knisja flimkien. Il-Familja tagħhom kienet ikkonsagrata lill-Qalb ta’ Ġesù u l-Qalb ta’ Marija. Kienu kuntenti u koppja li jgħixu fl-armonija. Kienu jitkellmu b’imħabba u entużjażżmu fuq xulxin. Qabel u wara x-xogħol, Henry dejjem sab lil Ineż lesta biex tħejjilu l-ikel u tisimgħu. Ineż kellha ideat ċari tal-imġiba tal-mara mar-raġel. Lil Cecilia Ineż dejjem għallmitha tirrispetta lil missierha b’kull mod u manjiera.

Ineż kienet taħdem għall-għaqda fil-familji mhux biss bil-kliem iżda wkoll permezz tal-kitba tagħha. Fil-ħafna artikli li kitbet, u li ġew ippublikati, hija tat pariri lill-ommijiet biex lir-raġel tagħhom ma jwarrbuhx u juruh attenzjoni wara li jiġi mix-xogħol, minkejja li hemm it-tfal. Wissiet kontra ħbiberiji żejda u skorretti bejn miżżewġin u oħrajn. Kitbet “l-ewwel ħbiberija għandha teżisti bejn il-membri tal-familja – bejn l-omm u l-missier, bejn l-aħwa, bejn l-ulied u l-ġenituri. Hekk il-familja tkun unita’ u tgħix fil-hena u l-paċi.” Ħeġġet lill-miżżewġin biex jibqgħu jirrispettaw lill-ġenituri f’ħajjithom, anke wara mewthom. Tat pariri biex il-kunjati jħobbu lil żwieġ uliedhom bħallikieku uliedhom stess. Hija stess baqgħet dejjem iżżur spiss lill-familja ta’ Henry. Kitbet biex il-ġenituri jifhmu u jgħinu liż-żgħażagħ. Kitbet fuq ekonomija tad-dar biex il-familja titgħaxxaq bil-kumdità mingħajr ħela. Kitbet kemm felħet biex iġġib paċi u għaqda.

Il-koppja Henry u Ineż Casolani kienet miftuħa għall-oħrajn. Dejjem jippruvaw jgħinu lil batut. Kienu jżuru lill-morda fl-isparijiet. Ineż baqgħet tagħmel dan anki meta hija stess mardet gravament b’qalbha. Żaret anki lil dawk il-persuni li wrew qalb iebsa magħha. Kienu dejjem lesti li jissagrifikaw ruħhom għal ħaddieħor. Għalihom is-sagrifiċċju kien okkażjoni biex jagħtu akbar glorja lil Alla.

Bil-karattru ferrieħi tagħha u l-qalb kbira li kellha, in-nies kienu jfittxu lil Ineż għal parir u biex jiftħu qalbhom magħha. Henry, bil-kariżma tiegħu ta’ bniedem umli, ubbidjenti u skrupluż fil-qadi ta’ dmirijietu, rnexxielu jiġbed lil sħabu tax-xogħol dejjem iżjed lejn is-Sagramenti u d-dmirijiet spiritwali tagħhom. Qatt f’għomru ma lissen kelma kontra ħadd! Iżda kemm Henry kemm ukoll Ineż dejjem stqarrew pubblikament l-oppożizzjoni tagħhom għal dak li kien ħażin.

Il-mikbi Isqof Emeritus Nikol Cauchi qal hekk dwar Henry u Ineż Casolani: “Kienu koppja ta’ nsara ferventi, ta’ sentimenti reliġjużi mill-aħjar, ta’ nies ta’ qalb tajba, lesti dejjem li jgħinu l-proxxmu tagħhom kull meta tiġihom okkażżjoni li jagħmlu opra tajba.”

Il-ferħ tagħhom kien xhieda tal-preżenza tal-Mulej fosthom, magħqudin fit-talb. Monsinjur Lawrence Gatt ikkummenta: ‘Timpressjonak koppja hekk. Lili mpressjonani ħafna bniedem tal-età u l-esperjenza li kellu Henry Casolani meta tarah xhieda ta’ fedeltà li ma tmutx lejn it-twemmin tiegħu, lejn martu u bintu, lejn dak li għex dejjem għalih u mhux lest iħallih qatt. Daqqa ta’ ħarta solenni lil ċerti elementi tal-kultura ta’ żmienna.’

It-tnejn stinkaw biex il-Madonna tkun iżjed maħbuba minn kulħadd! Ineż kienet tħobbha wisq. Ir-Rużarju tal-familja ma fallewh qatt. L-aħħar kelmiet li lissen Henry kienu ‘Madonna ħenn għalija!’

Fuq kollox dak li kien jispikka f’ħajjithom kienet l-imħabba kbira lejn l-Ewkaristija Mqaddsa: il-vista ta’ kuljum, il-Quddiesa, l-adorazzjoni personali quddiem is-Sagrament! Kif stqarru l-ħafna xhieda, kienu magħqudin mhux biss fis-Sagrament taż-żwieġ imma fil-prattika kostanti tal-Kelma t’Alla.

Henry u Ineż Casolani mxew dejjem fuq it-tagħlim ta’ Kristu. Ma kienux jiġġudikaw lil ħaddieħor. Kienu jaħfru u jinsew d-deni li kien jirċievu. Henry kien jgħid, ‘Aħfer! Tpattix! Offriha għall-glorja t’Alla.’ u per eżempju ‘Int qed issostni li dan ir-raġel ma jixtieqlix il-ġid? Dan huwa l-ħabib tiegħi! Ma qatgħu qalbhom qatt mill-ħniena t’Alla! Meta marad, kull ma kien jgħid Henry kien: ‘Min jaf Kristu x’sofra!’ Ineż sejħet is-sofferenzi tagħha ‘bukkett ward’!

Ineż u Henry Casolani kienu l-ewwel edukaturi spiritwali ta’ binthom Cecilia. Meta din, l-uniku wild tagħhom, ta’ dsatax il-sena daħlet soru, is-sofferenza li l-firda ġiebet magħha qasmitilhom qalbhom. Imma għall-imħabba t’Alla u biex ma jmorru qatt kontra l-Volontà Tiegħu, lit-tifla bierkuha u baqgħu dejjem isostnuha bit-talb fil-ħidma u l-missjoni tagħha.

“Naraw f’Henry u Ineż Casolani eżempju li l-qdusija ma teżistix fl-affarijiet straordinarji, imma tikkonsisti f’li jkollok lil Alla f’qalbek, f’ħajtek u timxi fuq dak li jgħidlek Alla u dak li jixtieq Alla.” Prof Fr. Maurice Eminjan, s.j.

