3 ta’ Awwissu: Santa Lidja

Verżjoni Vidjo: Santa Lidja

“Lidja qagħdet tismagħna, u l-Mulej fetħilha qalbha biex tifhem dak li kien jgħid Pawlu. Wara li tgħammdet, hi u l-familja tagħha, talbitna u qaltilna: ‘Jekk jidhrilkom li jiena nemmen fil-Mulej, ejjew oqogħdu d-dar tiegħi.’ U ġagħlitna noqogħdu għandha.” – Atti 16:14-15.

Saint_LydiaSANTA LIDJA
L-Ewwel seklu

Tagħrif: Din il-qaddisa tissemma fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli (Kapitlu 16, v. 14-15).

Kienet minn Tijatira, post fil-provinċja Rumana tal-Asja, imsemmi ħafna għaż-żebgħa tad-drapp bil-porpra (lewn aħmar). Kienet tgħix fil-belt ta’ Filippi tinnegozja f’dan id-drapp meta San Pawl wasal l-ewwel darba f’din il-belt għall-ħabta tas-sena 55.

L-Atti jgħidulna li Lidja “kienet tqim lil Alla,” espressjoni li tfisser konvertita għar-reliġjon Lhudija. Darba, f’jum is-Sibt, San Pawl mar jipprietka f’dar fejn kienu jiltaqgħu jitolbu. “Lidja kienet tisma’, il-Mulej fetħilha moħħha biex tixrob kulma kien jgħid Pawlu. U tgħammdet hi u darha.”

Hekk kienet l-ewwel mara li saret nisranija fl-Ewropa. Jidher li Lidja kienet mara għanja, u għalhekk talbet, anzi insistiet biex Pawlu u sħabu Silas u Luqa jidħlu joqogħdu għandha tul il-waqfa tagħhom f’Filippi.

F’Filippi, lil Pawlu u lil Silas, wara li ċarrtulhom ilbieshom u sawtuhom bil-bsaten, tefgħuhom il-ħabs, mnejn ġew meħlusin minħabba li kienu ċittadini Rumani, bil-patt li jitilqu minn hemm.

Qabel telaq minn Filippi, Pawlu mar mill-ġdid għand Lidja jsellem lill-insara tal-post u jħeġġiġhom iżommu sħiħ fil-fidi (Atti 16:11).

Barra minn dan it-tagħrif li nsibu fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli dwar Santa Lidja, ma nafu xejn aktar fuqha. Hi patruna ta’ dawk li jiżbgħu d-drappijiet.

Ħsieb: Santa Lidja kellha l-kuraġġ mhux biss li tikkonverti imma li tagħti xhieda tal-fidi ġdida tagħha b’mod pubbliku. L-imġiba u ż-żelu tagħha juruna b’liema konvinzjoni kienet ħadnet it-tagħlim li wasslulha l-appostli dwar Kristu. U aħna llum? Nuru fidi soda, żelu u entużjażmu b’mod li bih nistgħu inkunu ta’ xhieda għal dawk ta’ madwarna?

Fl-Ittra Appostolika “Motu Proprio Data” Porta Fidei tal-Papa Benedittu XVI, insibu dan:

“Mhux ta’ b’xejn li fl-ewwel sekli l-insara kienu mistennija li jitgħallmu l-Kredu bl-amment. Dan kien iservihom bħala talba ta’ kuljum biex ma jinsewx l-impenn li ħadu fil-Magħmudija. Santu Wistin ifakkarna f’dan bi kliem mimli tifsir meta f’Omelija fuq ir-redditio symboli, dwar it-talba tal-Kredu jgħid: ‘Is-simbolu tal-misteru qaddis li rċevejtu lkoll flimkien u li llum kull wieħed minnkom stqarr, hu kliem li fuqu hi mibnija l-fidi ta’ Ommna l-Knisja fuq il-pedament sod li hu Kristu l-Mulej… Intom irċevejtuh u lqajtuh, imma tridu żżommuh dejjem f’moħħkom u f’qalbkom, tridu ttennuh f’sodditkom, taħsbu fuqu fil-pjazez u ma tinsewhx intom u tieklu: u anki meta l-ġisem ikun rieqed, tridu tishru fih b’qalbkom.’