Din il-familja Casolani, familja domestika skont il-Konċilju Vatikan II, xandret bl-eżempju, bil-ferħ u mingħajr daqq ta’ trombi li l-familja hija teżor tal-knisja, ġawhra tas-soċjetà, u tama tal-umanità. L-eżistenza u l-eżempju tal-familja Casolani hija prova li, skont il-pjan ta’ Alla, il-familja hija l-qafas li fih il-persuna umana, magħmula xbieha t’Alla, titwieled, titrabba u timmatura fl-aqwa ambjent ta’ mħabba.

Meta Henry u Ineż Casolani qorbu lejn it-tmiem ta’ ħajjithom, aktar raw t-tama dejjiema li kellhom fil-Mulej tilħaq il-milja tagħha. Dwar dan, Patri Pawl Cremona o.p., li kien l-Arċisqof ta’ Malta (2007-2014) kiteb hekk: “Il-ħeġġa li Henry Casolani kellu fil-qari ta’ l-Iskrittura Mqaddsa kienet tirrifletti l-ħeġġa li kellu fil-ħajja biex igħix tajjeb, u jagħmel it-tajjeb. Din l-istess sempliċità Kristjana baqgħet tidher meta hu stess kien marid ħafna u kien qiegħed l-isptar, ftit qabel ma mar jiltaqa’ mal-Mulej fil-fiduċja li kellu fil-Mulej.”

Ftit mumenti qabel ma’ ttajret lejn is-sema Ineż kellha il-kuraġġ tikteb: ‘I take record of God… in Thee I have had my earthly joy’!

Imħabba qawwija għal Alla! Qalb kbira għall-proxxmu! Distakk mill-ispirtu tad-dinja! Dan ħaddnu f’ħajjtihom kollha Henry u Ineż Casolani.

 Il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin dwar il-Koppja Casolani

Jikteb l-Isqof Mario Grech

“F’waqt minnhom xħin konna għaddejjin bl-interventi fl-awla tas-Sinodu, issummajt u waqqaft widnejja biex nisma’ sew, għaliex kien qed jitkellem il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin u f’ħin bla waqt semma lil Malta tagħna. Fl-intervent tiegħu dan kien qed jgħid kemm hemm koppji li għandhom il-kawża għall-kanonizzazzjoni. Kien hawnhekk li semmiena b’isimna – kienet riferenza għall-koppja Henry u Ineż Casolani li għexu l-ħajja miżżewġa ta’ kuljum b’mod straordinarjament tajjeb. Fid-dettall ta’ ħajjithom ipprovaw jagħmlu kollox sew bi mħabba kbira lejn Alla u l-proxxmu. Ineż mietet fl-1992 u Henry fl-1999. F’dan il-każ għad m’hemmx proċess, imma saret talba lill-Kongregazzjoni biex meta jkun il-waqt, jibda l-istħarriġ.”  (10 ta’ Ottubru 2014)

Bidu tal-proċess djoċesan u publikazzjoni ta’ editti 

Il-Ħadd, 30 ta’ Awwissu 2015. Knisja ta’ San Duminku, Rabat, Malta.

Ilbieraħ l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa Quddiesa li matulha twaqqaf it-Tribunal li ser jisma’ l-kawżi għall-beatifikazzjoni u għall-kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla, Henry Casolani u ta’ martu, il-Qaddejja ta’ Alla, Ineż Casolani.

Il-Postulatur taż-żewġ kawżi huwa l-Kanonku Etienne Sciberras, li fil-bidu tal-Quddiesa għamel talba uffiċjali lill-Monsinjur Arċisqof biex iwaqqaf it-Tribunal.

Il-ftuħ taż-żewġ kawżi huwa meqjus bħala l-ewwel seduta tat-Tribunal li ser jagħti bidu għall-proċess djoċesan. Iċ-ċerimonja tal-bieraħ kienet waħda importanti fil-ħajja u fl-istorja tal-Knisja f’Malta għaliex dan hu l-ewwel każ f’Malta ta’ koppja miżżewġa li ser jiġi studjat. Fattur ieħor importanti hu li x-xhieda li tat tul ħajjitha l-koppja Casolani ser jibda jiġi studjat ftit qabel is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja, li sejjaħ il-Papa Franġisku u li jibda f’Ottubru li ġej.

Editt dwar il-proċess ta’ Henry Casolani […]

Editt dwar il-proċess ta’ Inez Casolani […]

L-Aġenzija Rome Reports b’rapport u video dwar dawn il-lajċi Maltin

Rome Reports, 1 Nov 2015: L-Aġenzja tal-aħbarijiet Rome Reports fl-edizzjoni tagħha tal-bieraħ ippublikat rapport dwar il-ħajja tal-koppja Maltija Henry u Ineż Casolani u l-bidu tal-proċess djoċesan tagħhom biex tibda l-kawża tal-beatifikazzjoni u eventwalment tal-kanonizzazzjoni. Ir-rapport jgħid li madwar 200 persuna ser jagħtu x-xhieda tagħhom f’dan il-proċess li jekk iwassal għall-kanonizzazzjoni, allura huma jingħaqdu mal-ġenituri ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux li kienu dikjarati qaddisin mill-Papa Franġisku ftit jiem ilu.

Ara r-rapport ta’ Rome Reports u l-video qasir mill-istess aġenzija […]

Kitbiet relatati …
Henry and Inez Casolani, Koppja Magħġuna fi Kristu,  (Anton Quintano)
Il-Koppja Qaddejja ta’ Alla, Henry u Inez Casolani, (Segretarjat għal-Lajċi, 18/09/2011)
Qaddejja ta’ Alla fiż-żwieġ u fil-familja, (Sit tal-Arċidjocesi ta’ Malta 17/09/2014)
Daughter reacts as Maltese couple is touted for canonisation. (Times of Malta 19/10/2014)
Mid-Djarju tas-Sinodu (5): Familji Qaddisa. (Newsbook 12/10/2014)
Koppja ta’ talb fil-qalba tal-ħajja. Vincent Cachia. (06/12/2014)
Henry and Inez Casolani – Icons of the true meaning of Christmas. (13/12/2014)

Min jaqla’ xi grazzja bl-interċessjoni tal-Qaddejja ta’ Alla, Henry u Ineż Casolani hu mitlub jikteb lil Fr Anthony Sciberras mssp, Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesu’, Victoria, Gozo jew email – tonysciberras@hotmail.com

Links about Henry and Ineż Casolani:

  1. http://www.laikos.org/aod-casolani.htm
  2. https://henryandinezcasolani.files.wordpress.com/2017/08/henry-u-inez-casolani-koppja-magc4a7c4a1una-fi-kristu.pdf
  3. https://www.newsbook.com.mt/archived-article/?article=l-ewwel-koppja-maltija-fit-triq-ghall-qdusija
  4. https://www.tvm.com.mt/mt/news/se-jinbeda-process-biex-l-ewwel-koppja-maltija-jsiru-beati-u-qaddisin/
  5. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20160918/religion/servants-of-god-henry-and-inez-casolani.625430
  6. http://www.inewsmalta.com/articles/article20367.html
  7. http://ms.maltadiocese.org/WEBSITE/2016/CIRKOLARI/06%20FTU%C4%A6%20TAL-KAW%C5%BBI%20G%C4%A6ALL-BEATIFIKAZZJONI%20U%20G%C4%A6ALL-KANONIZZAZZJONI%20-%2021.08.15.pdf
  8. https://parroccasafi.files.wordpress.com/2015/08/editt-inez-casolani1.pdf
  9. https://zenit.org/articles/cause-for-beatification-opens-for-maltese-married-couple/

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Playlist twila ta’ vidjos b’kitbiet u informazzjoni dwar il-koppja Henry u Ineż Casolani:

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar il-Qaddejja ta’ Alla, il-koppja Henry u Ineż Casolani hija kitba ta’ Anton Quintano. Il-kumplament tal-informazzjoni huwa meħud mis-sit tal-Laikos.

Qaddej ta’ Alla l-Isqof Emanuel Galea

Verżjoni Vidjo: Qaddej ta’ Alla l-Isqof Emanuel Galea

Emanuel_GaleaEMANUEL GALEA
Isqof
1891 – 1974

Tagħrif: Editt ta’ Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca jħabbar il-bidu tal-proċess għall-Beatifikazzjoni u Kanonizazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Mons. Isqof Emmanuel Galea.

L-Editt ta’ Mons. Arċisqof jgħid hekk:

“Il-Knisja f’Malta trodd ħajr lil Alla għaliex, speċjalment fl-aħħar seklu li għadu kemm intemm, kellha Isqfijiet li għexu l-vokazzjoni tagħhom ta’ rgħajja tal-merħla ta’ Kristu afdata f’idejhom f’dan l-ispirtu tal-Konċilju u kienu ta’ ġid kbir spiritwali u materjali għas-soċjeta’ Maltija. Fost dawn l-Isqfijiet, l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Isqof Emmanuel Galea, li għal aktar minn tletin sena kien Awżiljarju ta’ din l-Arċidjoċesi, kien xempju ta’ kif l-Isqof għandu jwettaq il-mandat li Alla afdalu. Fis-skiet, bl-għerf u bil-ħajja qaddisa tiegħu, Monsinjur Galea kien mhux biss ta’ għajnuna kbira għall-Arċisqof Mikiel Gonzi matul is-snin diffiċli tal-episkopat tiegħu, iżda kien ta sens ta’ direzzjoni lill-parrokat, lis-saċerdoti u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kellhom kuntatt miegħu. Kienet ukoll tispikka l-imħabba tiegħu lejn il-fqar u dawk li kienu fil-bżonn.

“L-Isqof Galea twieled l-Isla fl-10 ta’ Marzu 1891, l-iżgħar fost ħames ulied ta’ Ġużeppi Galea u Carmela mwielda Camilleri. Kellu trobbija reliġjuża tajba ħafna. Iż-żewġ ħutu l-oħra subien ukoll saru saċerdoti. Ħa l-edukazzjoni sekondarja tiegħu fil-Liċeo. Fl-1909 beda kors fl-Universita’ ta’ Malta fejn iggradwa bil-Baċċellerat fil-Letteratura fl-1913 u Duttur tat-Teoloġija fl-1916. Wara li temm l-istudji tiegħu ġie ordnat saċerdot fit-18 ta’ Diċembru 1915, flimkien ma’ ħuħ, Dun Franġisk.

“Fl-1917 kien maħtur Kanonku Teologu tal-Kolleġjata tal-Isla, fejn baqa’ jservi sas-sena 1932 meta nħatar Kanonku tal-Kattidral ta’ Malta. Fl-1921 l-Arċisqof Mauru Caruana, OSB, bagħtu Ruma biex jistudja l-Liġi Kanonika minn fejn ħa d-Dottorat mill-Universita’ Gregorjana.

“Meta rritorna Malta mill-istudji, l-Isqof Galea kien maħtur Prefett tal-Istudji u Professur tal-Letteratura Latina fis-Seminarju Arċiveskovili. Fl-1930 kien maħtur Professur tal-Liġi Kanonika fl-Universita’ ta’ Malta, u fl-istess sena l-Arċisqof Caruana għażlu bħala Segretarju Ġenerali tiegħu u Difensur taż-żwieġ fit-Tribunal Ekkleżjastiku. Fl-1940 kien maħtur Vigarju Ġenerali. Ta’ min isemmi wkoll li kien Assistent Ekkleżjastiku taż-żgħażagħ u tas-sezzjoni tal-Gradwati tal-Azzjoni Kattolika. Meta miet il-Qaddej ta’ Alla Monsinjur Ġużeppi Depiro, Monsinjur Galea ġie maħtur Direttur tal-Istitut ta’ Ġesu’ Nazzarenu fiż-Żejtun, kariga li baqa’ jżomm sa mewtu.

“Fl-aktar żmien kritiku għal Malta waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, fid-9 ta’ Ġunju 1942, Monsinjur Galea kien nominat Isqof Titulari ta’ Tralles u Awżiljarju tal-Isqof ta’ Malta. Kien ikkonsagrat Isqof fil-Kattidral tal-Imdina fil-5 ta’ Lulju 1942.

“Bħala Isqof, Monsinjur Galea ta l-kontribut validu tiegħu mhux biss għall-Knisja f’Malta iżda wkoll għall-Knisja Universali, speċjalment waqt il-Konċilju Vatikan II. Kien preżenti għal diversi mis-sessjonjiet tal-Konċilju u għamel l-interventi tiegħu fuq id-duttrina tal-kolleġjalita’ tal-Isqfijiet, l-attivita’ missjunarja tal-Knisja, l-importanza tad-devozzjoni Marjana fil-formazzjoni saċerdotali, il-liberta’ reliġjuża u l-Knisja fid-Dinja tal-Lum.