Issa nixtieq nuri triq li tista’ tgħinna nifhmu b’aktar profondità mhux biss x’fiha l-fidi tagħna, imma wkoll dak l-att li bih niddeċiedu li nafdaw ruħna bi sħiħ f’Alla, b’libertà sħiħa. Infatti teżisti għaqda qawwija bejn l-att li bih temmen u l-kontenut li naqblu fuqu. L-appostlu Pawlu jħallina nidħlu ’l ġewwa f’din ir-realtà meta jikteb: ‘Wieħed jemmen … f’qalbu… u jistqarr b’xufftejh’ (Rumani 10:10). Il-qalb turi li l-ewwel att li bih naslu għall-fidi hu don t’Alla u azzjoni tal-grazzja li taħdem u tibdel il-bniedem mill-qiegħ.

L-eżempju ta’ Lidja jgħidilna ħafna dwar dan. San Luqa jirrakkonta li meta Pawlu mar Filippi, f’jum tas-Sibt ħabbar l-Evanġelju lil xi nisa; fosthom kien hemm Lidja u ‘l-Mulej fetħilha qalbha biex tifhem dak li kien jgħid Pawlu’ (Atti 16, 14). Din l-espressjoni hi importanti ħafna. San Luqa qed jgħallem li mhux biżżejjed inkunu nafu l-kuntenut ta’ dak li rridu nemmnu, imma li qalbna – fejn jinsabu l-affarijiet l-aktar għeżież għalina – trid tkun miftuħa għall-grazzja biex inkunu nistgħu nidħlu fil-fond u nifhmu li dak li tħabbar lilna hu Kelma t’Alla.

Min-naħa l-oħra, l-istqarrija bil-fomm turi li l-fidi titlob xhieda u impenn fil-pubbliku. In-nisrani qatt ma għandu jaħseb li t-twemmin hu xi ħaġa privata. Il-fidi hi deċiżjoni li noqogħdu mal-Mulej biex ngħixu miegħU. U li ‘noqogħdu miegħU’ hu mezz biex nifhmu dawk ir-raġunijiet li bihom nemmnu. Il-fidi, propju għax hi att tal-libertà tagħna, titlob ukoll responsabbiltà soċjali dwar dak li wieħed jemmen fih. Fil-jum ta’ Pentekoste l-Knisja turi biċ-ċar din id-dimensjoni pubblika ta’ meta wieħed jemmen u jħabbar bla ebda biża’ l-fidi tiegħu lill-bnedmin kollha. Hi don tal-Ispirtu s-Santu li biha nkunu nistgħu naqdu l-missjoni tagħna u b’hekk tissaħħaħ ix-xhieda tagħna, li ssir waħda libera u kuraġġuża”.

Talba: O Mulej, Int tajt lil Santa Lidja qalb miftuħa għall-Kelma tiegħeK li salvat lilha u lil dawk li bħalha, ħallewk tidħol fil-ħajja tagħhom, agħti lilna wkoll il-grazzja li nibqgħu ngħixu b’entużjażmu u b’impenn il-fidi li nħaddmu hekk li nipprattikawha wkoll fil-pubbliku bla mistħija ta’ xejn, filwaqt li nżommu f’moħħna li meta Inti ssallabt bi mħabba għalina, dan għamiltu fil-pubbliku, minkejja l-umiljazzjonijiet kbar li dan fisser għalik. Ammen.

English Version: http://asinnersguidetothesaints.blogspot.com/2010/07/st-lydia-purpuraria-1st-century.html

Alternative Reading: http://www.fixinghereyes.org/single-post/2017/11/29/Lydia-of-Thyatira-The-foreign-woman-who-became-the-foundation-member-of-the-Philippian-Church

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Lydia_of_Thyatira

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

11 ta’ Ġunju: San Barnaba

Verżjoni Vidjo: San Barnaba

Barnaba, meta wasal Antjokja u ra l-grazzja ta’ Alla, feraħ; għax hu kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi. Beda jħeġġiġhom biex jibqgħu b’rieda sħiħa magħqudin fil-Mulej.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Barnaba (Atti 11:23-24).

saints6-7b.jpgSAN BARNABA
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Barnaba kien Lhudi mit-tribù ta’ Levi u twieled f’Ċipru. Ma kienx wieħed mit-tnax li Ġesù sejjaħ biex ikunu appostli. Imma sa mill-bidu nett ġie msejjaħ appostlu minħabba l-ħidma kbira tiegħu għall-Knisja.

Kien Lhudi, twieled f’Ċipru, trabba f’Ġerusalemm, u x’aktarx li studja fl-iskola ta’ Gamaliel, fl-istess żmien ma’ San Pawl.

Kien wieħed minn tal-ewwel li kkonvertew għall-Kristjaneżmu, f’Ġerusalemm, wara l-Pentekoste, fis-sena 29 jew 30. Kien jismu Ġużeppi, imma l-appostli bidlulu ismu f’Barnaba – Bin il-Faraġ. Kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi. (Atti 11:24)

Kellu għalqa, u biegħha, u dak li daħħal tagħha tah lill-appostli biex iqassmuh lill-foqra.

Meta San Pawl, tliet snin wara li kkonverta, mar Ġerusalemm, kien San Barnaba li laqgħu u ntroduċieh lil San Pietru u lill-Insara li għall-ewwel sabuha bi tqila biex jemmnu kif minn persekutur qalil, isir wieħed minnhom mimli b’ħeġġa l-iktar kbira.

Minn Ġerusalemm, San Barnaba mar iżur il-Knisja ta’ Antjokja. Kien f’din il-belt li s-segwaċi ta’ Kristu bdew għall-ewwel darba jiġu msejħa Nsara. Darba minnhom San Barnaba mar Tarsu, sab lil San Pawl, u wara li stiednu, ħadu miegħu u ħadmu flimkien biex isaħħu l-Komunità ġdida ta’ Antjokja.

Meta waqa’ għaks kbir f’Ġerusalemm u l-Insara kienu qed ibatu, San Barnaba u San Pawl ġabulhom l-għajnuna li kienu ġabru min għand l-Insara ta’ Antjokja.

Imbagħad San Barnaba ngħaqad ma’ San Pawl u mar miegħu fl-ewwel vjaġġ missjunarju. Magħhom ħadu lil Marku (l-Evanġelista, li kien il-kuġin ta’ Barnaba) li wara telaqhom f’nofs triq.

Meta nqalgħet il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni San Barnaba kien jaqbel ma’ San Pawl u mar miegħu għall-Konċilju ta’ Ġerusalemm.

San Barnaba u San Pawl kienu ser jerġgħu jmorru jipprietkaw flimkien iżda ma qablux fuq Marku. San Barnaba ried li jeħduh magħhom iżda San Pawl ma riedx. Spiċċaw biex San Barnaba ħa lil Marku u mar Ċipru, waqt li San Pawl ħa lil Sila u mar is-Sirja. Wara dan ma nafux x’sar minn San Barnaba.

Iżda nafu li miet martri, mħaġġar, f’Salamis, Ċipru, fis-sena 61.

Ħsieb: L-isem ta’ Barnaba li taw l-appostli, li skont San Luqa jfisser “iben il-faraġ” (Atti 4:36), jagħtina x’nifhmu d-doni effiċjenti tiegħu bħala predikatur fil-knisja tal-bidu. Wara t-tnax u San Pawl, Barnaba jidher li kien l-aktar persuna prominenti fil-knisja appostolika. Il-liturġija tagħtih kważi l-istess status tal-appostli attwali ta’ Ġesù. Imma l-hekk imsejħa Ittra ta’ San Barnaba, għalkemm hi dokument bikri ħafna, mhix xogħol tiegħu.

Barnaba jissemma b’ismu fl-Atti, bħala wieħed membru ġeneruż, fil-Knisja fqira tal-bidu, f’Ġerusalemm. Il-komunità tal-ewwel Insara kienu ta’ qalb waħda u ruħ waħda, ħadd ma kellu xejn tiegħu, imma kellhom kollox flimkien. Qatt ma kien hemm persuna waħda fil-bżonn, għax dawk li kellhom xi propjetà jew djar, kienu jbigħuha u dak li jaqilgħu kienu jpoġġuh f’riġlejn l-appostli, u b’hekk kollox jinqasam bejn kulħadd.