“F’Malta, l-Isqof Galea kien magħruf minn kulħadd għall-qdusija tiegħu. Kienet tispikka l-umilta’ tiegħu. Kien bniedem ta’ talb, appostlu tal-konfessinarju u predikatur assidwu. Kulħadd jiftakar l-artikli qosra, iżda mimlijin għerf, li kien jikteb regolarment fil-Leħen is-Sewwa. Ma tistax tintesa l-għajnuna li, matul l-episkopat tiegħu, ta kemm lill-Arċisqof Caruana, u ferm aktar, kif ħafna minna jiftakru, lill-Arċisqof Mikiel Gonzi matul is-snin diffiċli tal-episkopat tiegħu. Il-qdusija, l-għerf, il-prudenza u l-umilta’ tiegħu servew ta’ ġid mhux biss għall-Arċisqof Gonzi, iżda għall-Arċidjocesi tagħna kollha.

“Mitlubin mill-Postulatur tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni tal-istess Isqof Monsinjur Emmanuel Galea biex jingħata bidu għal din il-kawża, skont in-Normi tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin, wara li kkonsultajna rwieħna mal-Eċċellenza Tiegħu l-Isqof ta’ Għawdex, qed nippubblikaw dan l-Editt biex nitolbu lil kull min għandu xi kitba tal-Isqof Galea jgħaddiha fil-Kanċellerija tat-Tribunal Metropolitan fil-Kurja Arċiveskovili, Valletta. B’kitba nifhmu mhux biss dik stampata iżda wkoll manuskritti, id-djarji, ittri u kull kitba oħra privata ta’ dan il-Qaddej ta’ Alla. Dawk li jixtiequ li jżommu l-oriġinal jistgħu jippreżentaw kopja li, wara li tkun verifikata mal-oriġinal, tiġi awtentikata mill-Kanċellier tal-istess Tribunal.”

Links about Bishop Emanuel Galea:   

  1. https://mt.wikipedia.org/wiki/Emmanuel_Galea
  2. http://thechurchinmalta.org/en/posts/21249/tifkira-tal-mewt-tal-isqof-emanuel-galeamass-for-bishop-emanuel-galea
  3. http://thechurchinmalta.org/en/posts/15205/95-years-since-gods-servant-bishop-emanuel-galea-was-ordained-to-the-priesthood95-sena-mill-ordinazzjoni-sacerdotali-tal
  4. http://thechurchinmalta.org/en/posts/20483/anniversary-of-the-episcopal-ordination-of-bishop-emanuel-galeal-anniversarju-tal-ordinazzjoni-episkopali-tal-isqof-eman
  5. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20140824/life-features/Bishop-Emmanuel-Galea-a-saintly-prelate-remembered.533272

Nota: It-Tagħrif dwar il-Qaddej ta’ Alla l-Isqof Emanuel Galea huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

13 ta’ Awwissu: San Ponzjanu u San Ippolitu

Verżjoni Vidjo: San Ponzjanu u San Ippolitu

“Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen. Jekk ngħidu li ma dnibniex, nkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina.” – 1Ġwanni 1:8-10.

7d76a50f42c993f6b70d5efb1160b5f3SAN PONZJANU (Papa u Martri)

SAN IPPOLITU (Saċerdot u Martri) ? – 235

Tagħrif: San Ponzjanu sar Papa fis-sena 230. Sentejn wara, sejjaħ sinodu f’Ruma li kkonferma l-kundanna tat-teologu kbir Oriġene ta’ Lixandra (185 – 253).

Fis-sena 235, fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Ruman, Massiminu, Ponzjanu kien eżiljat f’Sardinja biex jaħdem fil-minjieri. Hemm iltaqa’ ma’ San Ippolitu li hu wkoll kien eżiljat mill-istess Imperatur. It-tnejn mietu minħabba t-tbatija li sofrew. San Ponzjanu kien ilu Papa ħames snin, u San Ippolitu kien ilu Antipapa tmintax-il sena. It-tnejn mietu fil-paċi ma’ xulxin. Ippolitu kien irreżenja minn Antipapa, u Ponzjanu rriżenja minn Papa biex jilħaq ieħor floku.

San Ippolitu twieled għall-ħabta tas-sena 170. Kien ġa qassis magħruf meta fis-sena 202 Oriġene semgħu jipprietka, f’Ruma. X’aktarx li kien dixxiplu ta’ San Irinew u ta’ San Klement minn Lixandra. Kien wieħed mill-aqwa teoloġi tal-Knisja fit-tielet seklu, u ħadem bis-sħiħ kontra l-ereżija ta’ żmienu. Kien tant imħeġġeġ li saħansitra akkuża lill-Papa San Żeferinu li ma kienx pront biżżejjed biex jintebaħ bl-ereżija u jikkundannaha. Hekk ukoll reġa’ għamel mal-Papa San Kallistu li kien tela’ wara San Żeferinu, anzi din id-darba ħalla lilu nnifsu jiġi elett l-ewwel Antipapa mill-grupp li kellu madwaru. Baqa’ Antipapa wkoll fi żmien San Urbanu u San Ponzjanu suċċessuri ta’ San Kallistu.

Uħud mill-opri tal-kitba tiegħu huma “It-Tradizzjoni Appostolika,” “Rifjutazzjoni tal-Ereżijiet kollha,” u “Philosophoumena.”

Ippolitu rrekonċilja mal-Knisja permezz tal-Papa Ponzjanu, forsi ftit qabel ma t-tnejn kienu eżiljati f’Sardinja. L-iġsma tagħhom ġabuhom Ruma u difnuhom bl-unuri kollha ta’ martri. Lil Ponzjanu difnuh fiċ-ċimiterju ta’ Kallistu, u lil Ippolitu fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka fit-triq Tiburtina, fejn l-ammiraturi tiegħu għamlulu statwa li llum tinsab fil-Librerija Vatikana.

Ħsieb: San Ippolitu kien difensur qawwi tal-Ortodossija, u ammetta l-eċċessi tiegħu permezz tar-rikonċiljazzjoni umli tiegħu. Huwa ma kienx eretiku formali, iżda dixxiplinarju żejjed. Dak li ma setax jitgħallem fil-qalba tiegħu bħala riformatur pur, huwa tgħallem fl-uġigħ u d-deżolazzjoni tal-priġunerija. Kien avveniment simboliku adattat li l-Papa San Ponzjanu qasam miegħu fil-martirju.

Jista’ jiġrilna li minħabba entużjażmu żejjed (jew injoranza!) nagħmlu lilna nfusna nsara iktar mill-istess Papa, jew qaddisin iktar mill-Knisja stess. Naħsbu li kulħadd hu żbaljat u aħna biss għandna raġun (meta fir-realtà jkun il-kuntrarju). Hekk ġralu San Ippolitu. Jekk diżgrazzjatament jiġrilna xi ħaġa simili, jalla jkollna wkoll il-grazzja li kellu l-Qaddis, li nammettu l-iżball tagħna u nirrikonċiljaw bl-umiltà kollha.