F’Atti 4: 36-37, insibu dan: “Hekk għamel il-levita Ġużeppi, minn Ċipru, li l-appostli kienu jsejħulu Barnaba, jiġifieri, ‘bin il-faraġ’. Dan kellu għalqa, biegħha, u l-flus li daħħal minnha mar iqegħedhom f’riġlejn l-appostli.”

Dan li ġej huwa kliem il-qaddej t’Alla Br. Brother Louis Camilleri f.s.c. :

“San Barnaba jagħtina eżempju ta’ umiltà u ta’ distakk mill-ġid tad-dinja:

  • ta’ umiltà, għax dejjem iħalli lil San Pawl jitkellem u jċedilu dejjem l-ewwel post;
  • ta’ distakk, għax ibigħ ġidu kollu u jagħtih lill-fqar.

Il-ġid tad-dinja hu don t’Alla li għandna nilqgħu bi gratitudni u ninqdew tajjeb bih. Hu wkoll fl-istess ħin periklu u xkiel: għalhekk bosta qaddisin ħallewh wara spallejhom biex aktar ikunu qrib Ġesù.”

  • U int, ġeneruż ma’ Alla u mal-proxxmu fil-bżonn?
  • Tafda fil-Providenza Divina li tmexxi ħajtek tgħaddi minn xiex tgħaddi?
  • Kemm int lest/a li tqis lil ħaddieħor aqwa minnek u int tagħżel il-postijiet umli?
  • Lest/a li xxandar lil Kristu f’kull okkażjoni li tiġik bla ma tagħmel distinzjoni bejn dak u dik?

Alla l-Missier mela lil San Barnaba bil-fidi u l-għerf tal-Ispirtu s-Santu u bagħtu jxandar u jikkonverti n-nazzjonijiet imbiegħda. Ejjew nitolbu biex bl-interċessjoni tiegħu aħna wkoll bħal San Barnaba, qatt ma nieqfu nxandru l-Evanġelju bil-kliem u bl-għemil.

Talba: O Alla, int ridt li jintgħażillek San Barnaba, raġel mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi, u bgħattu jaħdem fost il-pagani ħa jduru lejk ibgħat ħaddiema fidili biex bħalu, b’qawwa kbira, bil-kliem u bl-għemil ixandru l-Bxara t-tajba ta’ Ibnek, bl-istess Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/06/st-barnabas.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-barnabas-apostle-496

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Barnabas

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

14 ta’ Mejju: San Mattija

Verżjoni Vidjo: San Mattija

“Mulej, int li tagħraf qlub kulħadd, uri liema wieħed għażilt biex jieħu l-post ta’ dan il-ministeru u tal-appostolat. Tefgħu x-xorti, li waqgħet fuq Mattija, u dan ħa postu mal-ħdax-il appostlu l-oħra.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Mattija.

mathias1SAN MATTIJA
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: Mill-Atti tal-Appostli nafu li San Mattija kien ma’ Ġesù mill-magħmudija Tiegħu fix-xmara Ġordan, sat-tlugħ Tiegħu fis-sema. (Atti 1:21-22).

Ġesù stess għażel lil San Mattija biex ikun wieħed mit-72 dixxiplu li bagħathom jgħallmu.

Żmien qasir wara li Ġesù tela’ s-sema, San Pietru ppropona lill-mija u għoxrin ruħ li kienu miġbura fiċ-ċenaklu biex jagħżlu wieħed minnhom sabiex jieħu l-post ta’ Ġuda l-Iskarjota, biex isseħħ l-Iskrittura: “Ħalli xogħolu jieħdu ħaddieħor.” (Atti 1:20)

Ir-rakkont jgħid li Pietru qam fost il-ġemgħa tal-aħwa u qal: “… Jeħtieġ għalhekk li jingħażel wieħed minn dawk li ssieħbu magħna biex ikun flimkien magħna xhud tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. ” Imbagħad resqu tnejn, Ġużeppi msejjaħ Barsaba, li jgħidulu wkoll Ġustu, u Mattija. U talbu hekk: “Mulej, int li tagħraf il-qalb ta’ kulħadd, uri liema minn dawn it-tnejn int għażilt biex jieħu l-post ta’ dan il-ministeru u l-appostolat li minnu telaq Ġuda biex imur fejn kien jistħoqqlu.” Imbagħad tefgħu x-xorti, li waqgħet fuq Mattija, u dan ħa postu mal-ħdax-il appostlu l-ieħor (Atti 1, 15, 21-6).