Kemm hi meħtieġa din l-imbierka UMILTA’! Mingħajrha m’hemmx salvazzjoni għax biex wieħed jammetti li żbaljat jew midneb, dejjem jeħtieġlu jitgħannaq mal-umiltà! Imma din l-umiltà għadha moda fi żminijietna llum fejn id-dinja tipproponilna l-importanza ta’ x’naħseb u x’irrid ‘jien,’ anki jekk f’dan kollu tidher l-arroganza aktar milli l-umilta’ li n-nisrani tant jeħtieġ? Il-bniedem kemm għadu jfittex il-Verità b’umiltà?

Il-Papa Franġisku qal dan li ġej dwar l-umiltà nhar it-It-Tnejn, 8 ta’ April 2013:

“L-umiltà hija r-regola tad-deheb: għan-nisrani li tagħmel progress ifisser li titbaxxa. U huwa propju fuq it-triq tal-umiltà, magħżula minn Alla stess, li jgħaddu l-imħabba u l-karità. L-istorja kollha tal-fidi, hija magħmula minn umiltà u tkellem lilna lkoll dwar l-umiltà. Huwa hekk ukoll minħabba l-fatt storiku tat-twelid ta’ Ġesù. Jidher li Alla ried li kull ġrajja ssir bil-moħbi, li ma ssirx pubblika, li tkun bħallikieku miksija bid-dell tal-Ispirtu Santu. Hekk hu għaliex – żied – kollox isir fit-triq tal-umiltà. Alla, umli, jitbaxxa: jiġi għandna u jitbaxxa. U jkompli jitbaxxa sas-salib.

Fil-waqt tal-annunzjazzjoni wkoll Marija titbaxxa: ma tifhimx sewwa, imma hija libera: tifhem biss l-essenzjali. U tgħid ‘iva.’ Hija umli: ‘Issir ir-rieda ta’ Alla.’ Titlaq ruħha għar-rieda ta’ Alla. U Ġużeppi, l-għarus tagħha – ukoll hu jitbaxxa u jġorr fuqu nnifsu din ir-responsabiltà hekk kbira. Ġużeppi, jgħid ukoll ‘iva’ lill-anġlu meta, waqt li kien rieqed, qallu dik il-verità.

Propju l-istil ta’ Marija u ta’ Ġużeppi juri li l-imħabba kollha ta’ Alla, biex jasal għalina, jaqbad it-triq tal-umiltà. Alla umli li ried jimxi mal-poplu tiegħu. Nirreferi għall-ktieb tad-Dewteronomju meta Alla qal: ‘Jien ħriġtkom fid-deżert bħal ma missier joħroġ lil ibnu.’ Alla, umli u tant tajjeb. L’Alla paċenzjuż. Dan huwa differenti mill-atteġġjament tal-idoli; l-idoli huma qawwija, jinstemgħu: ‘hawn nikkmanda jien!’

Alla tagħna – għaliex huwa veru, għaliex mhux Alla taparsi, mhux Alla tal-injam, magħmul mill-bnedmin, huwa veru – jippreferixxi imur hekk, għal għonq it-triq tal-umiltà. Din l-imħabba kollha fuq din it-triq tal-umiltà. Li tkun umli ma jfissirx li tmur hekk fit-triq, b’għajnejk baxxi: le, le. L-umiltà hija dik ta’ Alla li jgħallimna, dik ta’ Marija, dik ta’ Ġużeppi. U l-umiltà hija dik ta’ Ġesù, li jispiċċa fuq is-salib. U din hija r-regola tad-deheb għan-nisrani: timxi ‘l quddiem, tavvanza u titbaxxa. Ma tistax tmur fi triq oħra. Jekk jien ma nitbaxxiex, jekk int ma titbaxxiex, m’intix nisrani. ‘Imma għaliex għandi nitbaxxa?’ Biex tħalli li l-karità kollha ta’ Alla tiġi f’din it-triq, hija l-unika li huwa għażel – ma għażilx triq oħra – li tispiċċa fuq is-salib. U mbagħad fit-trijonf tar-Resurrezzjoni. 

It-trijonf tan-nisrani jieħu din it-triq tat-tbaxxija. Inħarsu lejn Ġesù li jibda jitbaxxa f’dan il-misteru hekk sabiħ. Inħarsu lejn Marija, inħarsu lejn Ġużeppi. U nitolbu l-grazzja tal-umiltà. Imma din l-umiltà li hija t-triq li minnha bla ebda dubju tgħaddi l-karità. Meta Pawlu jgħidilna: ‘aħsbu li l-oħrajn huma aħjar minnkom, kultant huwa diffiċli li taħsbu.’ Imma Pawlu jaħseb dwar dan il-misteru, dwar din it-triq, għaliex hu fl-iktar qiegħ ta’ qalbu jaf li l-imħabba biss tgħaddi minn din it-triq tal-umiltà. Infatti jekk m’hemmx umiltà, l-imħabba tibqa’ imblukkata. Ma tkunx tista’ tkompli timxi. Nitolbu, mela, il-grazzja tal-umiltà lill-Madonna, lil San Ġużepp u lil Ġesù.”

  • U int tammetti żball bħal ma għamel San Ippolitu?
  • Tuża s-Sagrament tal-Qrar biex dan inaddfek u jsaħħek ħalli tipprova ma terġax taqa’ f’xi żball?
  • Kemm tiskuża ruħek u titlob maħfra fejn ikun hemm bżonn?

Talba: Is-sabar għażiż tal-qaddisin tiegħek, Mulej jagħtina l-għajnuna biex nikbru fi mħabbtek u biex nitwettqu dejjem iżjed fil-fidi mqaddsa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-pontian-and-st-hippolytus-559

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-pontian-and-hippolytus/

Wikipedia about Pope Saint Pontian: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Pontian

Wikipedia about Saint Hippolytus: https://en.wikipedia.org/wiki/Hippolytus_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

1 ta’ Awwissu: San Alfons Marija De Liguori

Verżjoni Vidjo: San Alfons Marija De Liguori

“Il-Mulej jaqtagħalhom xewqithom lil dawk li jibżgħu minnu, jisma’ l-għajta tagħhom, u jsalvahom. Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha. Kull min hu mwieled minn Alla ma jagħmilx dnub, għax iż-żerriegħa ta’ Alla tibqa’ fih.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Alfons Marija De Liguori (Salm 144(145):19-20; 1 Ġwanni 3:9).

santo-afonso-1.jpgSAN ALFONS MARIJA DE LIGUORI
Isqof u Duttur tal-Knisja
1696 – 1787

Tagħrif: San Alfons twieled f’Marianella, qrib Napli, l-Italja, fil-21 ta’ Settembru, 1696. Kien student intelliġenti ħafna, tant li fl-1713, fl-età ta’ 16-il sena kien ġa kiseb id-dottorat fil-liġi ċivili u fil-liġi kanonika, b’dispensa ta’ erba’ snin qabel iż-żmien, mill-Università ta’ Napli.