Mattija jfisser “għotja (rigal) ta’ Alla”. Bħala appostlu, Mattija, wara li ppriedka ‘l Ġesù u t-tagħlim tiegħu fil-Ġudea, it-tradizzjoni tal-Griegi tgħidilna li San Mattija ħawwel il-fidi f’Kappadoċja u madwar il-Baħar Kaspju, l-iktar qrib il-port Iussuż. Aktarx bata ħafna tbatijiet fost dan il-poplu krudil. L-istess awturi jżidu jgħidu li rċieva l-kuruna tal-martirju f’Kalċis, li huma jsejħu l-Etjopja. Skont tradizzjoni oħra, San Mattija pprietka l-Evanġelju fil-Lhudija u fl-Etjopja fejn kien maqtul imsallab; tradizzjoni oħra tgħid li qatgħulu rasu f’Ġerusalemm.

Hu patrun tal-ħajjata, tal-mastrudaxxi u ta’ dawk li qatgħu l-vizzju tax-xorb; hu msejjaħ kontra l-mard tal-ħożba. Il-Latini kienu jżommu l-festa tiegħu fl-24 ta’ Frar, iżda fir-Riforma tal-Kalendarju Liturġiku (1969) bdiet issir fl-14 ta’ Mejju biex ikun qrib il-festa tal-Axxensjoni ta’ Kristu u l-Pentekoste. Xi fdalijiet tiegħu jintwerew fil-knisja abbatika ta’ Triers u f’Santa Marija Maggiore, Ruma. Hemm min jgħid li dawn tal-aħħar, huma ta’ Mattija ieħor. Jinsab “Evanġelju skont San Mattija,” iżda dan hu Evanġelju apokrifu.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-isqof San Ġwann Kriżostmu fuq il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli bit-titlu: ‘Mulej, uri liema wieħed għażilt’:

“Pietru qam, ta’ bniedem imħeġġeġ li kien, hu li Kristu fdalu l-merħla f’idejh. Bħala l-ewwel wieħed fil-ġemgħa, kien dejjem l-ewwel wieħed li jiftaħ fommu. ‘L-aħwa, jenħtieġ nagħżlu.’ Ħalla l-ġudizzju f’idejn il-ġemgħa; fl-istess ħin ħaseb għall-ġieħ ta’ dawk li kienu se jintgħażlu u ħeles lilu nnifsu mill-għira li setgħet titnissel f’xi ħadd. Għax sikwit jiġri li f’ċirkustanzi bħal dawn jinqala’ nkwiet kbir.

Imma b’daqshekk? Forsi dan ifisser li Pietru waħdu ma kellux is-setgħa li jagħżel? Seta’, iva; iżda dan ma għamlux, biex ħadd ma jaħseb li qed jimxi bil-grazzja. Terġa’ mbagħad kien għadu anqas niżel fuqu l-Ispirtu s-Santu. U ressqu tnejn, Ġużeppi, imsejjaħ Barsaba, u mlaqqam ukoll Ġustu, u Mattija. Mhux hu ressaqhom, imma kulħadd. Biss hu wriehom il-fehma tiegħu, anzi qalilhom li dik il-fehma ma kinitx tiegħu, għaliex diġà fl-imgħoddi kienet imniżżla fil-profezija. Hu ma ordna xejn, imma biss fisser il-profezija.

Jenħtieġ għalhekk, qal, ‘li wieħed minn dawk li ssieħbu magħna.’ ‘Araw, iridhom xhieda li raw b’għajnejhom stess, avolja kien ġej l-Ispirtu s-Santu fuqhom.’ Huwa qagħad attent ħafna għal dan.

‘Minn dawk li ssieħbu magħna,’ qal, ‘tul iż-żmien kollu li l-Mulej Ġesù għex fostna,’ jiġifieri, ried nies li kienu għexu ma’ Ġesù, u mhux biss kienu dixxipli tiegħu. Ma hemmx dubju li sa mill-bidu kienu ħafna dawk li marru warajh. L-evanġelista qal: ‘Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù.’

Iż-żmien kollu li l-Mulej Ġesù għex fostna, ibda mill-magħmudija ta’ Ġwanni, ħadd ma kien kiseb tagħrif sewwa mingħand xi ħadd dwar dak li kien ġara qabel; dan għarrafhulhom l-Ispirtu s-Santu.

‘Sal-jum li fih kien meħud minn magħna,’ qal, ikun ukoll jixhed magħna għall-qawmien tiegħu mill-imwiet. Ma semmiex ġrajjiet oħra, imma l-qawmien mill-imwiet biss. Għax kien iżjed ta’ min jemmnu dak li seta’ jgħid: Dak li kiel u xorob magħna, dak li kien imsallab, dak hu li qam mill-imwiet. Għalhekk ma kienx hemm għalfejn ikun xhud ta’ dak li ġara qabel jew wara fiż-żmien, anqas tas-sinjali li l-Mulej għamel, imma tal-qawmien mill-imwiet biss. Għax il-ġrajjiet l-oħra saru bid-dieher u kienu magħrufa minn kulħadd; iżda l-qawmien mill-imwiet mhux hekk, dawn biss kienu jafu bih.

U talbu lkoll flimkien u qalu hekk: ‘Mulej, int li tagħraf qlub kulħadd, uri. Int, mhux aħna.’ Għamlu tajjeb li sejħu lil dak li jagħraf il-qlub, għax l-għażla kienet f’idejh, u mhux f’idejn ħaddieħor. Minn hawn kienet ġejja dik il-fiduċja li wrew meta qalu li jenħtieġ tassew li jintgħażel wieħed. U ma qalux: ‘Agħżel,’ imma ‘uri l-magħżul,’ – ‘uri liema għażilt,’ qalu, – għax kienu jafu li Alla jagħżel kollox minn qabel. Imbagħad tefgħu x-xorti. Ħassew li għalissa ma kienx jistħoqqilhom jagħmlu l-għażla huma stess, u għalhekk xtaqu li Alla jurihom b’sinjal.”

Illum Kristu qiegħed jagħżel lilek kif għażel lil Mattija, u qed jitolbok tkun tafu u tiltaqa’ miegħu għaliex meta tkun esperjenzajt dik l-intimità ta’ faraġ miegħu, int tkun tista’ xxandar l-għeġubijiet tal-imħabba t’Alla għal kulħadd. Ġesù għandu relazzjoni unika ma’ kull persuna, u b’dan ikollna ħila naraw il-wiċċ ta’ Kristu f’kull wiċċ uman.

  • M’hemmx dubju li Kristu għażel lilek ukoll, imma int, tista’ tgħid li għażilt Lilu, qed tgħix skont it-tagħlim tiegħU u qed twasslu lil ħaddieħor b’dak li tgħid u tagħmel?

Talba: O Alla, int għażilt lil San Mattija u daħħaltu fl-għaqda tal-appostli; bit-talb tiegħu, imliena bil-ferħ ta’ mħabbtek u għoddna mal-magħżulin tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-matthias.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-matthias/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Matthias

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

22 ta’ Jannar: San Publju

Verżjoni Vidjo: San Publju

“Kollox għamel tajjeb: bil-qalb kollha laqa’ għandu lil Pawlu u ‘l sħabu wara li ħelsu mill-għarqa, u ferraħ lil kulħadd bir-rebħa tal-fidi ta’ Kristu f’Malta”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Publju

01590a1443edb0451ce8b986fa563e00SAN PUBLJU
Prinċep ta’ Malta, Isqof u Martri
? – 161