Sentejn wara beda jipprattika ta’ avukat, iżda wara tmien snin meta kien ġa akkwista fama kbira, u kellu quddiemu futur brillanti, tilef kawża importanti ħafna. Din kienet daqqa ta’ ħarta kbira għalih, u għallmitu x’kienet taf tagħti d-dinja. Hu stess qal: “Ja dinja, issa għaraftek. U intom ja qrati, qatt mhu ser tarawni aktar hawn ġew.”

Wara xi xahar iddeċieda li jħalli l-professjoni tiegħu u jidħol patri. Fil-fatt ma damx ma beda jistudja t-teoloġija mal-patrijiet Lazzaristi. Dan ġara fl-1723. Fl-1726 ordna saċerdot, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jipprietka u jqarar.

Fl-1731, hu mar Scala, u bil-għajnuna tal-Isqof tal-post u ta’ saċerdot ieħor waqqaf l-Ordni tas-Sorijiet Redentoristi. Sena wara, fi Scala wkoll, waqqaf il-Patrijiet Redentoristi, bil-għan prinċipali li jiddedikaw ruħhom għall-prietki, jagħtu l-irtiri, jagħmlu l-missjonijiet u attivitajiet spiritwali oħra. Fl-1743, San Alfons kien elett Superjur Ġenerali, u fl-1749 il-Papa Benedittu XIV għaraf uffiċjalment l-Ordni.

Fl-1762, meta San Alfons kellu 65 sena, il-Papa Klement XIII ħatru Isqof ta’ Santa Agata dei Goti. Tlettax-il sena wara rriżenja minħabba saħħtu, ħalla d-djoċesi u mar jgħix f’Noċera f’wieħed mill-kunventi ta’ l-Ordni tiegħu.

Sfortunatament, ir-Redentoristi kellhom ħafna nkwiet intern. Fl-1780, qarrqu bih, u ffirma dokument li qasam l-Ordni tiegħu f’żewġ gruppi. Meta sama’ x’kien għamel iddispjaċih ħafna. Iżda erba’ snin biss wara mewtu, iż-żewġ gruppi reġgħu ngħaqdu.

San Alfons miet f’Noċera, fl-1 ta’ Awwissu 1787, ta’ 91 sena. L-iktar kotba magħrufin tiegħu huma “It-Teoloġija Morali,” “Il-Glorji ta’ Marija,” u “Il-Visti lil Ġesù Sagramentat.” Fl-1839, il-Papa Girgor XVI ikkanonizzah, u l-Papa Piju IX iddikjarah Duttur tal-Knisja fl-1871.

Aktar dettali
San Alfons kien iben ta’ kaptan tax-xwieni rjali. Meta kien qed jagħti rtir f’kunvent tas-sorijiet fi Scala, iltaqa’ ma’ Swor Marija Celeste u għarrfitu b’viżjoni li kellha dwar twaqqif ta’ ordni reliġjuża ġdida – u li kienet taqbel ma’ viżjoni oħra li l-Isqof Falcoia kellu aktar qabel f’Ruma. Il-qaddis għaraf li l-viżjoni kienet ġenwina. Alfons għalhekk, sena wara (fl-1731), organizza l-kunvent tas-sorijiet skont ir-regola li Swor Celeste kellha fil-viżjoni, u twaqqfet il-kongregazzjoni tas-sorijiet tas-Santissimu Redentur.

Hu mar joqgħod fi Scala fejn hemm ta bidu għat-twaqqif tal-fergħa tal-irġiel tal-Kongregazzjoni tas-Santissimu Redentur, imsejħin Redentoristi. Dawn huma ddedikati biex jipprietkaw missjonijiet speċjalment fi nħawi traskurati. L-ordni tar-Redentoristi kibret u fl-1743, il-Kunsill Ġenerali għażel lil Alfons bħala superjur.

Matul il-biċċa l-kbira tal-91 sena ta’ ħajtu, San Alfons kellu vot li ma jaħlix mument żmien. Barra li pprietka kemm felaħ missjonijiet fil-kampanja u fl-irħula, iddedika ruħu għall-kitba. Irrifjuta li jsir Isqof ta’ Palermo, imma fl-1762 kien imġiegħel jaċċetta li jsir Isqof ta’ Sant’Agata dei Goti ħdejn Napli.

Huwa inawgura programm maħsub biex jirriforma l-kleru, il-monasteri, u d-djoċesi kollha kemm huma, u ħabrek biex itaffi l-kundizzjonijiet tal-fqar u tal-injoranza.

Marid u batut bir-rewmatiżmu, li ħallieh ipparalizzat sakemm miet, huwa rriżenja minn isqof fl-1775 (wara li kien ilu 13-il sena) u rtira f’Noċera. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu, meta naqaslu ħafna d-dawl ta’ għajnejh, sofra ħafna minħabba l-ordni tiegħu. Fl-aħħar ftit snin ta’ ħajtu sofra wkoll minn dipressjoni kbira spiritwali u għadda minn dak li hu msejjaħ il-lejl mudlam tar-ruħ. Imma mbagħad dan l-istat inbidel fi żmien ta’ paċi u dawl mis-sema, u esperjenza viżjonjiet, estasijiet u anki pprofetizza ġrajjiet li seħħew wara.

Ħsieb: Qari mill-Opri tal-Isqof San Alfons Marija de’ Liguori bit-titlu ‘L-imħabba ta’ Kristu’:

“Il-qdusija u l-perfezzjoni spiritwali tinsab kollha fl-imħabba lejn Ġesù Kristu, Alla tagħna, li hu l-aqwa ġid u l-Feddej tagħna. L-imħabba hi dik li tgħaqqad flimkien u tħares il-virtujiet kollha li jagħmlu lill-bniedem perfett.

Forsi Alla ma jistħoqqlux l-imħabba kollha tagħna? Hu ħabbna sa minn dejjem. Huwa jgħidilna: ‘Ġib quddiem għajnejk, ja bniedem, li jien ħabbejtek l-ewwel. Kont għadek ma rajtx id-dawl, id-dinja kienet għadha ma saritx, imma jien kont ġa ħabbejtek. Ili nħobbok minn kemm ili neżisti.’

Alla jaf li l-bniedem jinġibed lejn min jagħmillu l-ġid, u għalhekk ried jagħtih id-doni tiegħu biex iħajru jintrabat miegħu bl-imħabba: “Irrid naqbad lill-bnedmin għal imħabbti bl-istess xbiek li huma stess iħallu ‘l min jaqbadhom: bix-xbiek tal-imħabba.”

Kien għalhekk li hu ta dawk id-doni kollha lill-bniedem. Tah ir-ruħ, u żejjinhielu bil-memorja u d-dehen u r-rieda biex ikun jixbah lilu; tah il-ġisem mogħni bis-sensi; u ħalaq għalih is-smewwiet u l-art bit-tiżjin kollu tagħhom. Dan kollu għamlu għall-imħabba tal-bniedem, biex il-ħlejjaq kollha jaqdu lill-bniedem, u l-bniedem iħobb lil Alla biex iroddlu ħajr għal dan il-ġid kollu.

U mhux biss ried jagħtina dawn il-ħlejjaq sbieħ, imma, biex nagħtuh imħabbitna, wasal ukoll li jagħtina lilu nnifsu kollu kemm hu. Huwa tana lil Ibnu l-waħdieni: sa hawn wasal il-Missier etern! Huwa rana lkoll mejtin minħabba dnubietna, rana nieqsa mill-grazzja tiegħu; x’għamel? L-imħabba bla tarf li għandu għalina ġagħlitu jibgħtilna lil Ibnu l-għażiż, biex iħallas għalina u jroddilna l-ħajja li tlifna bid-dnub.

Biex jeħles lilna, anqas lil Ibnu stess ma ħelisha, imma tah għalina, u flimkien miegħu tana kull ġid, jiġifieri, il-grazzja, l-imħabba u l-ġenna, ġid li żgur huwa inqas minn Ibnu: Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħelisha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?”

“Din hi l-paċi li tibqa’ għal dejjem, li fl-esperjenza tal-qaddisin, tegħleb kull għerf. Tgħaddi kull pjaċir li jegħleb kull sodisfazzjon mis-sensi, minn laqgħat soċjali, xalati u pjaċiri oħra tad-dinja; huma kemm huma fiergħa u qarrieqa, isaħħru s-sensi għal dak il-mument, imma ma jagħtux il-ferħ dejjiemi; minflok iweġġgħu lill-bniedem fil-qiegħ ta’ ruħu fejn tassew jinsab il-veru paċi.” ~ San Alfons Marija de Liguori

Meta San Alfons induna li kien ittradut, beka bil-kbir. Ipprova bil-kwiet u bl-ordni jirranġa l-iżball għalkemm ma rnexxilux, iżda qatt ma tilef il-paċi ta’ qalbu. Ġesù wkoll kien ittradut b’bewsa!

  • Jekk qatt xi ħadd jidħak bik (jingannak, jittradik, iqarraq bik, issirlek xi inġustizzja) x’ser tagħmel malli tintebaħ b’dak li jkun ġralek?
  • Ser tnissel fik mibegħda, ser tpatti u tivvendika ruħek?

Talba: O Alla, int dejjem ixxettel fil-Knisja tiegħek eżempji ġodda tal-virtù; agħtina li, fil-ħidma għall-erwieħ, ikollna l-ħerqa tal-Isqof San Alfons Marija de’ Liguori, biex miegħu nissieħbu fil-premju tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-alphonsus-liguori/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-alphonsus-liguori-550

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Alphonsus_Liguori

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

29 ta’ Lulju: Santa Marta

Verżjoni Vidjo: Santa Marta

“Wara li Ġesù qajjem lil Lazzru mill-imwiet, għamlulu ikla f’Betanja, u Marta bdiet isservi. Marija ħadet libbra żejt tan-nard safi, jiswa ħafna u dilket bih riġlejn Ġesù.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Marta.

Marthe-et-MarieSANTA MARTA
L-ewwel Seklu

Tagħrif: Santa Marta, oħtha Marija u ħuha Lazzru, kienu jgħixu f’Betanja, raħal xi 3 km ’l bogħod minn Ġerusalemm. Jidher li kienu ħbieb ħafna ma’ Ġesù, u kienu spiss jilqgħuh f’darhom. San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu jgħidilna b’mod partikolari li Ġesù kien iħobbhom. (Ġwanni 11:5)

Marta aktarx li kienet il-kbira fost l-aħwa, isimha, bl-Aramajk ifisser il-“Padruna tad-dar.”

Darba waħda, meta Ġesù kien għandhom, hi kienet imħabbta ħafna tnewwel u taqdi, waqt li Marija kienet bilqiegħda f’riġlejn Ġesù tisma’ kliemu. Ħin minnhom talbet lil Ġesù jgħid lil Marija biex tmur tgħinha. Ġesù weġibha b’dik is-sentenza stupenda: ” Marta! Marta! Inti taħseb u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex.” (Luqa 10:41)

Fil-Vanġelu nerġgħu niltaqgħu ma’ Marta fl-okkażjoni tal-qawmien mill-mewt ta’ Lazzru. Marta semgħet li Ġesù kien ġej għandhom, u marret tiġri tilqgħu meta kien għadu ftit ’il bogħod mid-dar. Qaltlu: “Mulej, li kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, naf li kull ma titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.” Qalilha Ġesù: ”Jiena hu l-qawmien u l-ħajja; u kull min hu ħaj u jemmen fija, ma jmut qatt. Temmen dan?” ”Iva, Mulej,” qaltlu hi, “Jien nemmen li int il-Messija, Bin Alla, li ġie fid-dinja.”

Marta marret tiġri d-dar tgħid lil oħtha li kien ġej għandhom Ġesù u li kien staqsa għaliha. Marija ħalliet kollox u marret tiġri tiltaqa’ ma’ Ġesù li kien għadu barra mir-raħal, fejn kienet iltaqgħet miegħu Marta.

Ġesù wasal għandhom meta Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem midfun. Fl-aħħar Ġesù resaq lejn il-qabar fejn kien midfun Lazzru u ordna jneħħu l-ġebla li kienet tagħlaq id-daħla tal-qabar. Marta ħasbet li Ġesù ried jara lil ħabibu għall-aħħar darba u qaltlu: “Imma, Mulej, ilu ġa erbat ijiem mejjet.” Ġesù weġibha: “Mela ma għedtlekx jien, li jekk temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Hawnhekk id-dmugħ tan-niket ta’ dawk preżenti nbidel fi dmugħ ta’ ferħ għax għall-kelma ta’ Ġesù, Lazzru qam mill-mewt. (Ġwanni 11: 1-44)

San Ġwann jerġa’ jsemmi lil Marta waqt ikla li hi u ħutha għamlu lil Ġesù. Hemm ukoll insibu Marta sservi.