Tagħrif: L-Atti tal-Appostli fil-kapitlu 28 jsemmi l-laqgħa li l-Maltin għamlu lil San Pawl u sħabu wara l-għarqa fuq xtut gżiritna waqt li kienu fi triqthom lejn Ruma. San Luqa, wara li jsemmi l-miraklu tal-lifgħa li ma qatletx bil-velenu tagħha lil San Pawl, jgħid: “F’dawk l-inħawi kellu l-artijiet tiegħu l-prinċep tal-gżira, jismu Publju, li laqagħna u ġieb ruħu magħna bi tjubija mhux żgħira. Issa ġara li missier Publju kien mixħut bid-deni u bid-disinterija. U Pawlu daħal għandu, u wara li talab u poġġa jdejh fuqu, fejqu. Wara din il-ġrajja dawk kollha li fil-gżira kellhom xi marda bdew jersqu u jiġu mfejqin. U huma qimuna b’bosta ġieħ, u meta tlajna fuq il-bastiment għabbewna b’kull ma kellna bżonn.” (Atti 28:7-10)

Publju kien il-gvernatur tal-gżira, il-“proto” – titlu li jiġi mogħti lill-ogħla maġistrat tal-gżira, li jkun delegat tal-“Praetor” ta’ Sqallija. It-tradizzjoni Maltija żżomm li San Pawl waqqaf il-Knisja f’Malta u kkonsagra lil San Publju bħala l-ewwel isqof tagħha. Din it-tradizzjoni hija bbażata mill-fatt li kull fejn mar San Pawl dejjem ħalla, meta ma kellux il-ħsieb li jirritorna, ieħor warajh bħala l-kap u r-ragħaj tal-Knisja ġdida.

(Xi wħud, fosthom San Beda, iħalltu lil San Publiju ta’ Malta ma’ San Publju isqof ta’ Atene li ħa l-martirju fis-seklu II. Dan Isqof tal-belt glorjuża ta’ Atene għex lejn nofs it-tieni seklu. Kien fi żmien l-Imperatur Antoninu Piju (138 – 161) meta l-Knisja kienet imħabbta mill-Injostiċi li kienu jaraw ir-Reliġjon bħala skola ta’ kultura, u għalhekk kienu jgħidu li min ma kienx għaref ma setax jgħid li kien nisrani tassew. San Publju, fost l-Isqfijiet tajbin, kien qed juri li r-Reliġjon hi fuq kollox imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn għal Alla.

Tagħlim ieħor żbaljat ta’ żmienu kien dak ta’ Doċeti, li żammew li Kristu ma kienx bniedem, imma deher biss b’ġisem bħal tagħna. Fi żmien ta’ persekuzzjoni kontra l-Insara, hu ma warrabx minn Atene. Hu ġie kkundannat għall-mewt minħabba twemminu. Dan jidher li ġara fl-ewwel sena tal-Imperatur Mark Awrelju, jiġifieri fis-sena 161. San Djonisju, Isqof ta’ Korintu, ċanfar lin-nies ta’ Atene talli kienu waqgħu fl-indifferenza wara li l-Isqof tagħhom Publju kien ġie mogħti l-martirju.

Għalkemm ma tantx għandna tagħrif dwaru, dawk li ġabru ismijiet il-martri ta’ l-ewwel żmien qiegħdu ismu ma’ dawk ta’ dawk li mietu fil-21 ta’ Jannar. Aħna niċċelebrawh fit-22 tax-xahar biex ma nħallux barra t-tifkira ta’ Santa Anjeże, li taħbat fl-istess ġurnata.)

Fl-1609 San Publju li kien fiż-żgur il-gvernatur tal-gżira tagħna, kien maħtur wieħed mill-qaddisin protetturi ta’ Malta mill-Isqof Gargallo (1577-1610). Il-parroċċa tal-Furjana hi ddedikata lil San Publju ta’ Malta.

Ħsieb: Qari mill-Omeliji tal-Isqof San Ġwann Kriżostmu fuq il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli bit-titlu “Ġietu ħniena minnhom”:

“F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Araw bniedem ieħor, iħobb jilqa’ l-barranin. Dan Publju, raġel għani u jista’, ġietu ħniena minnhom, laqagħhom għandu bil-qalb u dar bihom, mhux għax kien ra xi ħaġa minnhom, iżda minħabba l-għawġ li ġie fuqhom.