Wara din il-ġrajja ma niltaqgħu qatt iktar magħha. Santa Marta hi l-Patruna tan-nisa tad-dar, tal-lukandiera u tal-koki.

Aktar dettali
Meta Ġesù kien fil-Ġudija, spiss kien imur darhom. San Luqa (38:42) jippreżentahielna l-ewwel darba titħabat biex taqdi ’l Ġesù waqt li Marija kienet bilqiegħda f’riġlejn Ġesù tisma’ kliemu. Bdiet tgemgem ma’ Ġesù fuq oħtha għaliex ħallietha weħedha titħabat u talbitu biex jgħidilha ħalli tgħinha. Iżda Ġesù fissrilha li l-istess imħabba lejh li kienet iġġagħalha tħabrek biex taqdih, kienet iżżomm lil Marija msaħħra f’riġlejh.

Tennielha isimha darbtejn biex iwissiha bil-ħlewwa li waqt li kienet taqdih, ma kellhiex tgemgem u titlef il-paċenzja; u fl-istess ħin għarrafha li l-ħajja kontemplattiva ma hi xejn anqas għal qalbu mill-ħajja attiva. Anzi, l-aqwa unur li r-ruħ tista’ tagħmillu hi, li tħalli kollox biex tisma’ kliemu, bħalma għamlet Marija li għażlet l-aħjar parti, u dik li tibqa’ anki fis-sema – il-kontemplazzjoni u l-għaqda m’Alla.

Leġġenda tgħid li Marta, flimkien ma’ Marija u ma’ Lazzru, marret Marsilja fejn għexet ġo speċi ta’ għar ma’ nisa oħra u fejn mietet għanja bil-mertu u bil-grazzja.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-isqof Santu Wistin bit-titlu ‘Hienja għax laqgħu ‘l Kristu għandhom’:

“Sidna Ġesù Kristu jwissina li, fost il-ħafna taħbit ta’ din id-dinja, aħna mexjin lejn xi mkien. Mexjin għax għadna ‘l bogħod biex nidħlu f’postna; għadna fit-triq, ma wasalniex id-dar; għadna bix-xewqa tagħha, ma bdejniex ingawduha. Imma mexjin, mexjin bla ma nitgħażżnu jew nieqfu, biex xi darba jirnexxielna naslu.

Marta u Marija kienu żewġt aħwa mhux biss fil-ġisem iżda wkoll fis-sentimenti reliġjużi tagħhom. It-tnejn ingħaqdu mal-Mulej, it-tnejn b’qalb waħda qdew lill-Mulej meta kien fid-dinja. Marta laqgħetu għandha, kif wieħed jilqa’ l-għorba; iktar minn hekk, laqgħetu kif il-qaddejja tilqa’ lil Sidha, il-marida lis-Salvatur li jfejjaqha, il-ħlejqa lill-Ħallieq. Hi, li kienet teħtieġ l-għajxien tal-Ispirtu, laqgħet lil dak li kien jeħtieġ l-għajxien bħala bniedem. Għax il-Mulej għoġbu jidher taħt sura ta’ qaddej, u f’din is-sura ta’ qaddej ried ikun moqdi bl-ikel mill-qaddejja tiegħu, għax hekk għoġbu, mhux għax kien minnu nnifsu qaddej. Deher bħala wieħed li jenħtieġ l-għajxien, u din ukoll kienet umiljazzjoni tiegħu. Deher bħala bniedem f’ġisem li jagħmel bih il-ġuħ u jieħdu l-għatx.

Marta mela laqgħet bil-qalb lil Sidha bħala qarib, lil dak li ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx; imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla; hu ta’ l-adozzjoni lill-qaddejja u għamilhom ħutu, ta’ l-fidwa lill-ilsiera u għamilhom werrieta flimkien miegħu.

Qisu li ħadd minnkom ma jgħid: ‘Henjin dawk li stħaqqilhom jilqgħu lil Kristu għandhom!”’Issewwidx qalbek u tgemgimx jekk twelidt fi żmien meta ma tistax tara lill-Mulej fil-ġisem: għax hu ma ċaħħdekx minn dan il-ġieħ. Qallek: ‘Kemm għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’

Mill-bqija, Marta, ħallini ngħidlek: imbierka int li tajt servizz hekk tajjeb; bħala ħlas tat-taħbit tiegħek m’intix tfittex ħlief il-mistrieħ. Għalissa qiegħda tieħu rasek u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ, u hawnhekk trid taħseb għall-ikel ta’ min hu bniedem, ukoll jekk qaddis. Taħseb int li, meta tasal f’dik id-dar, se ssib iżjed għorba li tilqagħhom għandek bil-qalb? Li se ssib iżjed min hu bil-ġuħ biex titimgħu, min hu bil-għatx biex tisqih, min hu marid biex iżżuru, min hu mitlewwem biex tagħmlu paċi, min hu mejjet biex tidfnu?

Le, hemmhekk m’int se ssib xejn minn dan. Mela x’se ssib? Issib dak li għażlet Marija; insibu min jgħajjex lilna, mhux ngħajxu lill-oħrajn. Jiġifieri, dak li Marija għażlet hawnhekk, hemm insibuh fil-milja sħiħa tiegħu; ma niġbrux il-frak, kif għamlet Marija hi u tisma’ l-kelma tal-Mulej, imma nsibu mejda għanja. Tridu tafu xi nsibu hemmhekk? Il-Mulej stess qal għall-qaddejja tiegħu: ‘Tassew, ngħidilkom, li jqegħedhom fuq il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom.”‘

Marta qalet lil oħtha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek.” Ġesù qed isejjaħ lil kull wieħed u waħda minna – lilek ukoll li qed taqra dan bħalissa!

  • Min ma jagħtix kas u jibqa’ indifferenti,
  • u min jeħodha kontrih u joffendih, u
  • min jilqgħu u jsir iħobbu bis-serjetà, u jobdi Kelmtu.

Inti f’liema kategorija taqa’?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, Ibnek Ġesù għoġbu li Santa Marta tilqgħu għandha bil-qalb; bit-talb tagħha, agħtina li naqdu bil-fedeltà lil ħutna kollha fi Kristu, biex inti tilqagħna għandek fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-martha-528

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-martha/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Martha

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.