Wara li ħelsu mill-għarqa, in-nies ma għalqux għajnejhom għalihom, anzi laqgħuhom bil-qalb minħabba Pawlu, u għal tliet xhur sħaħ waqfu magħhom ilkoll u ħasbulhom għall-ikel. Dawn in-nies iġagħluna nistħu: ma kinux jafuhom lil dawk li ħelsu mill-għarqa, iżda rawhom fl-għawġ u fehmu sewwa li huma wkoll kienu bnedmin; għalhekk laqgħuhom bil-ħlewwa.

Fil-qrib kien hemm l-oqsma ta’ Publju, il-prinċep tal-gżira, li laqagħhom u żammhom għandu bil-qalb. Sewwa qal, għax irid ikollok qalb kbira biex tilqa’ u żżomm għandek mitejn u sitta u sebgħin ruħ. Araw xi qligħ kbir għandu min jilqa’ l-barrani. Laqagħhom u żammhom għandu għal tlitt ijiem, mhux għax dan ma rahx meħtieġ, anqas ma għamlu fuq il-qalb, imma għax intebaħ bil-qligħ li kien se jikseb. U għalhekk bil-ħaqq kollu tħallas tal-laqgħa tajba li għamlilhom, anzi ngħatalu wisq aktar ukoll, għax Pawlu fejjaqlu lil missieru, li kien marid bid-disenterija, u mhux lil missieru biss imma fejjaq ukoll ħafna morda oħra”.

San Publju hu mudell ta’ ragħaj qawwi fit-taqbida. Jalla aħna wkoll nuru ruħna qawwijin fil-fidi li rċevejna u nibqgħu sodi fil-waqt tal-prova u ma nibżgħux inkunu xhieda ta’ Kristu u jekk jitlobhielna, nagħtu ħajjitna għalih.

EJJEW NITOLBU LIL SAN PUBLJU BIEX B’TALBU JERĠA’ JQABBAD FINA L-FJAMMA LI KEBBES F’RUĦ MISSIERIJIETNA MISSIERNA SAN PAWL F’DAWN IL-GŻEJJER. LI KIEKU MA ĠIEX HU BI PROVIDENZA DIVINA, JIFTĦILNA GĦAJNEJNA U JTINA L-FIDI, U LI KIEKU SAN PUBLJU MA LAQGĦUX BĦALA L-MIGĦBUT MINN ALLA KIF TASSEW KIEN, LI KIEKU KONNA NIBQGĦU BLA GĦARFIEN DWAR IT-TAGĦLIM VERU LI JWASSAL GĦAS-SALVAZZJONI TA’ RUĦNA.

IMMA ISSA SAN PAWL ĠIE, INT LI INT IL-PATRUN TAL-GŻEJJER TAGĦNA, AGĦMEL LI MA NWARBUX IL-MESSAĠĠ QAWWI T’ALLA GĦALINA LI GĦOĠBOK TGĦADDILNA, BIEX MA NIĠUX IMWARBA MINNU FL-AĦĦAR JUM!

GĦINNA, O GĦAŻIŻ PATRUN TA’ DAWN IL-GŻEJJER, BIEX MA NISFAWX ĠUSTAMENT IKKUNDANNATI TALLI NKUNU ĦALLEJNA KLIEMEK JISPIĊĊA FIX-XEJN, IMMA AGĦMEL LI NQUMU MILL-WAQGĦAT TAGĦNA U NERĠGĦU NFITTXU LI NGĦIXU TA’ NSARA TASSEW U B’HEKK INKUNU QED NAGĦTUK IL-VERU U L-UNIKU ĠIEĦ LI TISTENNA MINN GĦANDNA.

Talba: O Alla, int għoġbok li San Publju jilqa’ lill-Appostlu Missierna San Pawl u jżommu għandu bil-qalb: agħmel li, bil-merti u t-talb tal-istess Publju, ngħixu fuq din l-art magħqudin miegħek bil-fidi u l-imħabba, biex niksbu l-hena ta’ dejjem fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=5507

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-publius-of-malta/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Publius

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.